Privacy, Safety, and Policy Hub
Regoli tal-Komunità

Prattiki Foloz jew Qarrieqa ta' Ħsara

Sensiela ta' Taħriġ dwar ir-Regoli tal-Komunità

Aġġornati: Frar tal-2025

Ħarsa Ġenerali

Li nikkultivaw ambjent responsabbli fejn tinstab informazzjoni kredibbli hi prijorità ewlenija għal Snap. Imġibiet qarrieqa għandhom forom differenti u jistgħu jnaqqsu mill-fiduċjà u huma ta' theddida għas-sigurtà tal-iSnapchatters. Fassalna l-politiki tagħna biex innaqqsu t-tixrid ta' informazzjoni qarrieqa u nħarsu lill-utenti tagħna mill-frodi u mill-ispam f'għadd ta' sitwazzjonijiet.

  • Aħna nipprojbixxu t-tixrid ta' informazzjoni falza li tagħmel il-ħsara jew li hi malizzjuża bħal, ngħidu aħna, li tiċħad l-eżistenza ta' ġrajjiet traġiċi, stqarrijiet dwar is-saħħa u l-mediċina mingħajr provi, kontenut li jxekkel l-integrità tal-proċessi ċiviċi jew it-tbagħbis ta' kontenut għal għanijiet qarrieqa jew giddieba (inkluż permezz tal-IA ġenerattiva jew bidliet qarrieqa).

  • Aħna nipprojbixxu li tagħmilha tabirruħek li tkun xi ħadd (jew xi ħaġa) li m'intix jew tipprova tqarraq lin-nies dwar min int. Dan jinkludi li timita lil sħabek, membri tal-grupp soċjali tiegħek, persuni magħrufin, dittiet jew individwi jew għaqdiet oħra.

  • Aħna nipprojbixxu frodi u imġibiet qarrieqa, fosthom scams, riċiklaġġ tal-flus u l-promozzjoni ta' oġġetti u servizzi frawdolenti.

  • Aħna nipprojbixxu spam, inkluż kontenut mhux mixtieq jew esaġerat artifiċjalment jew interazzjonijiet.

X'għandek tistenna

Ir-Regoli tal-Komunità marbuta mal-Imġibiet li Jagħmlu l-Ħsara, Foloz jew Qarrieqa jaqgħu taħt tliet kategoriji ta' ħsara differenti imma li huma relatati: (1) informazzjoni qarrieqa li tagħmel il-ħsara, (2) frodi u (3) spam.

1. Informazzjoni Qarrieqa li Tagħmel il-Ħsara

Il-kontenut li jgħawweġ il-fatti jista' jkollu konsegwenzi ta' ħsara kbira għall-utenti u għas-soċjetà. Nafu li kultant taf tkun iebsa tkun taf x'inhu preċiż, l-iktar fejn jidħlu aħbarijiet friski jew suġġetti kumplikati bħalma huma x-xjenza, is-saħħa u l-aħbarijiet internazzjonali. Minħabba f'hekk, il-politiki tagħna ma jiffukawx biss fuq jekk l-informazzjoni hix falza jew qarrieqa, imma anki lejn il-ħsara li tista' tagħmel.

Hemm għadd ta' kategoriji ta' informazzjoni fejn it-tagħwiġ tal-fatti jista' jwassal għal riskji uniċi. F'dawn l-oqsma, it-timijiet tagħna se jneħħu l-kontenut li hu qarrieqi jew falz, anki jekk it-tagħwiġ tal-fatti ma kienx intenzjonat. B'hekk, il-politiki tagħna jħarsu kontra kull xorta ta' theddid mill-informazzjoni, fosthom it-tagħwiġ tal-informazzjoni, l-informazzjoni ħażina, l-informazzjoni qarrieqa u midja manipulata.

Fost il-kategoriji tal-informazzjoni li nqisu li għandhom l-ikbar ċans jagħmlu l-ħsara hemm dawn li ġejjin:

  • Kontenut li jiċħad l-eżistenza ta' ġrajjiet traġiċi. Nipprojbixxu kontenut li, ngħidu aħna, jiċħad l-ġrajja ta' l-Olokawst jew jiċħad li kien hemm l-isparatura fl-iskola Sandy Hook ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka. It-tagħwiġ tal-rappreżentazzjonjiet u t-teoriji mingħajr provi marbuta ma' dat-traġedji, jistgħu jwasslu għall-vjolenza u l-mibegħda, minbarra l-weġgħat li jistgħu jġibu f'ħajjet l-utenti u lill-familji tagħhom li kienu milquta b'dawn il-ġrajjiet.

  • Kontenut li jippromovi stqarrijiet mediċi mingħajr provi. Nipprojbixxu kontenut li, ngħidu aħna, jissuġġerixxi terapiji mhux ippruvati għall-prevenzjoni tat-tixrid ta' COVID-19; li jxerred teoriji komplottisti mingħajr prova dwar it-tilqim; jew li jħeġġeġ proċeduri magħrufin li jagħmlu l-ħsara u li ma jaħdmux bħall-“terapiji ta' konverżjoni”. Għalkemm nifhmu li s-settur tal-mediċina kontinwament jinbidel, u l-aġenziji tas-saħħa għall-pubbliku jistgħu jirrevedu l-gwidi tagħhom ta' sikwit, it-tali għaqdiet kredibbli huma suġġett għal standards li jridu jimxu magħhom u għandhom min jgħarbel xogħolhom u nistgħu naraw x'qed jgħidu biex nifhmu x'inhuma l-pariri responsabbli fejn jidħlu s-saħħa u l-mediċina.

  • Kontenut li jxekkel l-integrità tal-proċessi ċiviċi. L-elezzjonijiet u l-proċessi ċiviċi l-oħra huma kruċjali fil-ħidma tas-soċjetajiet li jħarsu l-jeddijiet u għalhekk ħafna drabi jiġu użati b'mod uniku għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni. Biex inħarsu l-ambjent ta' informazzjoni madwar dawn ix-xorta ta' ġrajjiet, aħna nwettqu l-politiki tagħna biex jgħoddu għal dawn it-tipi ta' theddidiet għall-proċessi ċiviċi li ġejjin:

  • Indħil fil-proċeduri: informazzjoni ħażina marbuta mal-elezzjonijiet jew il-proċessi ċiviċi fis-seħħ bħal, ngħidu aħna, l-għoti tal-informazzjoni ħażina dwar dati u ħinijiet importanti jew dwar dak li hu meħtieġ biex wieħed jieħu sehem fil-proċess.

  • Indħil fis-sehem: kontenut li fih theddid għas-sigurtà personali jew li jxerred l-għidut biex iriegħex lin-nies milli jieħdu sehem f'elezzjoni jew proċess ċiviku.

  • Sehem frawdolenti jew kontra l-liġi: kontenut li jħeġġeġ lin-nies jigdbu dwar l-identità tagħhom biex jieħdu sehem fi proċess ċiviku jew biex jivvutaw illegalment jew jeqirdu l-vot.

  • Nuqqas ta' fiduċja fil-proċessi ċiviċi: kontenut bl-għan li jtellef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi fuq bażi ta' stqarrijiet foloz jew qarrieqa bħal, ngħidu aħna, dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet.


Mal-politiki tagħna kontra l-informazzjoni falza li tagħmel il-ħsara hemm ukoll ħafna ħarsien u regoli dwar ir-riklami li fassalna biex inrażżnu l-popolarità ta' dal-kontenut, inkunu iktar trasparenti u nagħtu importanza ikbar lill-kontenut awtentiku fuq il-pjattaforma tagħna. Aqra dal-artiklu tal-blogg għal iktar informazzjoni dwar kif il-pjattaforma tagħna tfasslet biex tilħaq dal-għanijiet.

2. Frodi

Il-frodi jistgħu jwasslu għall-ħsara finanzjara, riskji ta' sigurta diġitali u anke riskju legali għall-iSnapchaptters. Biex ngħinnu nnaqsu dar-riskji, ma nħallu l-ebda għemil qarrieqi li jista' jnaqqar mill-fiduċja fil-komunità tagħna.

Fost l-imġibiet li huma projbiti hemm il-kontenut li jirriklama xi xorta ta' qerq; skemi biex tagħmel il-flus malajr; kontenut sponsorjat jew li ħallast għalih mingħajr permess jew mingħajr ma tgħarraf lil ħadd dwaru; MLM jew skemi piramida u r-riklami ta' prodotti jew servizzi qarrieqa fosthom prodotti u dokumenti foloz. Ma tistax tuża s-servizz tagħna għal xi xorta ta' riċiklaġġ tal-flus (fosthom li ġġorr jew iżżomm il-flus f'isem ħaddieħor). Dan jiġbor fih ukoll li tirċievi u tibgħat flus miksuba kontra l-liġi jew minn xi ħadd mhux magħruf f'isem ħaddieħor, li tibgħat il-flus mingħajr permess jew kontra l-liġi jew li tagħti servizz tal-kambju mingħajr permess jew kontra l-liġi u li titlob jew tirriklama dal-għemil.

Fl-aħħar nett, skont il-politiki tagħna ma tistax tagħmilha tabirruħek li int xi ħadd (jew xi ħaġa) li m'intix biex tqarraq lin-nies dwar min int. Dan jinkludi li timita lil sħabek, xi ħadd mill-grupp soċjali tiegħek, persuni magħrufin, ditti jew xi għaqdiet oħra. Dawn ir-regoli ifissru wkoll li hi vjolazzjoni li timita d-disinn tad-ditta Snapchat jew Snap Inc.


3. Spam

L-ispam jista' jħawwad u jdejjaq lill-iSnapchatters. Nipprojbixxu it-tali mġibiet, inkluż interazzjonijiet esaġerati artifiċjalment, bħal skemi li tħallas lil min isegwik jew skemi oħra biex iżżid is-segwati; li tirriklama l-apps tal-ispam jew li ttella' jew taqsam l-istess kontenut repetittiv ma' għadd kbir ta' nies.

Għeluq

Il-prijorita tal-kumpanija tagħna hi li nagħmlu l-almu tagħna biex nippromovu ambjent responsabbli fejn tinstab informazzjoni kredibbli u se nkomplu nesploraw metodi innovattivi biex ngħinu nħarsu lill-iSnapchatters mir-riskji ta' Mġibiet Foloz jew Qarrieqa li Jagħmlu l-Ħsara.

Aħna u nkomplu dil-ħidma, aħna impenjati li nipprovdu għarfien trasparenti dwar l-effettività ta' din l-ħidma tagħna. Permezz tar-rapporti tat-trasparenza tagħna, aħna nipprovdu informazzjoni maqsuma pajjiż b'pajjiż dwar dak li nkunu wettaqna fil-ġlieda tagħna kontra l-informazzjoni ħażina madwar id-dinja -- u beħsiebna nipprovdu rendikonti iktar dettaljati ta' dal-ksur tar-regoli fir-rapporti li ġejjien.

Aħna impenjati li ta' sikwit naddattaw il-ħidma tal-politiki tagħna biex intejbu l-ħila tagħna li nilqgħu għall-kontenut jew l-imġibiet li jagħmlu l-ħsara u aħna impenjati li naħdmu ma' għadd ta' mexxejja diversi mill-komunità dinjija tas-sigurtà biex ngħinu niżguraw li qed navvanzaw biex nilħqu dawn l-għanijiet b'mod responsabbli.