Privacy, Safety, and Policy Hub

Riċerka ġdida ta' Snap: Ġen. Z tibqa' mira għal "sextortion" onlajn, iżda sinjali ta' progress


29 ta' Ottobru, 2024

Matul dawn l-aħħar tliet snin, il-pajsaġġ tar-riskju onlajn ra żieda xokkanti fis-"sextortion" – scams li jqarrqu primarjament b'adoloxxenti u adulti żgħar biex jaqsmu xbihat intimi li malajr jinbidlu f'rikatt. Filwaqt li riċerka ġdida tul l-industrija kollha turi li r-riskji għadhom għaddejjin, hemm sinjali inkoraġġanti li l-isforzi li qed jittieħdu biex ifixklu lill-ħatja u biex jedukaw il-vittmi potenzjali tagħhom qedin jaħdmu. (Snap Inc. ikkummissjonat din ir-riċerka, issa fit-tieni sena tagħha, imma tkopri l-esperjenzi tal-adoloxxenti u adulti żgħar tal-Ġenerazzjoni Ż fuq pjattaformi onlajn ġenerali, mingħajr ma tiffoka speċifikament fuq Snapchat.)

Kważi kwart (23%) 1 tas-6004 żagħżugħ minn 13 sa 24 sena mistħarrga f'sitt pajjiżi 2 fuq il-pjattaformi u servizzi kollha qalu li kienu vittmi ta' "sextortion". Sadanittant, aktar minn nofs (51%) irrappurtaw li ġew manipulati f'ċerti sitwazzjonijiet onlajn jew li ħadu sehem f'imġieba diġitali riskjuża li seta jwassal għal "sextortion". Dawn jinkludu "grooming 3" (37%), li tkun "catfished" (30%), li tiġi hacked (26%) jew li taqsam xbihat intimi onlajn (17%). B'mod importanti, kampanji kontinwi minn numru ta' gruppi edukattivi u li jqajjmu għarfien jidhru li qed jintlaqgħu tajjeb, tant li inqas żagħżagħ "immirati" qed jispiċċaw vittmi ta' dawn l-iskemi.   

Il-"catfishing" onlajn iseħħ meta kriminali taparsi jkunu xi ħadd li mhumhiex biex iħajjru vittma biex taqsam informazzjoni personali jew biex jipproduċu xbihat sesswali. Il-"hacking" normalment jinvolvi persuna li jikkommetti reat biex ikollu aċċess għall-apparati jew il-kontijiet onlajn tal-vittma b'mod mhux awtorizzat biex jisraq ritratti intimi jew informazzjoni personali. Fil-biċċa l-kbira, fiż-żewg xenarji, il-vidjows, ritratti, jew informazzjoni privata oħra miksuba imbagħad jintużaw biex jirrikattaw il-vittma biex taċċedi għat-talbiet ta' min wettaq ir-reat bħala suppost skambju biex ma jirrilaxxawx ix-xbihat kompromettenti lill-familja u ħbieb tal-persuna.  

Il-qsim volontarju ta' xbihat diġitali intimu fost iż-żgħażagħ huwa fil-biċċ l-kbira meqjus bħala esplorazzjoni sesswali fi-seklu 21 u din il-karatterizzazzjoni hija sostnuta mir-riċerka. Madankollu l-prattika tibqa' vettur ewlieni tar-riskju għal "sextortion" u ħsarat potenzjali oħra li jirriżultaw minn rappreżentazzjoni ħażina u falsitajiet. Riżultati riċenti juru li mis-17% ta' dawk li wieġbu li ammettew li jaqsmu jew iqassmu xbihat intimi, 63% qalu li min wettaq ir-reat gidbilhom u 58% irrappurtaw li tilfu l-kontroll fuq il-materjal ladarba ntbagħat. Dawk ta' taħt it-18-il sena li qasmu xbihat intimi kienu partikolarment vulnerabbli: 76% qalu li min wettaq ir-reat gidbilhom u 66% qalu li tilfu l-kontroll fuq ix-xbihat.   

"Adoloxxenti jridu regolamentazzjoni u sistemi ta' rimedju aktar b'saħħithom biex itejbu is-sigurtà tagħhom onlajn," qalet il-Professur Amanda Third, Ko-Direttur taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ u tar-Riċerka Reżiljenti fl-Università ta' Western Sydney, li mexxiet studju simili 4 bi sħab ma' Save the Children, b'finanzjament mit-Tech Coalition. "Iridu li t-tfal u l-adulti jkunu edukati aħjar. U qed jitolbu lill-pjattaformi biex jutilizzaw is-saħħa tal-intelliġenza artifiċjali u kapaċitajiet tekniċi emerġenti oħra biex jiżguraw li l-ispazji diġitali li jiffrekwentaw huma ħielsa minn nies b'intenzjonjiet qarrieqa u ħżiena, kontenut mhux xieraq, u huma mhux biss siguri iżda ideali għalihom."

"Disinn maħsub u adattat għall-età li jista' jappoġġa lit-tfal biex jidentifikaw nies b'intenzjonjiet qarrieqa u ħżiena, li jipprovdi suġġerimenti f'ħin reali dwar kif jirrispondu għal interazzjonijiet mhux xierqa, u jikkonnetjhom ma' informazzjoni ta' kwalità għolja u metodi ta' tfittxija għall-għajnuna huma meħtieġa b'mod urġenti biex jiġġieldu kontra ż-żieda qawwija fl-estorsjoni sesswali onlajn," żiedet tgħid. Prof. Third hija membru wkoll tal-Bord Konsultattiv dwar is-Sigurtà ta' Snap.  

Riżultati ewlenin oħra

  • Kważi nofs (47%) ta' min wieġeb minn Ġen. Z qalu li f'xi punt kienu involuti ma' xbihat intimi: 35% intalbu jaqsmu ritratti jew vidjows sesswali, u 39% qalu li rċevew xbihat.

  • L-involviment ma' xbihat sesswali żdied bl-età ta' Ġen Z. 

    • Fost tfal ta' bejn it-13 u l-15-il sena, bejn wieħed u ieħor kwart minnhom qatt ma ġew mitluba jaqsmu (23%) jew irċevew (26%) xbihat intimi. 13% biss ammettew li qasmuha.

    • Fost iż-żgħażagħ ta' 16 u 17-il sena, dawn il-perċentwali qabżu għal 31% (mitluba) u 35% (riċevuti), filwaqt li 13% biss ammettew li qassmu xbihat sesswali.

    • Il-perċentwali reġgħu għolew fost dawk ta' 18 u 19-il sena u dawk ta' bejn l-20 u l-24 sena, u laħħqu 43% (mitluba) u 49% (riċevuti) fost dan il-grupp ta' l-ogħla età. (Ara l-illustrazzjoni għad-dettalji).

Ir-riċerka hija parti mill-istudju kontinwu ta' Snap dwar il-benessri diġitali - miżura tas-saħħa psikoloġika onlajn ta' Ġen Z. Filwaqt li Snap sponsorjat ir-riċerka, hi tħares lejn il-pjattaformi, is-servizzi u l-apparati kollha, mingħajr ma tiffoka speċifikament fuq Snapchat. Fl-istudju mwettaq mit-3 ta' Ġunju sad-19 ta' Ġunju fl-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, b'kollox 9,007 persuni ħadu sehem, inkluż 3,003 ġenitur ta' adoloxxenti fl-età ta' bejn it-13 u d-19-il sena, li sarulhom mistoqsijiet dwar kif l-adoloxxenti tagħhom huma esposti għar-riskji onlajn. Se nagħmlu s-sejbiet addizzjonali disponibbli bejn dan iż-żmien u Frar, meta se noħorġu r-riżultati sħaħ flimkien mal-Jum internazzjonali għal Internet Aktar Sigur 2025. F'dak iż-żmien, se nħabbru wkoll il-qari tat-Tielet Sena tal-Indiċi tal-Benessri Diġitali ta' Snap.

Qed nagħmlu dawn l-aħħar riżultati ta' analiżi dettaljata dwar is-"sextortion" disponibbli llum biex dan jaħbat mal-parteċipazzjoni tagħna fil-Forum virtwali ta' Diversi Partijiet Ikkonċernati tat-Technology Coalition dwar is-"sextortion" finanzjarja li taffettwa lill-minorenni. Kif spjegat iktar hawn taħt, Snap ilha tiġġieled is-"sextortion" mill-2022. It-twettiq ta' din ir-riċerka bejn diversi pjattaformi hu mod wieħed kif nifhmu aħjar u naħdmu biex nindirizzaw ir-riskji.  

"Riċerka bħal din tixħet dawl importanti fuq it-theddidiet li ż-żgħażagħ iħabbtu wiċċhom magħhom onlajn, imma tenfasizza wkoll is-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn l-industrija, il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili biex jindirizzaw dawn l-isfidi", qal Sean Litton, President u CEO tat-Tech Coalition. "Aħna kburin li għandna lil Snap tippreżenta din ir-riċerka ġdida fil-Forum Globali ta' Diversi Partijiet Ikkonċernati tat-Tech Coalition dwar is-Sextortion Finanzjarja. Billi nsaħħu l-għarfien u nieħdu azzjoni kollettiva, nistgħu noħolqu spazji diġitali aktar siguri għat-tfal madwar id-dinja kollha.” 

X'jitolbu l-awturi tar-reati u x'azzjonijiet jieħdu l-vittmi 

Minn dawk l-adoloxxenti u l-adulti żgħażagħ tal-Ġenerazzjoni Z li sfaw vittmi tas-sextortion (23%), ir-ritratti / filmati sesswali u l-flus kienu l-aktar żewġ affarijiet mitluba mill-awturi tal-estorsjonijiet, bi kważi nofshom li ħolqu pressjoni għal aktar xbihat sesswali, aktar flus, jew gift cards. B'konsistenza ma' dak li nstab is-sena l-oħra, domandi oħrajn kienu jinkludu x-xewqa tal-awturi tar-reati li jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-vittma (39%), ir-rieda tal-awturi tar-reati li jkollhom relazzjonijiet sesswali mal-vittma (39%), domanda ta' aċċess għal informazzjoni personali (36%) jew għall-kontijiet tal-vittma (35%), u domanda għall-aċċess għall-ħbieb u għal-listi ta' kuntatt tal-vittma (25%). Fi kważi terz tal-każijiet, l-awtur tar-reat hedded li jxerred ix-xbihat mal-familja u l-ħbieb tal-vittmi u, fi kważi terz ieħor, l-awturi tar-reati heddew li jxerrdu l-informazzjoni personali b'mod aktar mifrux. Fil-każijiet kollha, id-domandi li saru lil adoloxxenti ta' età minorenni kienu ogħla minn dawk li saru lil adulti żgħażagħ tal-Ġen. Z.  (Ara l-illustrazzjoni għad-dettalji).  

Bħala aħbarijiet tajbin, ammont sostanzjali li laħħaq mal-85% tal-vittmi qalu li ħadu xi forma ta' azzjoni bħala reazzjoni għas-sextortion, jiġifieri żieda mis-56% 5 tas-sena l-oħra. L-azzjonijiet netti fuq skala kbira inkludew it-talba tal-għajnuna (70%) mingħand ġenitur, persuna adoloxxenti, jew persuna adulta fdata oħra; ir-rapportar tal-inċident (67%); it-teħid ta' azzjonijiet protettivi oħra (64%) bħall-imblukkar tal-awtur tar-reat - l-aktar azzjoni komuni bil-bosta; l-aġġornar tal-miżuri tas-sigurtà fil-kontijiet, u saħansitra l-għeluq tal-kontijiet. Xorta waħda, 18% qalu li ma tkellmu ma' ħadd dwar l-inċident jew m'għamlu xejn (8%),    

Billi aħna ta' Snap qed infittxu li ndawru r-rotta f'dak li għandu x'jaqsam mar-rappurtar u nkomplu nħeġġu l-interazzjonijiet rispettabbli fost l-adoloxxenti, iż-żgħażagħ adulti u l-membri kollha tal-komunità tagħna, aħna ninsabu ferm interessati f'dejta li tirrelata mal-vittmi li għamlu rapport lill-pjattaformi u lill-infurzar tal-liġi. L-aħħar studju tagħna juri li 36% ta' dawk tal-Ġenerazzjoni Z għamlu rapport lill-pjattaforma rilevanti, filwaqt li 30% għamlu rapport lil hotline jew helpline, u 27% ikkuntattjaw lill-infurzar tal-liġi. Dawn il-perċentwali kollha relatati mar-rapportar żdiedu meta mqabbla mal-2023.  

L-impenn kontinwu ta' Snap

Snap ilha tiġġieled kontra s-"sextortion" fuq il-pjattaforma tagħna għal kważi sentejn. Dejjem għamilna għodod essenzjali għall-imblukkar u r-rapportar disponibbli. Is-sena l-oħra, żidna raġuni għar-rapportar dedikata għas-"sextortion", kif ukoll riżorsi ġodda fl-app għall-ħolqien ta' għarfien u għall-edukar dwar is-suġġett. Din is-sena, segwejna bi twissijiet aġġornati fl-app biex navżaw lill-adoloxxenti u lill-adulti żgħażagħ dwar talbiet ta' ħbiberija li huma possibilment suspettużi. Inżidu funzjonalitajiet ġodda ta' spiss fil-medda ta' għodod tagħna ta' superviżjoni għall-ġenituri, iċ-Ċentru tal-Familja, li hi mfassla biex tinkoraġġixxi konverżazzjonijiet bejn adoloxxenti, ġenituri, kustodji u adulti fdati oħra dwar kif wieħed jista' jżomm ruħu sigur fuq Snapchat u onlajn b'mod ġenerali. 

Kummenti u ħsibijiet informali jindikaw li ż-żgħażagħ huma aktar konxji tar-riskju tas-sextortion u li t-twissijiet tagħna fl-app qed jgħinu. "Li wieħed jieqaf u jaħseb għal mument jista' jagħmel differenza kbira," iddikjara mexxej ta' NGO Ewropea minnhom, hu u jikkwota persuna adoloxxenti. 

L-eliminazzjoni tar-riskju tas-"sextortion" qabel ma jkun għadu tnissel tibqa' l-objettiv primarju tagħna, imma dawn huma kwistjonijiet li jinvolvu s-soċjetà sħiħa u li jeħtieġu involviment attiv minn medda ta' partijiet ikkonċernati u setturi –  il-pjattaformi tat-teknoloġija u s-servizzi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-ġenituri, il-kustodji, l-edukaturi u ż-żgħażagħ infushom. Napprezzaw il-kollaborazzjoni u l-involviment kontinwi mit-Tech Coalition u l-membri tagħha, in-National Center for Missing and Exploited Children, Thorn, il-membri tal-Bord Konsultattiv dwar is-Sigurezza tagħna, u oħrajn, u nittamaw li din l-iktar verżjoni riċenti tar-riċerka bejn diversi pjattaformi tipprovdi għarfien ġdid għal ħafna. Ħerqanin għal iktar opportunitajiet għal riċerka, tagħlim u investiment, hekk kif aħna lkoll infittxu li nħarsu lin-nies mis-"sextortion" u minn riskji onlajn potenzjali oħrajn. 

Lura għall-Aħbarijiet

1
2
3
4
5
1
2
3
4
5