Aġġornajna l-Politika tal-Privatezza tagħna, fis-seħħ mill-21 ta' Settembru 2026. Tista’ tara l-Politika ta’ Privatezza ta’ qabel, li tapplika għall-utenti kollha sal-21 ta’ Settembru 2026, hawn.
Politika tal-Privatezza
Fis-seħħ minn: 21 ta’ Settembru, 2026
Merħba fil-Politika tal-Privatezza ta' Snap Inc. Dil-Politika tispjega kif niġbru u nużaw id-dejta tiegħek u kif tista' tikkontrolla l-informazzjoni tiegħek. Qed tfittex sommarju rapidu tal-prattiki tagħna dwar il-privatezza? Iċċekkja din il-paġna jew dan il-vidjow. Jekk qed tfittex informazzjoni speċifika dwar il-privatezza ta’ prodott – pereżempju, kif nipproċessaw iċ-Chats u s-Snaps tiegħek – agħti ħarsa lejn il-paġna tagħna dwar il-Privatezza skont il-Prodott. Minbarra dawn id-dokumenti, nuru wkoll notifiki fl-app li jagħtuk aktar informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi tagħna.
Jekk int utent ta’ SPECS, tista’ ssir taf aktar dwar kif niġbru u nużaw id-dejta tiegħek hawn.
It-trasparenza hija waħda mill-valuri fundamentali tagħna ta' Snap. Nemmnu li m’għandux ikun hemm sorpriżi dwar id-dejta li niġbru u kif nużawha — u għalhekk inkunu ċari u miftuħa dwar il-mod kif nipproċessawha. Pereżempju, aħna nipproċessaw l-informazzjoni tiegħek biex nipprovdulek esperjenza aktar personalizzata, inkluż biex nuruk kontenut u informazzjoni li huma l-aktar rilevanti għall-esperjenza tiegħek, kif ukoll reklami aktar rilevanti. Li nifhmu l-interessi u l-preferenzi tiegħek jgħinna nipprovdu esperjenza aħjar tal-prodott.
Barra minn hekk, nemmnu li esperjenza personalizzata m'għandhiex tiġi għad-detriment tal-privatezza tiegħek. Bħal fil-ħajja reali, hemm mumenti li tkun trid taqsam privatament mal-ħbieb tal-qalb tiegħek, u oħrajn li tkun trid taqsam pubblikament. Huwa għalhekk li, mill-ewwel jum, il-filosofija tagħna kienet li nħassru l-kontenut awtomatikament u nagħtu lill-utenti ta’ Snapchat il-kontroll, billi nipprovdu l-għodod li jippermettulhom jiddeċiedu x’isir mill-kontenut tagħhom – bħal ma’ min jaqsmuh jew meta jissejvjawh.
Din il-Politika tkopri l-applikazzjoni tagħna ta’ Snapchat kif ukoll il-prodotti, is-servizzi u l-funzjonalitajiet l-oħra tagħna, bħal Bitmoji, SPECS u l-inizjattivi tagħna ta’ reklamar u kummerċ. Meta taqra “Servizzi” f'din il-Politika, aħna qed nitkellmu dwarhom kollha. Jekk tara li ntużat il-frażi “Regoli,” mela dan ifisser ir-Regoli tas-Servizz li taċċetta meta tirreġistra għas-Servizzi tagħna. Fl-aħħar nett, jekk tara t-terminu "Snapchatter", ħafna drabi nkunu qed nużawh bħala terminu fil-qosor biex nirreferu għal kwalunkwe utent tas-Servizzi tagħna.
Ejja nibdew bil-kontroll li għandek fuq l-informazzjoni tiegħek:
Kontroll fuq l-Informazzjoni Tiegħek
Hu importanti ħafna għal Snapchat li jkollok kontroll fuq l-informazzjoni u s-settings tiegħek int u tuża l-pjattaforma tagħna. Tista' taċċessa, taġġorna u tħassar l-informazzjoni tiegħek, tiddeċiedi min jista' jikkuntattjak, u tniżżel id-dejta tiegħek mill-app ta' Snapchat. Hawn taħt se nagħtuk iktar dettalji dwar ix-xorta tas-settings li tista' tuża, nagħtuk link li twasslek għall-għodda tagħna biex tniżżel id-dejta u nagħtuk l-istruzzjonijiet fuq kif tħassar id-dejta jew il-kont tiegħek.
Billi rridu li jkollok kontroll fuq l-informazzjoni tiegħek, se nagħtuk firxa ta' għodod, fosthom:
Aċċessa u aġġorna l-informazzjoni tiegħek. Tista' taċċessa u timmodifika l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni bażika tiegħek, inklużi d-dettalji tal-kont (informazzjoni dwarek, bħal ismek, l-isem tal-utent, l-indirizz tal-email, id-data tat-twelid u n-numru tat-telefon), direttament fis-Servizzi tagħna. Sempliċiment mur fis-settings tiegħek u tara l-għażliet disponibbli għalik.
Ħassar l-informazzjoni tiegħek. Jekk trid tħassar il-kont tiegħek, ara kif tagħmel hekk hawn. Tista’ wkoll tħassar ċerta informazzjoni fis-Servizzi tagħna, bħal kontenut li tkun issejvjajt fil-Memories, kontenut li tkun qsamt ma’ My AI, kontribuzzjonijiet għal Spotlight, u aktar.
Ikkontrolla min jista' jara l-kontenut tiegħek. Ħloqna għadd ta’ għodod li jippermettulek tagħżel ma’ min taqsam il-kontenut tiegħek. F'xi każijiet tista' tkun trid taqsam kontenut mal-ħbieb tiegħek biss, u f'każijiet oħra tista' tkun trid taqsmu mal-pubbliku. Biex issir taf iżjed, mur hawn.
Ikkontrolla min jista' jikkuntattjak. Snapchat huwa maħsub għal ħbieb qrib u għall-familja; għalhekk ħloqna għodod ta’ kontroll li jgħinuk tiddeċiedi min jista’ jikkuntattjak. Jekk tirċievi komunikazzjoni mhux mixtieqa, tista’ tibblokkja u tirrapporta dik il-persuna. Mur hawn biex issir taf aktar.
Ibdel il-permessi tiegħek. Fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tista' tibdel il-permessi tiegħek fi kwalunkwe ħin. Pereżempju, awtomatikament tista' tinstab minn oħrajn permezz tan-numru tat-telefon u/jew l-indirizz tal-email li tkun ipprovdejt. Jekk m’għadekx tixtieq tkun tista’ tiġi misjub, tista’ dejjem timmodifika s-settings tiegħek. Jew, jekk tajt aċċess għall-kuntatti tat-telefon jew tal-pjattaforma ta’ entità esterna tiegħek biex tagħmilha aktar faċli li żżid ħbieb, tista’ tibdel dan aktar ’il quddiem fis-settings tal-app tiegħek. Naturalment, jekk tagħmel hekk, ċerti funzjonalitajiet u servizzi — bħas-sejba ta’ ħbieb fil-lista tal-kuntatti tiegħek — mhux se jaħdmu.
Agħżel li ma tirċevix messaġġi promozzjonali. Għandek l-għażla li tagħżel li ma tirċevix jew li tħassar l-abbonament tiegħek minn emails u messaġġi promozzjonali mibgħuta permezz ta’ SMS jew pjattaformi oħra tal-messaġġi. Biex tagħmel dan, sempliċiment segwi l-istruzzjonijiet fil-messaġġ, bħal link biex tneħħi l-abbonament jew funzjonalità simili.
Niżżel id-dejta tiegħek. Tista’ tagħmel talba fl-għodda Niżżel id-Dejta Tiegħi biex tesporta kopja tal-informazzjoni ta' Snapchat tiegħek.
Oġġezzjona għall-ipproċessar Skont fejn tgħix u d-data speċifika li nkunu qed nipproċessaw, jista’ jkollok id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tagħna ta’ dik l-informazzjoni. Din issir ftit iktar teknika, u għalhekk spjegajniha iktar bir-reqqa hawn.
Issettja l-preferenzi tar-reklamar. Nippruvaw nuruk reklami li naħsbu li huma rilevanti għall-interessi tiegħek, iżda jekk tippreferi esperjenza inqas personalizzata, tista’ tibdel is-settings tar-reklamar tiegħek fl-app ta’ Snapchat. Sir af iktar minn hawn.
Monitoraġġ. Jekk tuża iPhone b’iOS 14.5 jew verżjoni aktar reċenti, xi rekwiżiti speċifiċi se jkunu relevanti u huma elenkati hawn.
Informazzjoni li Niġbru
Din it-taqsima tipprovdilek dettalji dwar l-informazzjoni li niġbru: dik li tipprovdilna, dik li niġbru meta tuża Snapchat, u informazzjoni li nirċievu minn kumpaniji jew apps oħra li huma konnessi mal-kont tiegħek ta’ Snapchat. Xi drabi, nistgħu niġbru wkoll informazzjoni addizzjonali, bil-permess tiegħek.
Meta tuża s-Servizzi tagħna, bħal Snapchat, aħna niġbru informazzjoni li tipprovdilna, niġġeneraw informazzjoni meta tuża s-Servizzi tagħna, u f’xi każijiet nirċievu data mingħand ħaddieħor. Ejja neżaminawhom f'aktar dettall.
Ħafna mis-servizzi tagħna jeħtieġu li toħloq kont. Biex nagħmlu dan, nitolbuk tipprovdilna dettalji tal-kont. Meta toħloq il-profil tiegħek, tipprovdilna wkoll dettalji tal-profil (bħall-Bitmoji u r-ritratt tal-profil tiegħek). Jekk tuża l-prodotti kummerċjali tagħna biex tixtri xi ħaġa, bħal dawk l-aħħar papoċċi tal-ġiri, nistgħu nitolbuk informazzjoni dwar il-ħlas u informazzjoni relatata (bħall-indirizz fiżiku tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nibgħatulek il-prodott; informazzjoni dwar il-ħlas, sabiex inkunu nistgħu nipproċessaw il-ħlas; u l-istorja tat-tranżazzjonijiet). Abbażi tar-reġjun tiegħek, nistgħu nużaw ukoll l-informazzjoni li tipprovdi biex nistmaw jew niddeduċu l-età tiegħek, jew biex nitolbuk tivverifika l-età tiegħek.
Naturalment, int se tipprovdilna wkoll informazzjoni li tibgħat jew tissejvja fis-Servizzi tagħna, inklużi kontenut u informazzjoni dwar dak il-kontenut, kif ukoll kontenut li taqsam u tiġġenera permezz tal-Funzjonalitajiet tal-IA tagħna (kontenut, jew "Inputs", inklużi test, immaġini, vidjow, awdjo, post preċiż u interazzjoni — inkluż kontenut li taqsam ma' My AI — li jintużaw biex jiġu ġġenerati kontenut u tweġibiet, jew "Outputs"). Aħna nqisu parti minn din l-informazzjoni bħala kontenut u komunikazzjonijiet privati (bħal Snaps u chats mal-ħbieb tiegħek, sejħiet bil-vuċi u bil-vidjow, u kontenut li jinsab issejvjat f’Għal Għajnejja Biss). Jew kontenut li taqsam ma’ udjenza speċifika, bħal stories privati u dawk għall-ħbieb (My Story issettjata għal Friends, Private Stories). Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru, parti mill-informazzjoni li tibgħat jew tissejvja fis-Servizzi tagħna tista’ tkun kontenut pubbliku aċċessibbli għal kulħadd (bħal kontenut ta’ Story Pubblika — inklużi "L-iStory Tiegħi" issettjata għal "Kulħadd", "Stories Kondiviżi" u "Stories għall-Komunità" — sottomissjonijiet għal "Spotlight" jew "Mappa ta' Snap", u informazzjoni ta’ Profil Pubbliku). Żomm f'moħħok li l-iSnappchatters li jaraw l-iSnaps, iċ-Chats u kwalunkwe kontenut ieħor tiegħek jistgħu dejjem jieħdu screenshot ta' dak il-kontenut, jissejvjawh jew jikkupjawh barra mill-app ta' Snapchat. Għalhekk, jekk jogħġbok tibgħatx messaġġi jew taqsamx kontenut li ma tixtieqx li xi ħadd jissejvja jew jaqsam.
Fl-aħħar nett, meta tikkuntattja lit-Tim tal-Għajnuna (il-kontenut u l-messaġġi li taqsam mat-Tim tal-Għajnuna) jew lit-Tim tas-Sigurtà tagħna jew meta tikkomunika magħna b'xi mod ieħor, anki bħala parti minn stħarriġ (bħal, ngħidu aħna, meta twieġeb għal stħarriġ jew xi mistoqsijiet oħra li nafu nibagħtulek), aħna se niġbru kull informazzjoni li tibgħat jew li neħtieġu biex insewwulek il-problema.
Meta tuża s-Servizzi tagħna, aħna niġbru informazzjoni dwar liema minn dawk is-Servizzi tkun użajt u kif tkun użajthom. Dan jgħinna nifhmu aħjar il-mod kif il-komunità tagħna tuża s-Servizzi tagħna, sabiex inkunu nistgħu nagħmlu titjib.
Dan jinkludi informazzjoni dwar l-użu (informazzjoni dwar kif tinteraġixxi mas-Servizzi tagħna — pereżempju, liema Lentijiet tara u tapplika, l-abbonamenti premium tiegħek, l-Istories li tara, u kemm-il darba tinteraġixxi ma' Snapchatters oħra) u informazzjoni dwar il-kontenut (informazzjoni dwar il-kontenut li toħloq jew tipprovdi, l-involviment tiegħek mal-kamera u l-għodod kreattivi, l-interazzjonijiet tiegħek ma' My AI, u metadejta — pereżempju, informazzjoni dwar il-kontenut innifsu bħad-data u l-ħin li ġie ppubblikat u min rah). L-informazzjoni dwar il-kontenut tinkludi informazzjoni bbażata fuq il-kontenut tal-immaġni, tal-vidjow jew tal-awdjo — għalhekk, jekk tippubblika Spotlight ta’ logħba tal-basketball, nistgħu nużaw dik l-informazzjoni biex nuruk aktar kontenut dwar il-basketball fuq Spotlight; jew inkella, jekk tattiva ċerti karatteristiċi ta’ raggruppament tal-uċuħ, nistgħu nużaw informazzjoni dwar l-uċuħ identifikati fil-Memories tiegħek biex ngħinuk torganizza u ssib Snaps li fihom tidher l-istess persuna.
Dan jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-apparat (bħall-hardware jew is-software tal-apparat tiegħek, is-sistema operattiva, il-memorja tal-apparat, identifikaturi tar-reklamar, apps installati, it-tip ta’ browser, informazzjoni minn sensuri tal-apparat pparat li jkejlu l-moviment tal-apparat tiegħek jew kumpassi u mikrofoni, inkluż jekk għandekx headphones imqabbda, u informazzjoni dwar il-konnessjonijiet mingħajr fili u mobbli tiegħek), informazzjoni dwar il-post ibbażata fuq l-indirizz IP (indirizz IP), informazzjoni miġbura minn cookies u teknoloġiji simili, skont is-settings tiegħek, (cookies, pixels (dejta grafika żgħira li tagħraf l-attività tal-utent, bħal jekk utent żarx siti web u kemm-il darba għamel dan), ħażna fuq il-web, identifikaturi uniċi tar-reklamar), u informazzjoni dwar ir-reġistri (bħal dettalji dwar kif użajt is-Servizzi tagħna, ħinijiet tal-aċċess, paġni li rajt, l-indirizz IP, u identifikaturi uniċi bħall-cookies).
Jekk tkun tajt permessi speċifiċi fil-livell tal-apparat, l-informazzjoni dwar l-apparat tista’ tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-lista tal-kuntatti fuq l-apparat tiegħek (kuntatti u informazzjoni relatata), immaġinijiet u informazzjoni oħra mill-kamera, ritratti u mikrofonu tal-apparat (bħall-abbiltà li tieħu ritratti u vidjows, tara ritratti u vidjows ssejvjati fuqu, u taċċessa l-mikrofonu biex tirrekordja l-awdjo waqt ir-reġistrazzjoni tal-vidjow), kif ukoll informazzjoni preċiża dwar il-post fejn qiegħed (informazzjoni preċiża permezz ta’ metodi bħal sinjali tal-GPS).
L-aħħar kategorija ta’ dejta li niġbru hija informazzjoni dwarek li nistgħu nirċievu mingħand ħaddieħor, bħal utenti oħra, l-affiljati tagħna u entitajiet esterni. Dan jinkludi dejta ta' servizz b'konnessjoni ma' entitajiet esterni (informazzjoni li niksbu meta l-kont ta' Snapchat tiegħek ikun konness ma' servizz ieħor), dejta mingħand ir-reklamaturi (informazzjoni mingħand ir-reklamaturi, żviluppaturi tal-app, pubblikaturi, u entitajiet esterni oħra biex jgħinu jippersonalizzaw jew ikejlu l-prestazzjoni tar-reklami), informazzjoni tal-kuntatt minn Snapchatters oħrajn jew minn entitajiet esterni (jekk Snapchatter ieħor itella’ l-lista tal-kuntatt tiegħu li tinkludi l-informazzjoni tiegħek, nistgħu nikkombinaw din ma’ informazzjoni oħra li ninsabu nafu dwarek biex nifhmu aħjar ma’ min forsi tixtieq tikkomunika. Jew, jekk tagħtina d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek, nistgħu nużawhom biex niddeterminaw jekk nistgħux nikkomunikaw miegħek b’mezzi oħra (bħal SMS, email, jew servizzi oħra ta’ messaġġi), kif ukoll dejta relatata ma’ ksur potenzjali tar-Regoli tagħna (nistgħu nirċievu informazzjoni mingħand entitajiet esterni — inklużi pubblikaturi ta’ siti web, fornituri ta’ networks soċjali, awtoritajiet tal-forzi tal-ordni, u oħrajn — dwar persuni li potenzjalment jiksru r-Regoli tas-Servizz u l-Linji Gwida tal-Komunità tagħna).
Barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn, waqt li tkun qed tuża s-Servizzi tagħna, nitolbuk il-permess biex niġbru informazzjoni addizzjonali. Pereżempju, qabel ma taċċessa l-album tar-ritratti tal-apparat tiegħek jew il-lista tal-kuntatti tal-apparat tiegħek jew ta’ entità esterna.
Kif Nużaw l-Informazzjoni
Dit-taqsima tispjega kif nużaw l-informazzjoni li niġbru. Fost għanijiet oħra, nużaw l-informazzjoni li niġbru biex nagħtuk prodotti u Servizzi personalizzati li naħdmu qatigħ biex nibnu u ntejbu. Hawn taħt se nfissrulek fid-dettall kull għan li għalih nużaw l-informazzjoni. Jekk tixtieq lista tad-dejta li niġbru bl-għanijiet li niġbruha għalihom, tista' ssib tabella hawn.
Aħna nużaw l-informazzjoni li niġbru sabiex inħaddmu, nipprovdu u nżommu s-Servizzi tagħna. Pereżempju, meta tibgħat Snap lil xi ħabib jew — jekk taqsam il-post fejn qiegħed fuq il-Mappa ta' Snap — biex tintwera suġġerimenti bħal postijiet fl-inħawi tiegħek li jistgħu jogħġbuk, kontenut li ħaddieħor ikun poġġa fuq il-Mappa, jew fejn jinsabu sħabek jekk ikunu qed jaqsmu l-post fejn qegħdin miegħek. Nużaw ukoll parti mill-informazzjoni tiegħek biex ngħinu nżommu l-prodotti tagħna aġġornati; pereżempju, biex niżguraw li s-Servizzi tagħna jaħdmu bl-aħħar sistemi operattivi u apparati.
Noffru servizzi personalizzati lill-iSnapchatters. Wieħed mill-modi kif nagħmlu dan huwa billi nuruk kontenut li huwa rilevanti għalik jew li naħsbu li jista’ jogħġbok, abbażi tal-informazzjoni li taqsam magħna. Biex nagħmlu dan, nużaw informazzjoni dwarek minn oqsma differenti tas-Servizzi sabiex inżidu l-kuntest mal-esperjenza tiegħek fuq Snapchat. Pereżempju, aħna nittaggjaw il-kontenut awtomatikament b’tikketti bbażati fuq il-kontenut, fejn tinsab jew il-ħin tal-ġurnata. Għalhekk, jekk fir-ritratt ikun hemm kelb, dan jista’ jinstab fil-Memories permezz tal-kelma “dog” (kelb), jidher fuq il-Mappa fil-post fejn ħloqt dik il-Memorja, u jindikalna li tħobb il-klieb; b’hekk inkunu nistgħu nuruk vidjows divertenti tal-klieb u riklami tal-ikel għall-klieb f’partijiet oħra tas-Servizzi tagħna, bħal Spotlight. Jekk tattiva ċerti funzjonalitajiet ta' raggruppament tal-uċuħ, nistgħu nużaw informazzjoni dwar l-uċuħ fil-Memories tiegħek biex intejbu t-tfittxija, l-organizzazzjoni u l-personalizzazzjoni fil-Memories (pereżempju, billi nissuġġerixxu Memories li jinvolvu l-istess ħabib(a)).
Il-personalizzazzjoni tista' wkoll tgħin biex tissuġġerixxi ħbieb jew tirrakkomanda ħabib(a) ġdid(a) biex tibgħatlu/tibgħatilha Snap, abbażi ta' ma min tinteraġixxi l-aktar permezz ta' Snaps.
Nistgħu nuru postijiet rakkomandati fuq il-Mappa ta' Snap, niġġeneraw kontenut permezz tal-funzjonalitajiet tal-IA tagħna — bħal stikers jew Snaps — niddeduċu l-età jew l-interessi tiegħek abbażi tal-kontenut jew l-attività tiegħek, jew nippersonalizzaw il-kontenut li nuruk, inklużi r-reklami. Pereżempju, jekk tara kontenut dwar il-baristi fuq Spotlight, titkellem ma’ My AI dwar il-magna tal-espresso favorita tiegħek, jew tissejvja ħafna Snaps relatati mal-kafè fil-Memories tiegħek, nistgħu nenfasizzaw ħwienet tal-kafè fuq il-Mappa ta' Snap meta żżur belt ġdida jew nuruk kontenut dwar il-kafè li tista’ ssib interessanti jew rilevanti. Jew, jekk tinteraġixxi ma’ ħafna postijiet relatati mal-mużika, nistgħu nużaw dan biex nuruk reklami għal wirjiet li ġejjin fil-belt. Il-personalizzazzjoni tinkludi wkoll il-modifikazzjoni tal-esperjenza tiegħek abbażi ta’ ma’ min tinteraġixxi l-aktar u x’qed jagħmlu l-ħbieb tiegħek; dan jinkludi li jintwera kontenut li l-ħbieb tiegħek joħolqu, jogħġobhom jew igawdu fuq Spotlight, jew rakkomandazzjonijiet ta’ postijiet li huma popolari fost il-ħbieb tiegħek.
L-għan tagħna huwa li dejjem nibqgħu nwasslulek kontenut li hu iktar siewi u interessanti.
Pereżempju, jekk tara ħafna kontenut sportiv iżda taqbeż il-kontenut b’pariri dwar ix-xagħar u makeup, l-algoritmi tagħna ta’ rakkomandazzjoni jagħtu prijorità lill-isport, iżda mhux lil dawk il-pariri dwar l-għamla. Tista' ssir taf aktar dwar kif nifhmu l-preferenzi tal-iSnapchetters u kif nikklassifikaw u niffiltraw il-kontenut hawn.
Nemmnu li huwa kruċjali li nibbilanċjaw ukoll il-benefiċċji tal-personalizzazzjoni mal-aspettattivi tal-iSnappchatters dwar il-privatezza. Pereżempju, nistgħu nittaggjaw awtomatikament is-Snaps li tissejvja fil-Memories abbażi tal-kontenut tagħhom (eż., jekk is-Snap kien fih kelb), u mbagħad nużaw dak it-tag biex nippersonalizzaw l-esperjenza tiegħek, nagħmlu rakkomandazzjonijiet, jew nuruk reklami (bħal pereżempju nuruk Spotlight Snaps li fihom il-klieb). Aħna ma nużawx il-kontenut u l-komunikazzjonijiet privati li tibgħat lin-nies li huma ħbieb tiegħek biex tippersonalizza l-esperjenza tiegħek, nagħmlu rakkomandazzjonijiet jew nuruk reklami.
Mod ieħor kif nipprovdu Servizz personalizzat huwa permezz tar-reklami li nuru. Aħna nużaw l-interessi u l-preferenzi tiegħek, ibbażati fuq l-informazzjoni li ġbarna, biex nippersonalizzaw u nkejlu r-rilevanza tar-reklami. Nemmnu li r-reklami jkunu l-aħjar meta jkunu rilevanti. Huwa għalhekk li nippruvaw nagħżlu reklami adattati għalik u nuruhomlek fil-mument it-tajjeb. Pereżempju, jekk tkun għafast reklami ta’ logħob tal-kompjuter, aħna nikkonkludu li tħobb il-logħob tal-kompjuter u nuruk reklami simili, iżda dawk mhux se jkunu l-uniċi reklami li tara. Bħalma nagħmlu bl-istrateġija tal-kontenut tagħna, nippruvaw niżguraw li tirċievi varjetà ta’ reklami. Nużaw l-informazzjoni tiegħek ukoll biex nevitaw li nuruk reklami li x’aktarx ma jinteressawkx. Pereżempju, jekk sit tal-biljetti jgħidilna li qabel kont xtrajt biljetti għal film, nistgħu nieqfu nuruk reklami għalih. Tista' ssir taf dwar it-tipi differenti ta' reklamar u l-għażliet tiegħek rigward liema reklami tirċievi hawn.
Tista' żżur dil-paġna biex issir taf iktar kif niġbru, nużaw u naqsmu l-informazzjoni tiegħek b'rabta mar-riklami.
Nota dwar l-informazzjoni miġbura permezz ta’ cookies u teknoloġiji oħra: nistgħu nużaw dawn it-teknoloġiji biex niġbru informazzjoni meta tinteraġixxi mas-Servizzi li noffru permezz ta’ wieħed mill-imsieħba tagħna. Pereżempju, nistgħu nużaw informazzjoni miġbura fuq is-sit web ta’ min jirreklama biex nuruk reklami aktar rilevanti. Il-biċċa l-kbira tas-siti tal-internet huma kkonfigurati biex jaċċettaw il-cookies awtomatikament. Jekk tippreferi, normalment tista’ tħassar jew tirrifjuta l-cookies tal-browser permezz tas-settings tal-browser jew tal-apparat tiegħek. Madankollu, żomm f’moħħok li meta tneħħi jew tirrifjuta cookies jista jaffettwa d-disponibbiltà u l-funzjonalità tas-Servizzi tagħna. Biex issir taf aktar dwar kif aħna u l-imsieħba tagħna nużaw il-cookies fis-Servizzi tagħna u dwar l-għażliet tiegħek, jekk jogħġbok ara l-Politika tagħna dwar il-Cookies.
It-timijiet tagħna kontinwament joħorġu b’ideat ġodda għal funzjonalitajiet u modi biex intejbu s-Servizzi tagħna. Biex nagħmlu dan, niżviluppaw u ntejbu wkoll l-algoritmi u l-mudelli tat-tagħlim awtomatiku (espressjoni ta’ algoritmu li janalizza kwantitajiet kbar ta’ dejta biex jidentifika mudelli jew jagħmel tbassir) li jħaddmu l-funzjonalitajiet u s-Servizzi tagħna, inkluż permezz tal-funzjonalitajiet tal-IA tagħna. Il-funzjonalitajiet tal-IA tagħna tipikament jużaw IA ġenerattiva (intelliġenza artifiċjali kapaċi tiġġenera test, immaġinijiet jew midja oħra bl-użu ta’ mudelli ġenerattivi). Il-mudelli tal-IA ġenerattiva jitgħallmu l-mudelli u l-istruttura tad-dejta ta’ taħriġ li jirċievu bħala input, u mbagħad jiġġeneraw dejta ġdida li jkollha funzjonalitajiet simili. Aħna nużaw algoritmi, mudelli ta' tagħlim awtomatiku, u IA ġenerattiva għall-personalizzazzjoni, ir-reklamar, is-sikurezza u s-sigurtà, il-ġustizzja u l-inklużività, ir-realtà miżjuda, u biex nipprevjenu l-abbuż jew ksur ieħor tar-Regoli jew tal-Linji Gwida tal-Komunità. Pereżempju, l-algoritmi u l-mudelli tat-tagħlim awtomatiku tagħna jqisu l-konversazzjonijiet li l-utenti ta’ Snapchat ikollhom ma’ My AI sabiex itejbu t-tweġibiet ta’ My AI.
Għalkemm l-informazzjoni tiegħek tista' tgħinna nagħżlu liema xorta ta' titjib għandna nwettqu, il-privatezza tibqa' dejjem importanti ħafna għalina — u ma rridux nużaw iktar informazzjoni personali tiegħek milli neħtieġu biex noħolqu l-faċilitajiet u l-mudelli tagħna.
Sabiex nifhmu x’għandna niżviluppaw jew kif intejbu s-Servizzi tagħna, jeħtieġ nifhmu t-tendenzi u d-domanda għall-funzjonalitajiet tagħna. Pereżempju, aħna nissorveljaw il-metadejta u t-tendenzi dwar l-użu taċ-chats fi grupp biex ngħinu niddeċiedu jekk għandniex nibdlu partijiet mill-funzjonalità, bħad-daqs massimu ta’ grupp. L-istudju tad-dejta mill-utenti ta’ Snapchat jista’ jgħinna naraw xejriet fil-modi kif in-nies jużaw is-Servizzi. Dan jgħinna nispiraw ruħna biex intejbu Snapchat fuq skala ikbar. Aħna nużaw metodi ta' analiżi biex nidentifikaw, nissorveljaw u nanalizzaw tendenzi u metodi ta' użu. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, aħna, fost affarijiet oħra, se noħolqu informazzjoni dwar l-utenti tagħna biex ngħinu lilna nfusna nifhmu d-domanda.
Aħna nwettqu riċerka biex nifhmu aħjar l-interessi ġenerali tal-konsumaturi, ix-xejriet, u l-mod kif is-Servizzi tagħna jintużaw minnek u minn oħrajn fil-komunità tagħna. Din l-informazzjoni, flimkien mal-analitika (kif iddeskrivejna hawn fuq), tgħinna nifhmu aktar dwar il-komunità tagħna u dwar kif is-Servizzi tagħna jidħlu fil-ħajja ta’ dawk li jagħmlu parti minnha. Inwettqu wkoll riċerka u żvilupp biex niżviluppaw tekniki u teknoloġiji ġodda (pereżempju, mudelli ġodda ta’ tagħlim awtomatiku jew hardware, bħal SPECS). Ir-riżultati tar-riċerka tagħna kultant jintużaw f’funzjonalitajiet fuq Snapchat, u kultant nippubblikaw dokumenti dwar suġġetti bħal imġiba ġenerali u xejriet tal-konsumatur (li jkun fihom biss dejta aggregata tal-bażi tal-utenti tagħna, u ma jinkludux il-kontenut u l-komunikazzjonijiet privati tiegħek jew informazzjoni personali dwarek speċifikament).
Aħna nużaw l-informazzjoni tiegħek biex insaħħu s-sigurtà tas-Servizzi tagħna, nivverifikaw l-identità jew l-età tal-iSnappchatters, u nipprevjenu l-frodi jew attivitajiet oħra mhux awtorizzati jew illegali.
Pereżempju, nipprovdu awtentikazzjoni b'żewġ fatturi biex ngħinu nipproteġu l-kont tiegħek, u nistgħu nibagħtulek emails jew messaġġi b'test jekk ninnotaw xi attività suspettuża. Aħna niskennjaw ukoll l-URLs mibgħuta fuq Snapchat biex naraw jekk dik il-paġna web tistax tkun ta’ ħsara, u nistgħu nwissuk dwarha.
Nistgħu nużaw għodod awtomatizzati biex niskopru ksur potenzjali tar-Regoli jew tal-Linji Gwida tal-Komunità tagħna – inklużi attivitajiet ta’ ħsara jew illegali – u biex nikkonfermaw li l-użu huwa xieraq għall-età. Dawn l-għodod jistgħu jużaw sinjali bħal informazzjoni relatata mal-kont, mal-apparat, mal-użu u mal-kontenut, kif deskritt f’din il-Politika.
Xi drabi nikkuntattjawk biex nippromwovu funzjonalitajiet ġodda jew eżistenti. Dan jinkludi li tibgħat komunikazzjonijiet lil Snapchatters permezz ta' Snapchat, email, SMS jew pjattaformi oħra ta' messaġġi, fejn permess. Pereżempju, nistgħu nużaw l-app ta' Snapchat, email, SMS jew pjattaformi oħra ta' messaġġi biex naqsmu informazzjoni dwar is-Servizzi tagħna u offerti promozzjonali li naħsbu li jistgħu jinteressaw lilek.
Drabi oħra, neħtieġu nikkomunikaw miegħek biex nipprovdu informazzjoni jew twissijiet, jew biex nibagħtu messaġġi li l-utenti tagħna jitolbuna nwasslu. Dan jista' jinkludi t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet permezz ta' Snapchat, email, SMS jew pjattaformi oħra ta' messaġġi, fejn permess, biex jitwasslu aġġornamenti tal-qagħda tal-kont, twissijiet ta' sigurtà, u tfakkir ta' chats jew ħbiberiji; jista' jinkludi wkoll it-twettiq tat-talba tal-utent li jintbagħtu stediniet jew kontenut ta' Snapchat lil dawk li mhumiex Snapchatters.
Meta titlob l-għajnuna, irridu nipprovdulek appoġġ malajr kemm jista’ jkun. Sabiex nipprovdu lilek – il-komunità ta’ Snapchatters – u lill-imsieħba kummerċjali tagħna l-għajnuna meħtieġa biex insolvu kwistjonijiet relatati mas-Servizzi tagħna, spiss ikollna bżonn nużaw l-informazzjoni li nkunu ġbarna sabiex nirrispondu.
Nużaw id-dejta li niġbru biex ninfurzaw ir-Regoli tagħna, il-politiki tagħna u l-liġi. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tar-regoli, l-investigazzjoni u r-rappurtar ta’ mġiba li tikser ir-Regoli, il-politiki tagħna jew il-liġi, it-tweġiba għal talbiet mill-awtoritajiet tal-forzi tal-ordni, u l-konformità mar-rekwiżiti legali. Pereżempju, meta jiġi ppubblikat kontenut illegali fuq is-Servizzi tagħna, jista’ jkollna bżonn nimplimentaw ir-Regoli tagħna u politiki oħra. F’xi każijiet, nistgħu wkoll nużaw jew naqsmu l-informazzjoni tiegħek biex nikkooperaw ma’ talbiet mill-forzi tal-ordni, nirreferu kwistjonijiet ta’ sigurtà lil dawn l-awtoritajiet, lil sħab fl-industrija jew lil oħrajn, jew biex nikkonformaw mal-obbligi legali tagħna, inkluż il-verifika tal-età tal-utenti tagħna. Agħti ħarsa lejn ir-Rapport tat-Trasparenza tagħna biex issir taf aktar.
Barra minn hekk, jaf ikun hemm drabi oħra meta tuża s-Servizzi tagħna u nitolbuk permess biex nużaw l-informazzjoni tiegħek b'mod ġdid, differenti jew b'xi mod ieħor.
Kif Naqsmu l-Informazzjoni
Dit-taqsima tispjega ma' min naqsmu l-informazzjoni, x'informazzjoni nafu naqsmu u r-raġunijiet għaliex naqsmu dik l-informazzjoni fosthom meta nkunu meħtieġa nibagħtuha barra l-pajjiż fejn tkun inġabret.
Snapchat. Sabiex nipprovdu s-Servizzi tagħna u lill-komunità tagħna, nistgħu naqsmu parti mill-informazzjoni tiegħek mal-ħbieb tiegħek fuq Snapchat jew ma’ utenti oħra ta’ Snapchat. Pereżempju, il-kontenut li tippubblika fl-iStories, l-istatus tal-attività attwali jew reċenti tiegħek, jew l-istatus tiegħek bħala abbonat premium, jistgħu jarawhom il-ħbieb tiegħek jekk tippermetti dan. Ara t-taqsimaKontroll fuq l-Informazzjoni Tiegħek u s-Settings tiegħek għall-kontrolli li għandek dwar min jara xiex u meta.
Parteċipanti fiċ-Ċentru tal-Familja. Ladarba tkun attivajt iċ-Ċentru tal-Familja, aħna naqsmu informazzjoni dwar il-kont tal-adolexxent konness mal-ġenitur jew mal-gwardjan biex nipprovdu ħarsa ġenerali dwar kif jintuża l-kont; pereżempju, min huma l-ħbieb tiegħek fuq Snapchat jew ma’ liema ħbieb tista’ tkun qed taqsam il-pożizzjoni ġeografika tiegħek. Aħna ma nikkondividux l-kontenut u komunikazzjonijiet privati. Sir af iktar.
Pubbliku. Il-biċċa l-kbira tal-funzjonalitajiet fuq Snapchat huma privati u għall-Ħbieb biss, iżda noffru wkoll funzjonalitajiet li jippermettulek toħloq u taqsam kontenut pubbliku biex turi l-aqwa Snaps tiegħek lid-dinja, bħal Spotlight, Mappa ta' Snap jew il-Profil Pubbliku tiegħek. Meta tagħmel dan, dawk is-Snaps jistgħu jkunu aċċessibbli wkoll barra minn Snapchat, pereżempju fuq l-internet. Xi informazzjoni, bħall-isem tal-utent tiegħek u Bitmoji, tkun viżibbli għall-pubbliku. Sir af aktar.
Apps Esterni. Xi kultant nipprovdu funzjonalitajiet li jippermettulek tikkonnettja ma' apps esterni. Jekk tiddeċiedi li tikkonnettja l-kont ta’ Snapchat tiegħek ma’ app esterna, aħna naqsmu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali assoċjata mal-kont tiegħek li tordnalna naqsmu, bil-għan li nwettqu t-talba għall-konnessjoni.
Fornituri tas-Servizz. Aħna naqsmu l-informazzjoni tiegħek mal-fornituri tas-servizz tagħna, li jipproċessaw dik l-informazzjoni f’isimna. Pereżempju, aħna niddependu fuq dawn il-Fornituri tas-Servizz biex niffaċilitaw il-ħlasijiet, inkejlu u nottimizzaw il-prestazzjoni tar-reklami, jew nipproteġu s-servizzi. Aħna ma nqasmux kontenut u komunikazzjonijiet privati mal-fornituri tagħna tas-servizzi biex jintużaw għall-iskopijiet tagħhom stess. Aħna nżommu lista ta’ kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi hawn.
Imsieħba Kummerċjali u Integrati. Aħna naqsmu l-informazzjoni tiegħek ma’ msieħba kummerċjali u integrati sabiex nipprovdu s-Servizzi. Pereżempju, tista’ tuża OpenTable fi ħdan Snapchat biex tibbukkja mejda. Dan ma jinkludix il-qsim ta' kontenut jew komunikazzjonijiet privati. Inżommu lista ta’ dawn l-imsieħba hawn.
Sħubijiet Kontra l-Frodi. Aħna naqsmu l-informazzjoni tiegħek, bħal informazzjoni dwar l-apparat u l-użu, ma’ msieħba fl-industrija li jaħdmu biex jipprevjenu l-frodi.
Imsieħba Legali, tas-Sikurezza u tas-Sigurtà. Aħna naqsmu l-informazzjoni tiegħek kif meħtieġ għar-raġunijiet legali u ta’ sigurtà li ġejjin:
Biex nimxu mal-proċessi legali, mat-talbiet tal-gvernijiet jew mal-liġijiet, regoli jew regolamenti tajbin li obbligati nimxu magħhom.
Biex ninvestigaw, insewwu jew inwettqu t-Termini tas-Servizz u l-Linji Gwida tal-Komunità f'każ ta' ksur.
Biex inħarsu l-jeddijiet, il-propjetà jew is-sigurtà tagħna, tal-utenti tagħna jew tal-oħrajn.
Biex insibu u nwaqqfu kull tħassib ta' qerq jew problema bis-sigurtà.
Affiljati. Snap Inc. tikkonsisti f’diversi sussidjarji li huma proprjetà tagħna. Nistgħu naqsmu l-informazzjoni tiegħek ma’ dawk is-sussidjarji interni fuq talba tiegħek jew ta’ utenti oħra, jew kif ikun meħtieġ biex nipprovdu s-Servizzi tagħna u dawk tal-affiljati tagħna.
Għall-finijiet ta' Fużjoni jew Akkwist. Jekk inbigħu jew ninnegozjaw il-bejgħ tan-negozju tagħna lil xerrej jew xerrej potenzjali, nistgħu nittrasferixxu l-informazzjoni tiegħek lil suċċessur jew entità affiljata bħala parti minn dik it-tranżazzjoni.
Is-Servizzi tagħna jistgħu jinkludu kontenut u integrazzjonijiet offruti mill-imsieħba integrati tagħna. Eżempji jinkludu integrazzjonijiet f’Lenses, għodod għall-editjar tal-Kamera u l-Mappa, kif ukoll integrazzjonijiet minn żviluppaturi ta’ entitajiet esterni mas-Servizzi tagħna. L-informazzjoni tiegħek tista' tiġi pprovduta lis-sieħeb integrat permezz ta' dawn l-integrazzjonijiet, kif ukoll lil Snap. Aħna m'aħniex responsabbli għall-mod kif dawn l-imsieħba jiġbru jew jużaw l-informazzjoni tiegħek. Bħal dejjem, inħeġġuk tirrevedi l-politiki tal-privatezza ta’ kull servizz estern li żżur jew tuża, inklużi dawk il-partijiet terzi li tinteraġixxi magħhom permezz tas-Servizzi tagħna. Tista’ ssib iktar tagħrif dwar l-integrazzjonijiet tagħna fi Snapchat hawn.
Fuq iOS nużaw il-kamera Apple TrueDepth biex intejbu l-kwalità tal-Lentijiet. Innota, madankollu, li din l-informazzjoni tintuża f'ħin reali — aħna ma naħżnux din l-informazzjoni fuq is-servers tagħna u lanqas ma naqsmuha ma' partijiet terzi.
Is-Servizzi tagħna jgħaqqduk mal-ħbieb tiegħek madwar id-dinja. Biex dan ikun possibbli, nistgħu niġbru l-informazzjoni personali tiegħek minn, nittrasferuha lejn, u naħżnuha u nipproċessawha fl-Istati Uniti jew f’pajjiżi oħra barra mill-post fejn tgħix. Kull meta naqsmu informazzjoni barra mir-reġjun fejn tgħix, niżguraw li jkun hemm miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ biex nipproteġu d-data kif meħtieġ mil-liġi tal-post fejn tgħix. Jekk trid issir taf aktar dwar dan, ara t-taqsima dwar l-Informazzjoni Speċifika għar-Reġjun għal aktar dettalji.
It-Tul ta' Żmien Li Nżommu l-Informazzjoni Tiegħek
F'dit-taqsima se nagħtuk l-informazzjoni dwar it-tul ta' żmien li nżommu l-informazzjoni tiegħek, għaliex inżommu l-informazzjoni tiegħek u nsemmu wkoll kif kultant nafu nkunu meħtieġa nżommu l-informazzjoni tiegħek biex nimxu mal-liġijiet, ma' xi ordni tal-qorti jew minħabba obbligi oħra.
Bħala regola ġenerali, aħna nżommu l-informazzjoni sakemm tgħidilna biex nagħmlu hekk, u inkella sakemm ikollna bżonnha biex nipprovdu s-Servizzi tagħna jew kif meħtieġ mil-liġi. Pereżempju, jekk żżomm rekordju ta' xi ħaġa fil-Memories, aħna nżommuha sakemm ikollok bżonnha; iżda meta tiċċettja ma’ ħabib, is-sistemi tagħna huma mfassla biex iħassru ċ-chats li tibgħat fi żmien 24 siegħa minn meta l-ħabib tiegħek jaqrahom (sakemm ma tkunx biddilt is-settings awtomatiċi tiegħek jew iddeċidejt li tissejvjahom). Jekk inżommux id-dejta tiegħek jiddependi mill-funzjoni speċifika, mis-settings tiegħek u minn kif qed tuża s-Servizzi. Hawn huma xi fatturi oħra li nikkunsidraw meta niddeċiedu għal kemm żmien għandna nżommu l-informazzjoni tiegħek:
Jekk ikollna bżonn l-informazzjoni biex noperaw jew nipprovdu s-Servizzi tagħna. Pereżempju, aħna nżommu rekordju tad-dettalji bażiċi tal-kont tiegħek — bħal ismek, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email — biex niffaċilitaw il-kont tiegħek.
Biex inwettqu l-affarijiet li tistenna mis-Servizzi tagħna u kif deskritt f’din il-Politika tal-Privatezza. Pereżempju, aħna nżommu l-lista tal-ħbieb tiegħek sakemm titlobna nħassruha, ladarba l-ħbieb huma essenzjali biex tesprimi lilek innifsek. Bl-istess mod, aħna nżommu l-lista ta’ kuntatti li tkun qsamt magħna sakemm titlobna nneħħuha permezz tas-settings tal-app tagħna (innota: l-aġġornament tal-permessi tat-tagħmir tiegħek jista’ ma jneħħix il-kuntatti li tkun diġà qsamt ma’ Snapchat). Sir af aktar. Min-naħa l-oħra, is-Snaps u ċ-Chats mibgħuta fuq Snapchat jitħassru awtomatikament mis-servers tagħna fi żmien 24 siegħa minn meta nindunaw li jkunu nfetħu mir-riċevituri kollha jew li jkunu skadew, sakemm ma tkunx biddilt is-settings awtomatiċi tiegħek jew iddeċidejt li tissejvja xi ħaġa; f’dak il-każ, aħna nirrispettaw l-għażliet tiegħek.
L-informazzjoni nnifisha. Pereżempju, aħna nżommu rekordju tal-informazzjoni dwar il-post fejn qiegħed (il-post ibbażata fuq l-indirizz IP jew il-post preċiż, skont il-permessi tiegħek) għal tul ta’ żmien differenti, abbażi tal-livell ta’ preċiżjoni tagħha u tas-Servizzi li tuża. Jekk informazzjoni dwar il-post fejn qiegħed tkun assoċjata ma’ Snap — bħal dawk issejvjati fil-Memories jew ippubblikati fuq Snap Map jew Spotlight — aħna nżommu dak il-post sakemm inżommu l-istess Snap. Parir utli: Tista' tara d-dejta li nżommu dwarek tal-post fejn qiegħed billi tniżżel id-dejta tiegħek.
It-tul ta' żmien ta' kemm jeħtiġilna nżommu l-informazzjoni biex nimxu ma' xi obbligi legali.
Jekk inkunu neħtiġuha għal għanijiet leġittimi oħra, bħal ngħidu aħna li nwaqqfu milli ssir xi ħsara, ninvestigaw jekk kienx hemm ksur tar-Regoli tas-Servizz jew politiki oħra tagħna, ninvestigaw rapporti ta' abbuż jew biex inħarsu lilna nfusna jew lil ħaddieħor.
Għal iktar dettalji dwar kemm inżommu l-informazzjoni fit-tul għal kull servizz jew prodott, agħti titwila lejn il-paġna tal-Privatezza għas-Servizz jew Prodott u lejn il-paġna tal-għajnuna tagħna.
Anki jekk is-sistemi tagħna huma mfassla biex iħassru xi informazzjoni tiegħek awtomatikament, ma nistgħux nagħtuk żmien preċiż ta' meta se nħassru dik l-informazzjoni.
F'xi każijiet, għandna nikkonformaw ma' rekwiżiti legali biex nżommu d-dejta tiegħek, fatt li jżommna milli nħassru l-informazzjoni tiegħek. Pereżempju, jekk nirċievu notifika minn qorti li titlobna nżommu kopja tal-kontenut tiegħek. Raġunijiet oħra għalfejn nistgħu nżommu kopja tad-dejta tiegħek jinkludu każijiet fejn nirċievu rapporti ta’ abbuż jew ta’ ksur ieħor tar-Regoli jew tal-politiki, jew inkella jekk il-kont tiegħek, il-kontenut li ħloqt int, jew il-kontenut li ħloqt flimkien ma’ utenti oħra ta’ Snapchat jiġi mmarkat minn ħaddieħor jew mis-sistemi tagħna bħala abbużiv jew bħala każ ta’ ksur ieħor tar-Regoli jew tal-politiki. Fl-aħħar nett, nistgħu wkoll inżommu ċerta informazzjoni f’kopja ta’ riżerva għal perjodu limitat ta’ żmien jew kif meħtieġ mil-liġi.
Aqra s-Sit tal-Għajnuna tagħna għall-iġded informazzjoni dwar għal kemm żmien inżommu kull xorta ta' kontenut.
Informazzjoni Speċifika għar-Reġjun
Skont fejn tgħix, jaf ikollok iktar jeddijiet. Dit-taqsima tagħtik iktar dettalji bl-informazzjoni marbuta ma' dak ir-reġjun partikolari.
Għalkemm nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-politiki tagħna sempliċi kemm jista' jkun, skont fejn toqgħod, jaf ikollok xi ftit iktar jeddijiet jew jaf ikun hemm xi informazzjoni speċifika li għandek tkun taf. Jekk jogħġbok agħti titwila lejn il-lista t'hawn taħt biex tifhem jekk hemmx xi ħaġa li tgħodd għalik.
Nota: It-Tagħrif tal-Privatezza tal-Istati Uniti tal-Amerka jgħodd biss jekk toqgħod f'ċerti stati tal-Istati Uniti tal-Amerka li għandhom liġijiet statali tal-privatezza.
Xi ġurisdizzjonijiet jeħtieġu li aħna nfissru l-bażi legali għall-ipproċessar tad-dejta għal xi għanijiet partikolari. Tista' ssib dik l-informazzjoni minn hawn.
L-Udjenza Tagħna
Is-Servizzi tagħna huma maħsuba għall-individwi li għandhom 13-il sena jew iktar.
Is-Servizzi tagħna mhux maħsuba għat-tfal taħt it-13-il sena u biex toħloq kont u tuża s-Servizzi tagħna jeħtieġlek tikkonferma li għalaqt it-13-il sena. Jekk insiru nafu li għadek m'għalaqtx it-13-il sena (jew l-inqas età meħtieġa biex persuna tuża s-Servizzi mingħajr il-permess tal-ġenituri fl-istat, fil-provinċja jew fil-pajjiż tiegħek, jekk ikbar), aħna mhux se nkomplu nagħtuk is-Servizzi tagħna u se nħassru l-kont u d-dejta tiegħek.
Barra minn hekk, nistgħu nillimitaw ukoll kif niġbru, nużaw u naħżnu xi informazzjoni ta' Snapchatters li għadhom m'għalqux it-18-il sena. F'ċerti każijiet, dan ifisser li mhux se nkunu nistgħu nagħtu ċerti faċilitajiet lil nies taħt it-18-il sena.
Nistgħu nużaw miżuri ta’ verifika tal-età, inklużi għodod awtomatizzati, biex ngħinu niddeterminaw jekk l-utenti jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tal-età jew jekk għandhomx jirċievu protezzjonijiet xierqa għall-età tagħhom.
Bidliet fil-Politika tal-Privatezza
Minn żmien għal żmien nistgħu nibdlu l-Politika tal-Privatezza tagħna. Jekk inkunu se nagħmlu xi bidliet li nemmnu li għandek tkun taf dwarhom, se ngħarrfuk bihom minn qabel.
Nistgħu nibdlu l-Politika tal-Privatezza tagħna minn żmien għal żmien. Imma meta nagħmlu hekk, dejjem se ngħarrfuk b'xi mod jew ieħor. Xi drabi, se ngħarrfuk billi nibdlu d-data fin-naħa ta' fuq tal-Politika tal-Privatezza li tista' ssib fuq is-sit u l-app tal-mowbajl tagħna. Drabi oħra nistgħu nagħtuk iktar tagħrif (billi, ngħidu aħna, nżidu stqarrija fuq il-paġna ewlenija tas-sit tagħna jew billi nibagħtulek notifikazzjoni bl-app).
Ikkuntattjana
Għandek xi mistoqsijiet dwar l-informazzjoni li t'hawn jew tixtieq tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Ħarsien tad-Dejta (UĦD) tagħna? Tista' tikkuntattjana hawn.