Snap Values

Irrapporta Tħassib dwar is-Sigurtà

Kif Tirrapporta Tħassib tas-Sigurtà 

Waħda mill-iktar ħwejjeġ importanti li tista' tagħmel biex tgħinna nrażżnu għemil u kontenut li potenzjalment jistgħu jagħmlu l-ħsara fuq Snapchat hu li tgħarrafna meta ssib xi ħaġa li twasslek biex taħseb ħażin. Kulma għandek tagħmel hu li tagħfas u żżomm fuq il-biċċa ta' kontenut jew il-messaġġ ta' taħdita u se jitla' menù. Imbagħad agħfas fuq “Irrapporta” biex tara il-lista ta' għażliet. Wara dan, se tkun mitlub biex tagħtina ċertu tagħrif. Bħala regola, jekk tirrapporta biċċa kontenut fl-app, kopja tagħha se tintbagħat awtomatikament mar-rapport li tressaq. Meta tirrapporta messaġġ ta' taħdita, xi wħud mill-messaġġi ta' qabel se jiġu nklużi awtomatikament biex nifhmu x'ġara f'dak il-kuntest.

It-timijiet tas-sigurtà tagħna jaħdmu 24 siegħa kuljum biex jgħarblu r-rapporti li jitressqu fuq Snapchat jew permezz tas-Sit tal-Għajnuna tagħna u jistgħu jneħħu kontijiet jew kontenut irrappurtati li jiksru l-politiki tagħna, fosthom il-Linji Gwida tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna. Importanti li żżomm f'moħħok li r-rapporti huma kunfidenzjali u li mhux se ngħarrfu lil sid il-kont b'min irrappurtah. Jekk issib xi ħaġa li taħseb li tikser il-liġi jew li hi ta' periklu jew jekk temmen li xi ħadd qiegħed fil-periklu minn ħaddieħor jew minnu nnifsu, ikkuntattja lill-forzi tal-ordni lokali minnufih u wara ressaq rapport fuq Snapchat ukoll. 

Tista' taqra l-Linji Gwida tal-Komunità u r-Regoli tas-Servizz tagħna biex issir familjari mal-kontenut li hu pprojbit fuq Snapchat. Bħala regola ġenerali: jekk dak li qed tgħid jista' joħloq esperjenza li mhix sigura jew negattiva għal xi ħadd, aħjar ma tgħid xejn. 

Barra minn hekk, jekk issib xi ħaġa li ma togħġbokx fuq Snapchat imma li mhux bilforx tikser il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna, tista' tagħżel li ma tibqax miktub ma' dak il-kont, taħbi l-kontenut jew tneħħi minn ħabib ma' jew timblokka lil min ikun bagħat il-ħaġa.

It-tweġibiet għall-iktar mistoqsijiet komuni tagħkom 

Ir-rapporti fuq Snapchat kunfidenzjali? 

Iva. Ma ngħarrfu lill-ebda Snapchatter ieħor (lanqas lil sid il-kont li tkun irrappurtajt) li tkun ressaqt rapport. Ħafna drabi ngħarrfu lil sid il-kont li tkun irrappurtajt fl-app u/jew b'email jekk inneħħu l-kontenut tagħhom jew nissospendu l-kont tagħhom, imma l-politika tagħna hi li ma ngħarrfuhomx dwar ir-rapport tiegħek, lanqas jekk jappellaw id-deċiżjoni tagħna.

Nista' nressaq rapport anonimu? 

Iva. Għalkemm il-formola tar-rapporti li ssib fuq is-Sit tal-Għajnuna tagħna tagħtik l-għażla li tagħti ismek, dak it-tagħrif mhux meħtieġ. Il-formola titolbok ukoll tagħti l-isem tal-utent ta' Snapchat tiegħek jew l-isem tal-utent tal-kont li qed tirrapporta f'ismu jew li b'xi mod kellu x'jaqsam mal-kont li qed tirrapporta imma jekk ma tixtieqx tagħti isem tal-utent, tista' tikteb “l-ebda”. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li jekk ma tagħtix isem tal-utent, nafu ma nkunux nistgħu ninvestigaw ir-rapport kif suppost.

Neħtiġuk tagħti indirizz tal-email biex inkunu nistgħu nikkuntattjawk dwar ir-rapport. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li ħafna drabi ma tistax tressaq rapport anonimu mill-app. Anki jekk tagħżel li tressaq rapport li mhux anonimu, ir-rapport xorta se jinżamm kunfidenzjali (aqra “Ir-rapporti fuq Snapchat kunfidenzjali?” hawn fuq).

Kif se tikkomunika miegħi Snap dwar ir-rapport li ressaqt? 

Meta tirrapporta tħassib tas-sigurtà fuq Snapchat, se tirċievi konferma li r-rapport tiegħek daħlilna. Se nikkuntattjawk fuq l-indirizz tal-email marbut mal-kont ta' Snapchat tiegħek jew fuq l-indirizz tal-email li tkun tajtna meta bgħatt ir-rapport permezz tas-Sit tal-Għajnuna tagħna. L-iSnapchatters jistgħu wkoll jiċċekkjaw l-istatus tar-rapporti riċenti tagħhom billi jużaw il-faċilità Ir-Rapporti Tiegħi.

Min jgħarbel ir-rapport li ressaqt? 

It-timijiet u s-sistemi tas-sigurtà tagħna jaħdmu 24 siegħa kuljum biex jgħarblu r-rapport li tkun bgħattilna. 

Kemm jieħdu ħin it-timijiet tas-sigurtà ta' Snap biex jgħarblu rapport u jieħdu deċiżjoni?

Ħafna drabi l-għarbiel jitwettaq fi żmien ftit sigħat imma xi drabi jaf jieħu iktar ħin.

X'jista' jiġri wara l-għarbiel min-naħa ta' Snap?

  • Jekk nikkonfermaw li l-kontenut jew il-kont irrappurtat jikser il-Linji Gwida tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz ta' Snapchat, nafu imbagħad inneħħu l-kontenut. F'xi każijiet, nafu nsakkru jew inħassru l-kont u nirrappurtaw lil min ikun kiser ir-regoli lill-awtoritajiet, jekk ikun il-każ. Fil-każ ta' ċertu kontenut pubbliku, jekk ma nikkonfermawx ksur tal-Linji Gwida tal-Komunità jew Linji Gwida tas-Servizz, imma minflokk nidentifikaw ksur tal- Linji Gwida tal-Komunità tagħna, nafu nneħħu, nillimitaw, nissospendu, ma nxerrdux jew nillimitaw d-disponibbiltà ta' dak il-kontenut għal ċertu etajiet. Hawn tista' ssib iktar tagħrif dwar it-twettiq tar-regoli fuq Snapchat.

  • M'aħna se nagħmlu xejn iktar jekk ma nsibu l-ebda ksur tal-politiki jew tar-Regoli tas-Servizz tagħna.

  • Jiġri x'jiġri, se ngħarrfuk bid-deċiżjoni tagħna.

Irrappurtajt xi ħaġa fuq Snapchat imma għadha ma tneħħietx. Għaliex? 

Ma nneħħux kull kontenut li jidħlilna rapport dwaru. Inneħħu l-kontenut li jikser il-politiki tagħna, inkluż il-Linji Gwida tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna. Jekk tara xi kontenut li ma jogħġbokx imma ma jiksirx il-politiki jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna, tista' tagħżel li taħbih jew timblokka jew tneħħi lil min bagħatulek.