L-Għeluq tal-Ewwel Programm tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali tagħna
9 ta' Ottubru 2025
Dal-aħħar Snap għalqet l-ewwel programm tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali tagħha mal-adolexxenti tal-Istati Uniti tal-Amerka. Dal-programm li nedejna fl-2024 laqqa' 18-il adolexxent minn madwar il-pajjiż biex jgħidulna x'jaħsbu dwar il-ħajja diġitali tal-lum. Matul l-aħħar sena, dal-adolexxenti - u l-filmati tagħhom - tawna perspettivi siewja u saru ambaxxaturi aqwa għas-sigurtà u l-benesseri fuq l-internet.
Biex infakkru din is-sena li għaddejna fil-programm, tellajna avveniment prattiku mtella' mill-adolexxenti fl-uffiċċini tagħna ġewwa Washington, D.C. Il-membri tal-kunsill ħadu dil-opportunità biex jaqsmu l-esperjezi u t-tagħlim li kisbu direttament man-nies li jagħmlu parti mill-komunità tas-sigurtà fuq l-internet. Fost dawk li ħadu sehem kien hemm Brian Schwalb, l-Avukat Ġenerali tad-Distrett ta' Columbia, li tħaddet dwar l-importanza tas-sehem taż-żgħażagħ fis-soċjetà; rappreżentanti tal-għaqdiet tas-sigurtà fuq l-internet fosthom Technology Coalition, ConnectSafely u l-Family Online Safety Institute flimkien ma' uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti tal-Amerka u d-Dipartiment tas-Sigurtà Nazzjonali. Minbarra dan, il-membri tal-kunsill kellhom l-opportunità jżuru n-Naħa tal-Lvant tal-White House u jitħaddtu mal-uffiċjali li jaħdmu mal-First Lady tal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-prijoritajiet tal-benesseri u s-sigurtà fuq l-internet.

Ritratt: Ritratt Uffiċjali tal-White House
Matul l-avveniment ġewwa Washington, D.C., l-adolexxenti taw taħditiet dwar firxa ta' suġġetti fosthom l-istigmi marbuta mar-rapporti fuq l-internet u mar-rikatti sesswali. Il-panels u t-taħditiet immexxija mill-adolexxenti wrewna l-valur kbir li nqisu dak li jaħsbu ż-żgħar tagħna fil-ħidma li nwettqu biex intejbu s-sigurtà fuq l-internet. Ngħidu aħna:
Membru tal-Kunsill tat taħdita dwar ir-rikatti sesswali u fissritilna kif l-adolexxenti vittmi ħafna drabi jistgħu jistħu u jħossuhom daharhom mal-ħajt. Qaltilna li dal-ħsibijiet jafu jkun agħar jekk il-ġenituri ma fihmuhomx, iwaħħlu fil-vittma jew ma jifhmux kif taħdem l-atmosfera tal-internet. Offriet lil ġenituri strateġiji ċari biex jgħinu lill-adolexxenti tagħhom.
Dit-taħdita kienet parti minn taħdita ikbar mal-panel magħmul minn grupp ta' adolexxenti u l-ġenituri tagħhom dwar l-importanza tal-kurżità u t-trasparenza meta jkunu qed jitħaddtu dwar is-sigurtà fuq l-internet bħala familja. Il-grupp qasam eżempji personali ta' kif meta tħaddet dwar suġġetti skomdi u iebsin, wara seta' jikkomunika aħjar.

Panel ieħor magħmul mill-adolexxenti tħaddet dwar l-istigmi marbuta mar-rapporti tal-internet tal-ġenerazzjonijiet iżgħar u saħaq li ħafna adolexxenti joqogħdu lura milli jirrappurtaw għax jaħsbu li se jiġu ġġudikati jew li mhux se jkunu emmnuti. Qalu li importanti ħafna li jinħolqu atmosferi fejn iż-żgħażagħ jistgħu jħossuhom komdi jitkellmu mingħajr il-biżgħa li xi ħadd joħodha kontriehom. Saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm għodda għar-rapporti li jkunu ħfief biex tużahom u ssibhom u talbu lill-kumpaniji, lill-għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ u lill-għaqdiet tas-sigurtà biex iżidu l-ħidma tagħhom biex jgħallmu lill-adolexxenti li r-rapporti fuq il-pjattaformi bħal Snapchat huma kunfidenzjali u li meta jirrappurtaw jafu jkunu qed jgħinu lill-komunità kollha.
Grupp minnhom tħaddet ukoll dwar għaliex it-Tagħrif tas-Servizz Pubbliku (PSA) u messaġġi tas-sigurtà oħra maħsuba għall-adolexxenti ħafna drabi ma jkollhomx effett. Il-membri tal-Kunsill saħqu li l-kontenut għandu jkun ġenwin u maħsub għall-adolexxenti biex jolqot lill-udejnza tiegħu malajr; għandu jkun fih stejjer ta' vera u pariri maħsuba għall-adolexxenti u m'għandux jinħass li ntraqam iżżejjed jew inkiteb mill-adulti.
Fl-aħħar nett, għadd ta' membri tal-Kunsill tkellmu dwar il-ħidmiet marbuta mas-sigurtà u l-benesseri fuq l-internet li bdew iwettqu. Wieħed mill-adolexxenti qed joħloq soft toy li jaħdem bl-IA biex jgħin lill-adolexxenti jsaħħu l-karattru emozzjonali tagħhom u jgħinhom bil-problemi tas-saħħa tal-moħħ. Adolexxent ieħor qed imexxi għaqda mingħajr skop ta' qligħ li taħdem biex teqred il-vjolenza minħabba l-ġens fuq l-internet.
L-avveniment prattiku ssejjes fuq il-ħidma li l-adolexxenti wettqu matul il-programm. Ngħidu aħna:
Il-grupp qasam il-kummenti u l-ħsibijiet tiegħu ma' Snapchat dwar ir-riżorsi u l-għodda tas-sigurtà fosthom Ir-Rapporti Tiegħi u l-programm diġitali interattiv il-ġdid tagħna għall-adolexxenti u l-familji li jismu Iċ-Ċwievet: Gwida għas-Sigurtà Diġitali.
L-adolexxenti kellhom ukoll għadd ta' opportunitajiet biex jitħaddtu dwar is-suġġetti tas-sigurtà ma' udjenzi usa'. Ngħidu aħna, f'Jum l-Internet Iktar Sigur, il-membri tal-Kunsill tellgħu avvenimenti lokali u ħadmu mal-għaqdiet tas-sigurtà biex irawmu t-tagħrif dwar is-suġġetti tas-sigurtà fuq l-internet u kif l-aħjar li wieħed iġib ruħu.
Barra minn hekk, kull membru tal-Kunsill ħoloq riżorsa tas-sigurtà fuq l-internet fuq suġġett għal qalbu. Il-filmat t'hawn taħt huwa wieħed minn dawn ir-riżorsi u jitħaddet dwar l-importanza li wieħed jirrapporta.
Grazzi għall-kisbiet tal-ewwel programm ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka, Snap nediet programmi tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Awstralja. Fir-reġjuni kollha, il-gruppi tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali magħmula minn adolexxenti kreattivi, qalbhom tajba u dedikati li jixtiequ joħolqu internet iktar pożittiv. Nistennew bil-ħerqa li nkunu nistgħu naqsmu magħkom iktar aħbarijiet minn dawn il-gruppi u li nħabbru l-Kunsill tal-Istati Uniti tal-Amerka l-ġdid tagħna għall-2026.
- Viraj Doshi, Kap tas-Sigurtà tal-Pjattaforma