Snap Values
Ċentru tal-Politiki

Linji Gwida għall-Kontenut biex ikun Eliġibbli għas-Suġġerimenti

Biex ikun jista' jiġi suġġerit bl-algoritmi lil hinn mill-ħbieb jew l-abbonati tal-ħallieqa (bħal, ngħidu aħna, fuq Stejjer, Spotlight jew il-Mappa), il-Kontenut għandu jimxi ma' standards oħra, iktar reqqija, li tista' ssib fil-Linji Gwida tal-Kontenut f'dil-paġna.

Għal xiex jgħoddu dal-Linji Gwida tal-Kontenut?

Snapchat hija app imsejsa fuq l-istampi li tfasslet biex tgħin lin-nies jikkomunikaw ma' sħabhom u ma' familthom. Iżda hemm xi mkejjen tal-app fejn il-kontenut pubbliku jista' jilħaq udjenza usa' grazzi għas-suġġerimenti tal-algoritmi. Dan il-kontenut jissejjaħ Kontenut Suġġerit. Ngħidu aħna:

  • Fit-tab Stejjer, l-iSnapchatters jistgħu jsibu l-kontenut suġġerit li ġej minn imsieħba tax-xandir professjonali u ħallieqa magħrufa.

  • Fuq Spotlight, l-iSnapchatters jistgħu jaraw il-kontenut maħluq u mibgħut mill-komunità tagħna.

  • Fuq il-Mappa, l-iSnapchatters se jkunu jistgħu jsibu l-avvenimenti, l-aħbarijiet tal-mument u ħwejjeġ oħra minn madwar id-dinja kollha.

Kif jintużaw dal-Linji Gwida tal-Kontenut?

Aħna nwettqu dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut b'taħlita ta' għarbiel awtomatiku bit-teknoloġija u għarbiel minn nies. Għandna wkoll għodod fl-app biex l-iSnapchatters ikunu jistgħu jirrappurtaw il-kontenut li jemmnu li mhux xieraq. Aħna nwieġbu r-rapporti tal-utenti mingħajr telf ta' ħin u nużaw il-ħsibijiet u l-kummenti tagħhom biex intejbu x-xorta ta' kontenut li nuru lill-iSnapchatters kollha.

Il-linji gwida tal-eliġibbiltà għas-suġġerimenti f'dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jgħoddu l-istess għall-kontenut, ġej minn fejn ġej—kemm minn xi msieħba tagħna, minn ħallieq privat jew minn kull xorta ta' għaqda oħra.

Il-Jeddijiet Miżmuma minn Snap

Għandna l-jedd li nwettqu dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut kif jidhrilna aħna u li nagħmlu kull għemil biex inwettquhom fosthom billi nneħħu, nillimitaw ix-xandir, nissospendu, inrażżnu t-tixrid u nneħħu l-aċċess ta' xi utenti skont l-età tagħhom għall-kontenut tiegħek.

Il-Ħallieqa jew l-Imsieħba li jiksru r-Regoli tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna se jitqiesu li qed jiksru dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.

Barra minn hekk, l-ebda kontenut ma jista' jikser il-liġijiet li obbligat jimxi magħhom fil-post fejn ikun qed jixxandar u l-ftehim tar-regoli tal-kontenut li għandna miegħek. Meta nemmnu xi kontenut ikun qed jikser dawn ir-regoli, għandna l-jedd li nneħħu dak il-kontenut.

Personalizzazzjoni u Kontenut Sensittiv

L-iSnapchatters huma grupp magħmul minn għadd ta' etajiet, kulturi u twemmin u rridu li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom esperjenza sigura, ta' ġid u ta' siwi, anki l-iżgħar fosthom; li jafu jkollhom biss 13-il sena. Billi l-iSnapchatters jistgħu jintwerew kontenut li qatt ma talbu li jarawh, fassalna dawn il-linji gwida biex inħarsuhom minn kontenut li jaf ma jkunx mixtieq jew xieraq.

Fost il-kontenut li jintwera f'Kontenut Suġġerit, aħna nippruvaw nippersonalizzaw is-suġġerimenti, l-iktar fejn jidħol il-kontenut li nsejħulu “Sensittiv”. Il-kontenut Sensittiv jista', ngħidu aħna:

  • Jissuġġerixxi trattamenti għall-akne li jafu jqażżu lil xi Snapchatters filwaqt li jogħġbu jew ikunu ta' siwi għal oħrajn; jew

  • Juri nies bl-ilbies tal-għawm b'mod li, skont il-kuntest jew min ikun qed jarah, jista' jagħti x'tifhem li qed ikebbes ix-xenqiet sesswali.

Għalkemm nafu nissuġġerixxu xi Kontenut Sensittiv, nafu ma nissuġġeruhx lil xi Snapchatters minħabba l-età, il-post fejn jinsabu, il-preferenzi tagħhom u dettalji oħra. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li dak li jitqies Sensittiv f'dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut huwa biss eżempju u jista' jkun hemm iktar xorta ta' kontenut li jitqies hekk minbarra dan li msemmi hawn. Nistgħu nillimitaw jew ma nissuġġerixxux xi kontenut b'rabta mal-istorja tal-għarbiel, mal-kummenti u l-ħsibijiet mibgħuta mill-utenti, mas-sinjali tal-interazzjonijiet jew minħabba l-għażliet editorjali tagħna.

Li Jmiss:

Eliġibbiltà għas-Suġġerimenti

Read Next