Regoli tal-Komunità

Attivitajiet Illegali jew Regolati

Serje ta' Taħriġ dwar ir-Regoli tal-Komunità

Aġġornat: Jannar 2024

Ħarsa ġenerali

Il-fatt li ma naċċettaw l-ebda għemil illegali jew li hu marbut ma' għemil li jeħtieġ liċenzja juri kemm aħna impenjati li nħarsu s-sigurtà fuq Snapchat. Dar-regoli mhux biss qed jgħinuna niżguraw li l-pjattaforma tagħna ma tintużax għal għanijiet illegali, imma jgħinuna nħarsu lill-iSnapchatters mir-riskji ta' ħsara serja. Biex inkomplu niksbu dawn l-għanijiet, aħna nissieħbu ma' għadd ta' esperti fil-qasam tas-sigurtà, għaqdiet privati u ma' għaqdiet tal-infurzar tal-liġi biex nagħtu lill-komunità tagħna materjal għat-tagħlim u biex inrawmu s-sigurtà pubblika b'mod ġenerali.

  • Tużax Snapchat għal għemil li jikser il-liġi, fosthom biex tirriklama, tgħin jew tieħu sehem f'attività kriminali bħax-xiri, il-bejgħ, it-tpartit jew l-għajnuna fil-bejgħ ta' sustanzi illegali jew li jeħtieġu permess, kutrabandu (bħal, stampi li juru l-isfruttament jew l-abbuż sesswali fuq it-tfal), armi, jew prodotti jew dokumenti foloz. Fosthom hemm ukoll ir-riklami jew xi xorta oħra ta' għajnuna ta' xi sfruttament, fosthom it-traffikar tal-bnedmin jew it-traffikar tal-bnedmin għal għanijiet sesswali.

  • Ma tistax tuża l-pjattaforma tagħna biex tirriklama oġġetti jew industriji li jeħtieġu liċenzja, fosthom riklami mhux awtorizzati tal-logħob tal-azzard, tat-tabakk u tal-alkoħol.

X'għandek tistenna

Anki jekk il-liġijiet u r-regolamenti mhumiex l-istess bejn ġurisdizzjoni u oħra madwar id-dinja — u Snapchat hija komunità li dejjem qed tikber madwar id-dinja — l-utenti tagħna jistgħu jserrħu moħħhom li mhu se naċċettaw l-ebda għemil li jhedded is-sigurtà pubblika jew li jikser il-jeddijiet tal-bniedem, il-liġijiet tal-Istati Uniti jew il-liġijiet tal-pajjiż fejn ikun jinsab l-utent.

Ir-riklami, l-għajnuna jew is-sehem f'għemil illegali jew sehem f'reati diġitali; ix-xiri, il-bejgħ jew l-għajnuna fil-bejgħ ta' sustanzi illegali jew li jeħtieġu permess; kutrabandu, armi u prodotti jew dokumenti foloz dejjem se jitqiesu bħala għemil kontra l-liġi li ma jistax jitwettaq.

Ir-regoli tagħna jipprojbixxuk ukoll milli tuża l-pjattaforma tagħna biex tbigħ jew tirriklama prodotti li jeħtieġu liċenzja, jew li jitwettaq għemil mingħajr permess minn xi awtorità tal-gvern bħal, ngħidu aħna, liċenzji speċjali jew rapporti amministrattivi biex legalment tixtri, tbigħ jew tuża dawn il-prodotti jew is-servizzi. Fost dan l-għemil li jeħtieġ permess minn qabel minn Snap hemm għemil li jgħin imexxi l-logħob tal-ażżard fuq l-internet; il-bejgħ ta' xorb alkoħoliku; prodotti tat-tabakk jew tas-sigaretti elettroniċi u r-riklami ta' negozji marbuta mat-THC. Aħna nħeġġu lin-negozji biex jaqraw dal-kontenut biex jifhmu kif għandhom ibigħu u jirriklamaw skont ir-regoli ta' Snapchat.

Aħna impenjati li niżguraw li l-iSnapchatters ikollhom kemm jista' jkun informazzjoni dwar ix-xorta ta' mġiba u attività fuq l-internet li jista' jikser il-liġi u jkun ta' riskju serju għas-sigurtà tagħhom. Grazzi għas-sħubiji ma' għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ u għall-ħidma id f'id ma' għadd ta' esperti fil-qasam tas-sigurtà, aħna impenjati li nkabbru l-għarfien dwar attivitajiet riskjużi u dwar kif l-iSnapchatters jistgħu jħarsu rwieħhom. Fosthom hemm ir-riżorsi fl-app, bħal Here For You u Heads Up, kif ukoll is-sħubiji ma' għaqdiet oħra bħall-AdCouncil u l-White House. Aħna naħdmu wkoll ma' aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex nimxu mal-proċess legali meħtieġ b'rabta mal-għemil fuq Snapchat li jista' jkun prova ta' xi reat.

Kif inwettqu dal-politiki

Il-kontenut li jikser ir-regoli tagħna kontra l-Attivitajiet Illegali jew Li Jeħtieġu Liċenzja se jitneħħa. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-utenti li jaqsmu, jirriklamaw jew ixerrdu kontenut li jikser ir-regoli tagħna se jingħataw twissija u se nneħħu l-aċċess għall-kontijiet ta' dawk li jiksru dawn il-politiki għal għadd ta' drabi. Biss, hemm ċertu għemil li jmur kontra l-liġi––bħall-bejgħ tad-drogi jew it-traffikar tal-bnedmin––li ma nittolleraw bl-ebda mod; dan il-ksur se jwassal biex nagħlqu l-kont minnufih mal-ewwel ksur tar-regoli.

Xi ħaġa importanti li tista' tagħmel biex tgħinna nżommu l-pjattaforma ta' Snapchat sigura hi li tirrapporta minnufih kull għemil li jikser il-liġi mill-għodda għar-rapporti tal-app tagħna. Wara li jidħlilna rapport, it-timijiet tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna jkunu jistgħu minnufih jagħmlu dak li hu meħtieġ biex isewwu l-problema. Għall-iktar servizzi li jintużaw, bħal Spotlight u Sejjieba, aħna ngħarbu l-kontenut minn rajna biex inrawmu pjattaforma b'informazzjoni tajba, imma r-rapporti tal-utenti dwar xi kontenut li jagħmel il-ħsara li jħabbtu wiċċhom miegħu xorta huma ta' għajnuna u ta' siwi kbir għalina għax jgħinuna nifhmu hemmx xi nuqqasijiet fil-proċessi tagħna li huma maħsuba biex inżommu dal-postijiet ħielsa minn għemil mhux sigur jew li jmur kontra l-liġi.

Punti Ewlenin

Huwa importanti ħafna għalina li qed nagħtu sehemna biex inrawmu s-sigurtà pubblika u biex inħarsu lill-iSnapchatters mill-għemil li jikser il-liġi jew li jagħmel il-ħsara u hija responsabbiltà li nieħdu b'serjetà kbira.

Aħna u nkomplu b'din il-ħidma, aħna impenjati li nagħtu dettalji trasparenti dwar il-kisbiet fil-ħidma tagħna. Aħna naqsmu dil-informazzjoni pajjiż b'pajjiż fir-Rapporti tat-Trasparenza tagħna fejn nuru x'għamilna b'rabta mal-attività illegali jew irregolata. Biex nagħtu iktar dettall dwar il-ħidma tagħna, qsamna d-dejta dwar x'qed nagħmlu u kif nirrapurtaw ix-xorta ta' ksur b'rabta mad-drogi u l-armi fir-Rapport tat-Trasparenza tagħna, u fil-ġejjieni beħsiebna nagħtu iktar dettalji dwar dax-xorta ta' ksur.

Aħna nħeġġu lill-utenti jirrappurtaw kull għemil li jmur kontra l-liġi li jħabbtu wiċċhom miegħu biex jgħinuna nżommu l-pjattaforma ta' Snapchat post sigur u addattat għal kulħadd. Aħna dejjem infittxu opportunitajiet biex intejbu l-ħila tagħna li nilqgħu kontra l-kontenut u l-imġiba li jagħmlu l-ħsara u aħna impenjati li naħdmu ma' għadd ta' esperti mill-komunità tas-sigurtà biex niżguraw li qed inġibu 'l quddiem dawn l-għanijiet b'mod responsabbli. Jekk jogħġbok żur iċ-Ċentru tal-Privatezza u s-Sigurtà tagħna għal iktar informazzjoni dwar il-ħidma tagħna b'rabta mas-sigurtà.

Li Jmiss:

Kontenut ta' Mibegħda, Terroriżmu u Estremiżmu Vjolenti

Read Next