Politiki tar-Riklamar
Ħtiġijiet Ġenerali
Immirar u Obbligi Legali
Ir-reklami kollha għandhom ikunu addattati għall-udjenza fiż-żona ġeografika li se jintwerewlha r-reklami. Jeħtieġlek tkun għalaqt it-13-il sena biex tuża l-app ta' Snapchat; għalhekk se niċħdu r-reklami kollha li jkunu mmirati jew maħsuba għal tfal taħt it-13-il sena.
Ir-reklami għandhom jimxu mal-liġijiet, l-istatuti, l-ordinanzi, ir-regoli, ir-regoli tal-ordni pubbliku, ir-regoli tal-industrija, ir-regolamenti, u n-normi kulturali ta' kull żona ġeografika fejn se jintwerew. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok:
Ir-reklami għal xi prodotti jew servizzi ma jistgħux jintwerew biss lil dawk ta' ġens, età jew post partikolari.
F'xi postijiet hemm xi regoli marbuta mal-ilsien li tuża.
Billi Snap hija kumpanija bbażata fl-Istati Uniti, mhix se taċċetta reklami maħsuba għal, jew imħallsa minn, entitajiet f'pajjiżi b'sanzjonijiet kummerċjali jew restrizzjonjiet fuq l-esportazzjoni oħra imposti mill-Istati Uniti.
Tagħrif
It-tagħrif, iċ-ċaħdiet u t-twissijiet kollha tar-reklami għandhom ikunu ċari u jistgħu jinqraw (għal iktar dettalji, aqra l-Linji Gwida u d-Dettalji għar-Reklami) u r-reklamaturi għandhom ikunu murija b'mod ċar u preċiż fir-reklam.
Privatezza: Ġbir u Użu tad-Dejta
Ir-reklami ma jistgħux jiġbru informazzjoni sensittiva jew dejta ta' kategoriji speċjali, fosthom l-informazzjoni msejsa fuq jew li tiġbor fiha: (i) xilja jew twettiq ta' reat, (ii) informazzjoni dwar is-saħħa; jew (iii) informazzjoni dwar l-istat finanzjarju, ir-razza jew l-etniċità, it-twemmin jew għażliet reliġjużi, il-ħajja jew ix-xaqlib sesswali, l-opinjonijiet politiċi jew is-sħubija f'union tal-utent. Naċċettaw stħarriġ dwar is-saħħa biss jekk ikun qed jitwettaq minn istituzzjonijiet tar-riċerka approvati jew għaqdiet tas-saħħa pubblika.
Il-politika tal-privatezza tar-reklamatur trid tkun tista' tinstab minnufih meta tkun se tinġabar xi informazzjoni personali.
L-informazzjoni personali għandha tinġabar u tiġi pproċessata b'mod sigur. Ma naċċettawx reklami li jqarrqu bl-utenti u jwassluhom biex jagħtu l-informazzjoni personali tagħhom bil-qerq.
Ir-reklami m'għandhomx jgħidu jew jagħtu x'tifhem li jafu d-dejta personali, l-informazzjoni sensittiva, u l-imġiba fuq l-internet tal-utent jew il-post eżatt fejn jinsab l-utent.
Proprjetà Intellettwali
Kontenut Użat Mingħajr Permess
Ir-reklami m'għandhomx jiksru l-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali, tal-privatezza, tal-fama, jew jeddijiet legali oħra ta' kwalunkwe persuna jew entità. Ir-reklamaturi għandhom ikollhom il-jeddijiet u l-permessi meħtieġa kollha għal kull ħaġa li jużaw fir-reklam tagħhom. Ir-reklami jistgħu ma jużawx l-isem, id-dehra (anki x-xebħ), il-leħen (anki x-xebħ) jew karatteristiċi oħra li jidentifikaw il-karatteristiċi tal-persuna mingħajr il-permess ta' dik il-persuna.
Ma naċċettawx dawn li ġejjin:
Reklami għal prodotti jew servizzi li ħafna drabi jintużaw biex jiksru l-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali tal-oħrajn bħal, ngħidu aħna, dawk imfassla biex iduru mas-sistemi tal-ħarsien tal-jeddijiet tal-awtur (bħal software jew tagħmir li jiftaħ is-sinjal tat-televiżjoni bil-cable).
Reklami għal prodotti jew servizzi li ħafna drabi jintużaw għall-bejgħ ta' prodotti foloz, bħal, ngħidu aħna, kopji ta' prodotti tad-ditta jew kopji ta' prodotti uffiċjali.
Reklami għal prodotti jew servizzi b'xhieda jew stqarrija falza li jintużaw min-nies famużi.
Jekk temmen li l-jeddijiet tal-awtur, it-trademark jew il-fama tiegħek intlaqtu ħażin minħabba reklam imxandar fuq Snapchat, inħeġġuk tipprova tikkuntattja u tilħaq ftehim direttament mar-reklamatur. Inkella, s-sidien tal-jeddijiet u l-aġenti tagħhom jistgħu jressqu xilja ta' ksur ta' proprjetà intellettwali lil Snap hawn. Aħna nieħdu r-rapporti kollha bħal dawn bis-serjetà.
Referenzi għal Snap
Ir-reklami m'għandhomx jippruvaw jagħtu wieħed x'jifhem li hemm rabta jew approvazzjoni ta' Snap jew tas-servizzi tagħha. Dan ifisser li r-reklami m'għandhom jużaw ebda trademark jew materjal li jaqa' taħt il-jeddijiet tal-awtur ta' Snap u lanqas kontenut artistiku ta' Bitmoji jew xbihat tal-interfaċċja tal-utent ta' Snap sakemm m'għandekx permess tagħmel hekk mil-Linji Gwida tad-Ditta ta' Snapchat jew mil-Linji Gwida tad-Ditta ta' Bitmoji. Ir-reklami lanqas m'għandhom ikun fihom xi bidla ta', jew xi ħaġa li tixbah trademark ta' Snap li tista' tfixkel lil min jara r-reklam.
Kwalità tal-Kontenut u Paġna tar-Reklam
Ir-reklami kollha għandhom ikunu ta' standards editorjali u ta' kwalità għolja. Jekk jogħġbok żur it-taqsima Speċifikazzjonijiet u Linji Gwida Kreattivi taċ-Ċentru tal-Għajnuna għan-Negozji tagħna biex issib il-ħtiġijiet tekniċi u kreattivi għal kull servizz tar-reklami tagħna. Ir-reklami li jmorru kontra dawn il-linji gwida mhux se jiġu aċċettati.
Aħna u niċċekkjaw ir-reklami, naraw li l-politiki tagħna ma jgħoddux biss għall-kontenut tar-reklami nnifsu (bħal pereżempju “Snap ewlenija”, Filtru jew Lenti Sponsorizzata) imma wkoll il-paġna li se tieħdok fuqha r-reklam jew ħwejjeġ oħra marbuta mar-reklam. Aħna ma naċċettawx ir-reklami li jeħduk f'paġni li:
Kwalità baxxa (eż.: il-ħolqa ma taħdimx, paġni li ma tistax tużahom jew li mhux addattati biex tiftaħhom fuq mowbajl)
Idejqu lill-utenti (eż.: esperjenzi mhux mistennija għall-utenti, ħsejjes li jaħsduk, teptip żejjed ta' dawl)
Huma bla siwi (eż.: paġni li ma jaqblux mal-prodott jew mas-servizz li qed jiġi reklamat jew li jtawlu bla ħtieġa l-proċess tax-xiri biex juru iktar u iktar reklami lill-utent)
Mhux siguri (eż.: paġni li jippruvaw iniżżlu xi fajls awtomatikament jew li jippruvaw jisirqu d-dejta tal-utent)
Promozzjonijiet
Il-promozzjonijiet fuq Snapchat jaqgħu taħt ir-Regoli tal-Promozzjonijiet ta' Snap.
Li Jmiss:
Ħtiġijiet għall-Kategoriji tar-Riklami