Fir-Rapport tat-Trasparenza tagħna, naqsmu dejta marbuta mal-ħidma tagħna għal sigurtà ikbar fuq il-pjattaforma tagħna. Hawn nagħtu iktar kuntest u ħarsa iktar fid-dettall lejn il-prinċipji tas-sigurtà, il-politiki u l-proċessi tagħna u naqsmu l-ħoloq għal għadd ta' riżorsi marbuta mas-sigurtà u l-privatezza.
Mil-2015, ħriġna Rapporti tat-Trasparenza li jagħtu ħarsa importanti fid-dettall lejn l-għadd u x-xorta tat-talbiet għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-iSnapchatters u notifikazzjonijiet legali oħra li nirċievu mingħand il-gvernijiet.
Minn Novembru tal-2015, il-politika tagħna saret dik li ngħarrfu lill-iSnapchatters kull meta tidħlilna talba legali li titlobna t-tagħrif dwar il-kont tagħhom, ħlief meta l-liġi ma tħalliniex nagħmlu hekk jew meta jkun hemm xi ċirkostanzi eċċezzjonali (bħal, ngħidu aħna, l-isfruttament sesswali u l-abbuż fuq it-tfal jew riskju kbir ta' mewt jew korriment fiżiku serju).
Fl-2020, tejjibna r-Rapport tat-Trasparenza tagħna biex nagħtu tagħrif dwar il-volum u x-xorta tal-kontijiet irrappurtati fuq Snapchat għall-ksur tar-Regoli tas-Servizz jew tar-Regoli tal-Komunità tagħna. Żidna wkoll rendikont pajjiż b'pajjiż, disponibbli għall-pajjiżi kollha, bħala fajl CSV li jista' jitniżżel. Fl-2021, żidna iktar dettalji mar-rapport tat-trasparenza tagħna biex ninkludu dejta dwar ir-rapporti ta' tagħrif qarrieqi, tagħrif marbut mal-marki kummerċjali u Rata tal-Kontenut li Jikser ir-Regoli Miftuħ. Fl-2022, tajna ħarsa iktar fid-dettal dwar l-għemejjel tal-għarbiel tagħna b'rabta mad-drogi, mal-armi, mas-suwiċidju u mal-ħsara fuqek innifsek.
Fl-2023, bdejna noħorġu rapporti tat-trasparenza oħra li jiffukaw fuq ċertu reġjuni, li jimxu ma' dak li jitolbu minna l-liġijiet. Il-paġni apposta għall-Awstralja, għal California u l-Unjoni Ewropea jagħtu iktar informazzjoni ma' dik li diġà nagħtu fir-Rapport tat-Trasparenza ġenerali tagħna.
Fl-2024 bdilna r-Rapport tat-Trasparenza dinji tagħna biex nagħtu iktar dejta u għarfien dwar il-ħidma li nwettqu minn rajna għal sigurtà ikbar.
Aħna l-ħin kollu naħdmu biex intejbu r-rapporti tagħna skont ma jitolbu minna l-liġijiet madwar id-dinja.
Snap impenjata li tagħti riżorsi siewja lill-iSnapchatters u lill-persuni interessati barra l-kumpanija dwar il-ħidma tagħna fejn tidħol is-sigurtà u l-privatezza, il-politiki u għodda oħra tagħna. Tista' ssib dar-riżorsi fiċ-Ċentru tal-Privatezza, tas-Sigurtà u tal-Politiki tagħna. Hawn taħt insemmu xi wħud minn dar-riżorsi u oħrajn bħalhom.
Billi Snap hija pjattaforma għall-utenti li qabżu t-13-il sena, nemmnu li importanti ħafna li ngħarrfu u naħdmu mal-utenti kollha fuq kif inżommu l-pjattaforma tagħna sigura. Bl-għajnuna ta' għadd ta' riżorsi, bħaċ-Ċentru tas-Sigurtà għall-Familja u ċ-Ċentru tal-Familja, l-għodda għall-ġenituri ġewwa l-app ta' Snap, l-għan tagħna huwa li ngħammru lill-utenti u lill-familji tagħhom bl-għodod meħtieġa biex jikkomunikaw u jifhmu kif iħarsu s-sigurtà tagħhom huma u jużaw Snapchat.
Ir-Regoli tal-Komunità tagħna huma s-sisien tal-prinċipji tas-sigurtà tagħna u maħsuba biex jgħarrfu lill-utenti kif jużaw Snapchat b'mod responsabbli. Ta' sikwit inqisu r-Regoli tagħna u dan huwa biss wieħed mill-modi ta' kif naħdmu biex inżommu Snapchat post sigur.
Kif tirrapporta tħassib dwar is-sigurtà
Filwaqt li t-timijiet tas-sigurtà u l-IA avvanzata tagħna jaħdmu 24 siegħa kuljum biex iżommu l-pjattaforma ta' Snapchat sigura, aħna niddependu wkoll fuq l-utenti tagħna biex jirrappurtawlna t-tħassib tagħhom. Biex nagħmlu hekk nagħtu kemm għodda fl-app kif ukoll għodda fuq is-sit tal-internet biex jirrappurtaw il-kontenut u l-utenti li jiksru l-politiki tagħna.
Il-benesseri u s-sigurtà tal-utenti tagħna jiġu l-ewwel għal Snap. Fl-app tagħna ħloqna għodod bħal Hawn Għalik biex, direttament mill-app, nagħtu lill-utenti tagħna riżorsi interessanti u li jista' jifhmu kulħadd ħalli ngħinu lill-iSnapchatters li jafu jkunu għaddejjin minn xi kriżi emozzjonali jew ta' saħħa tal-moħħ.
Għalina ta' Snap, il-privatezza tiegħek hi l-prijorità tagħna. Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex niksbu l-fiduċja tiegħek kull darba li tuża Snapchat jew xi wieħed mis-servizzi tagħna—għalhekk nipproċessaw l-informazzjoni tiegħek b'mod differenti minn ħafna kumpaniji tat-teknoloġija oħra. Anki jekk is-servizzi tagħna dejjem jinbidlu, il-prinċipji tal-privatezza tagħna u l-impenn qawwi tagħna lejn il-privatezza tal-utent jibqgħu l-istess.
L-Indiċi tal-Benesseri Diġitali
Aħna impenjati li nibqgħu nqisu u ntejbu l-benesseri diġitali tal-Ġenerazzjoni Ż permezz tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali (DWBI) ta' kull sena. Mibdi fl-2022, dal-istħarriġ dettaljat jistħarreġ l-adoloxxenti, liż-żgħażagħ u lill-ġenituri tagħhom f'sitt pajjiżi—l-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka—biex ikejjel il-benesseri fuq l-internet. L-Indiċi tal-Benesseri Diġitali juża l-mudell PERNA li jqis 20 stqarrija f'ħames kategoriji: Emozzjonijiet Sbieħ, Imġibiet, Relazzjonijiet, Emozzjonijiet Koroh u Kisbiet. Snap twettaq dir-riċerka b'mod konsistenti bil-għan li tagħti għarfien siewi dwar l-esperjenzi taż-żgħażagħ fuq l-internet u tifhem kif tista' toħloq għodda u riżorsi li jwasslu għal atmosfera diġitali iktar sigura u ta' ġid ikbar.
L-għan tagħna hu li niġġieldu b'mod attiv ir-rikatti sesswali għall-flus permezz ta' sistemi ta' tiftix minn rajna, sħubijiet mal-inizjattiva "Take It Down" tal-NCMEC, għodda tar-rapporti fl-app imtejba u għar-riżorsi tat-tagħrif. Il-kontijiet li jiksru r-regoli tagħna jitneħħew malajr u meta jkun meħtieġ, nirrappurtawhom lill-awtoritajiet.
Dil-gwida maħsuba biex ngħinu lill-ġenituri u lit-tuturi jifhmu kif taħdem Snapchat, biex naqsmu magħhom is-sistemi ewlenin li nużaw biex inħarsu lill-adoloxxenti, biex ngħarrfuhom kif jużaw l-għodod tagħna biex jgħassu fuq uliedhom u biex inwieġbu l-iktar mistoqsijiet komuni.
Dil-gwida tagħti l-informazzjoni għall-uffiċjali tal-forzi tal-ordni li jixtiequ jiksbu r-reġistri ta' kont ta' Snapchat (ċoè d-dejta tal-utent ta' Snapchat) mingħand Snap.
Nedejna dal-blogg f'April tal-2021 bil-għan li jkun riżorsa siewja għal għadd ta' persuni interessati u attivisti li jixtiequ jsiru jafu iktar dwar kif naħdmu biex inħarsu s-sigurtà, il-privatezza u l-benesseri tal-komunità ta' Snapchat tagħna.