Kontenut ta' Mibegħda, Terroriżmu u Estremiżmu Vjolenti

Serje ta' Spjegazzjonijiet dwar ir-Regoli tal-Komunità

Aġġornat: Jannar tal-2024

  • L-għaqdiet terroristiċi, l-estremisti vjolenti u l-gruppi li jxerrdu l-mibegħda ma jistgħux jużaw il-pjattaforma tagħna. Ma naċċettaw l-ebda xorta ta' kontenut li jiddefendi jew iħeġġeġ l-estremiżmu vjolenti jew it-terroriżmu.

  • Ma naċċettaw l-ebda kontenut ta' mibegħda jew kontenut li jwaqqgħa d-dinjita tal-bniedem, li jimmalafama jew li jħeġġeġ vjolenza jew diskriminazzjoni fuq bażi ta' razza, lewn tal-ġilda, kasta, etniċità, nazzjonalità, reliġjon, xaqlib sesswali, ġens, identità tal-ġens, diżabbiltà, status ta' persuna li serva għal-tul ta' żmien fil-forzi armati, status ta' immigrazzjoni, l-istatus soċjoekonomiku, età, piż jew tqala.



Ħarsa ġenerali


Il-kontenut li jxerred il-mibegħda u l-għemil li jħeġġeġ it-terroriżmu jew l-estremiżmu vjolenti mhux postu fuq Snapchat. Il-politiki tagħna qegħdin hemm biex noħolqu post fejn is-sigurtà tal-iSnapchatters tiġi l-ewwel u biex iħarsu l-komunitajiet mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni. 

Qatt ma naċċettaw li twettaq għemil imnibbet mill-mibegħda, fosthom l-użu ta' kliem jew simboli ta' mibegħda. L-għemil li jħeġġeġ jew isejjaħ għal għemil terroristiku jew estremiżmu vjolenti lanqas mhu postu fuq Snapchat u jekk ikun il-każ, nafu nirrappurtawh lill-forzi għall-infurzar tal-liġi. 

Biex niżguraw li dawn il-politiki jitwettqu b'ġustizzja, it-timijiet tagħna jirreferu għall-għarfien espert u l-ħidma tal-għaqdiet tal-jeddijiet ċivili, tal-esperti tal-jeddijiet tal-bniedem, tal-forzi taż-żamma tal-ordni, tal-għaqdiet mhux governattivi u tal-attivisti fil-qasam tas-sigurtà. Aħna l-ħin kollu nitgħallmu u se naddattaw skont il-ħtieġa biex niżguraw li s-servizzi u l-politiki tagħna jkomplu jżommu lill-iSnapchatters siguri. Inħeġġu lill-utenti jgħinuna f'dil-ħidma billi jirrappurtaw kull kontenut jew għemil ta' mibegħda li jista' jmur kontra l-politiki tagħna kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tagħna. 



X'għandek tistenna


L-iSnapchatters għandhom iħossuhom siguri u rispettati meta jużaw is-servizzi tagħna. Il-politiki tagħna kontra kontenut ta' mibegħda ma jaċċettawx kliem ta' mibegħda, li jinkludi kull xorta ta' kontenut li jwaqqgħa d-dinjita tal-bniedem, jew li jħeġġeġ diskriminazzjoni kontra xi persuna jew grupp ta' nies fuq bażi ta' razza, lewn tal-ġilda, kasta, etniċità, nazzjonalità, reliġjon, xaqlib sesswali, ġens, identità tal-ġens, diżabbiltà, status ta' persuna li serva għal-tul ta' żmien fil-forzi armati, status ta' immigrazzjoni, l-istatus soċjoekonomiku, età, piż jew status ta' tqala. Skont dawn ir-regoli ma tistax, pereżempju, tuża kliem degredanti u ta' tgħajjir marbutin mar-razza, mal-etniċità, kliem ta' mibedgħa kontra il-ġens femminili jew kliem omofobiku; memes li jwaqqgħu għaċ-ċajt jew iħeġġu d-diskriminazzjoni kontra xi grupp imħares; u abbużi oħra marbuta mal-ismijiet il-qodma ta' persuna li biddlet il-ġens jew li tirreferi għall-ġens il-ħażin. Ir-regoli kontra l-mibegħda jgħoddu wkoll għal dawk li jfaħħru lil min jabbuża--jew min imaqdar lill-vittmi--ta' kattiveriji storiċi (bħal, ngħidu aħna, ġenoċidji, disrkiminazzjoni razzjali legali jew skjavitù). Lanqas ma tista' tuża simboli ta' mibegħda, fosthom stampi maħsuba biex ixerrdu l-mibegħda jew id-diskriminazzjoni kontra ħaddieħor. 


Meta ngħidu li ma naċċettaw l-ebda kontenut marbut mat-Terroriżmu u l-Estermiżmu Vjolenti, dan ifisser ukoll li lanqas ma naċċettaw kontenut li jħeġġeġ it-terroriżmu jew għemil kriminali vjolenti ieħor minn persuni privati jew gruppi biex iġibu l-ideoloġija tagħhom 'il quddiem. Dawn ir-regoli lanqas ma jħalluk ittella' kontenut li jħeġġeġ jew li jgħin lil għaqdiet terroristiċi jew gruppi ta' mibegħeda estremisti barranin--skont kif imfissra minn esperti kredibbli barra l-kumpanija tagħna--kif ukoll sajdiet għal dawn l-għaqdiet jew għemil estermiżmu vjolenti. 


Kif inwettqu dal-politiki


L-għodda għar-rapporti mill-app tagħna tħalli lill-utenti li direttament jirrappurtaw kontenut jew għemil ta' mibegħda li jħeġġeġ it-terroriżmu jew l-estremiżmu vjolenti. Għall-iktar servizzi li jintużaw, bħal Spotlight u Sejjieba, aħna niċċekkjaw u ngħarblu minn rajna kwalunkwe kontenut li jikser dawn ir-regoli. Pero, xorta inħeġġu lill-utenti biex jirrapurtaw kwalunkwe kontenut li jagħmel il-ħsara li jiltaqgħu miegħu fuq dawn il-pjattaformi--dan jgħina biex naraw fejn huma n-nuqqasijiet fil-proċessi tagħna maħsuba biex inżommu dal-postijiet siguri.

Meta jidħlilna rapport dwar kontenut li jxerred il-mibegħda, it-timijiet tagħna jneħħu kull kontenut li jikser ir-regoli u kull utent li jkompli jikser ir-regoli jew li jiksirhom bl-iktar mod sfaċċat se jitneħħielu l-aċċess għall-kont. Barra minn hekk, inħeġġu lill-iSnapchatters jibblokkjaw kull utent li minħabba fih ma jħossuhomx komdi jew siguri.

L-utenti li jwettqu għemil terroristiku jew estermiżmu vjolenti se jitilfu l-aċċess għall-kont tagħhom. Barra minn hekk, xi informazzjoni marbuta mal-ksur ta' dal-politiki tista' tiġi rrappurtata lill-forzi taż-żamma tal-ordni. Għal iktar informazzjoni dwar kif Snapchat taħdem b'mod responsabbli mal-forzi taż-żamma tal-ordni, żur iċ-Ċentru tal-Privatezza u s-Sigurtà ta' Snap.



Konklużjoni

Fuq Snapchat ma naċċettaw l-ebda kontenut ta' mibegeħda, terroriżmu jew estremiżmu vjolenti. Aħna naħdmu biex, kemm bil-politiki kif ukoll bid-disinn tagħna, ikollna ambjent li jħeġġeġ u jagħti importanti lis-sigurtà tal-iSnapchatters. 


L-utenti jistgħu jgħinuna nħarsu l-komunità tagħna billi jirrappurtawlna l-kontenut li jikser il-politiki tagħna. Aħna impenjati li naħdmu ma' għadd ta' esperti mill-komunità tas-sigurtà biex niżguraw li qed nilħqu l-għanijiet tas-sigurtà tagħna b'mod responsabbli. Jekk jogħġbok żur iċ-Ċentru tas-Sigurtà tagħna għal iktar informazzjoni dwar il-ħidma tagħna fil-qasam tas-sigurtà.