25 ta' April 2024
25 ta' April 2024
Biex nagħtu ħarsa iktar fil-fond lejn il-ħidma għas-sigurtà u x-xorta u l-għadd ta' kontenut irrappurtat fuq il-pjattaforma ta' Snap, noħorġu dar-rapport tat-trasparenza darbtejn fis-sena. Aħna impenjati li nkomplu nagħtu iktar dettalji u informazzjoni dwar is-sigurtà u l-benesseri lill-komunità tagħna u lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu iktar dwar kif ngħarblu l-kontenut u nwettqu l-politiki tagħna.
Dar-Rapport tat-Trasparenza jiġbor fih l-informazzjoni dwar it-tieni nofs tas-sena 2023 (bejn l-1 ta' Lulju u l-31 ta' Diċembru). Kif għamilna fir-rapporti kollha ta' qabel, f'dar-rapport qsamna d-dejta dwar l-għadd ta' rapporti li daħlulna mill-app dwar il-kontenut u l-kontijiet li kellna nagħmlu xi ħaġa dwarhom u taħt liema kategorija ta' ksur ta' politika kienu jaqgħu; x'kienet it-tweġiba tagħna għat-talbiet mill-forzi tal-ordni u tal-gvernijiet; u l-għemil li wettaqna maqsum pajjiż b'pajjiż.
Din id-darba żidna wkoll xi dettalji ġodda b'rabta mat-titjib li dejjem qed nagħmlu fir-rapporti tat-trasparenza tagħna.
L-ewwel nett, espandejna t-tabella ewlenija tagħna biex ninkludu d-dettalji tar-rapporti li daħlulna dwar it-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti u l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal (CSEA) u x'għamilna dwarhom. Fir-rapporti ta' qabel, aħna konna tkellimna dwar il-kontijiet li ħassarna b'rabta ma' dax-xorta ta' ksur f'taqsimiet oħra. Se nkomplu nagħtu informazzjoni dwar l-għemil li wettaqna b'mod proattiv u dak li wettaqna wara li jidħlilna rapport b'rabta mal-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal, kif ukoll ir-rapporti li għaddejna lin-NCMEC, f'taqsima separata.
It-tieni nett tajna iktar tagħrif dwar l-appelli, fosthom l-għadd ta' appelli li daħlulna u l-kontenut li erġajna tellajna fuq il-pjattaforma b'rabta mat-twettiq tar-Regoli tal-Komunità tagħna.
Fl-aħħar nett, espandejna t-taqsima tal-Unjoni Ewropea tagħna biex nagħtu ħarsa iktar fil-fond dwar l-għemil li Snap qed tagħmel ġewwa l-UE. Speċifikament, qed noħorġu r-Rapport tat-Trasparenza l-iktar riċenti tagħna kif mitlub mill-ASD u l-kejl marbut mat-tiftix tal-kontenut tal-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal.
Għal iktar informazzjoni dwar il-politiki tagħna għall-ġlieda kontra l-ħsarat fuq l-internet u l-ħsibijiet tagħna ta' kif inkomplu ntejbu r-rapporti tagħna, jekk jogħġbok aqra l-artiklu li tellajna dal-aħħar fuq il-blogg tas-Sigurtà u l-Impatt dwar dar-Rapport tat-Trasparenza. Għal iktar riżorsi dwar is-sigurtà u l-privatezza fuq Snapchat, ara t-tabDwar ir-Rapporti tat-Trasparenza li hemm f'qiegħ il-paġna.
Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li tista' ssib l-iġded verżjoni ta' dar-Rapport tat-Trasparenza fil-verżjoni reġjonali en-US tas-sit tagħna.
Ħarsa Ġenerali lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Kisru l-Politiki Tagħna
Bejn l-1 ta' Lulju 2023 u l-31 ta' Diċembru 2023, Snap neħħiet 5,376,714 biċċa kontenut minn madwar id-dinja li daħlulna rapport dwarhom u sibna li kienu qed jiksru r-Regoli tal-Komunità tagħna.
Matul daż-żmien li qed nirrappurtaw dwaru, sibna li r-Rata tal-Ksur għal Kull Dehra kienet ta 0.01%, li jfisser li għal kull 10,000 Snap u Storja li ntwerew fuq Snapchat, waħda minnhom kellha xi kontenut li sibna li jikser il-politiki tagħna. Il-ħin medjan biex inneħħu kontenut rrapport dwaru kien ta' madwar 10 minuti.
Ħarsa lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Kisru l-Politiki Tagħna
L-għadd ta' rapporti u kontenut u kontijiet imneħħija ġeneralment baqa' fl-istess ilma bħas-sitt xhur ta' qabel. Did-darba rajna żieda ta' madwar 10% fl-għadd ta' rapporti dwar il-kontenut u l-kontijiet.
Il-kunflitt bejn Iżrael u l-Ħamas beda matul daż-żmien u għalhekk rajna żieda fil-kontenut li jikser il-politiki tagħna. L-għadd totali ta' rapporti marbuta ma' kliem ta' mibegħda żied b'madwar 61%, waqt li t-total ta' kontenut ta' kliem ta' mibegħda li tneħħa żdied b'madwar 97% u l-għadd ta' kontijiet uniċi li tneħħew żdied b'madwar 124%. Ir-rapporti u t-tneħħija tal-kontenut u l-kontijiet marbuta mat-Terroriżmu u l-Estremiżmu vjolenti żdiedu wkoll, għalkemm dan hu inqas minn 0.1% tal-kontenut u kontijiet totali mneħħija mill-pjattaforma tagħna. It-timijiet tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna jkomplu jżommu għajnejhom miftuħa hekk kif kunflitti madwar id-dinja jiżdiedu biex jgħinu jżommu l-pjattaforma ta' Snapchat sigura. Aħna espandejna wkoll ir-rapport tat-trasparenza tagħna biex ninkludu iktar informazzjoni ġenerali, kif ukoll informazzjoni maqsuma pajjiż b'pajjiż dwar l-għadd totali ta' rapporti u kontenut u kontijiet li neħħejna minħabba l-ksur tal-politika dwar it-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti tagħna.

























