Regoli tal-Komunità
L-aħħar aġġornament: Jannar tal-2024

Aħna ta' Snap nagħtu sehemna biex ngħinu lin-nies jesprimu ruħhom, igawdu l-ħajja, isiru jafu iktar dwar id-dinja u jieħdu gost flimkien. Ħloqna dar-Regoli tal-Komunità biex, filwaqt li jgħinuna aħna u nippruvaw ngħinu lin-nies jesprimu ruħhom kif l-aħjar iħossu, nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-iSnapchatters li jużaw is-servizzi tagħna ta' kuljum ikunu mħarsa. Nixtiequ dawn ir-Regoli jkunu ċari u ħfief biex jinftiehmu mill-membri kollha tal-komunità tagħna. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li biex tingħaqad mal-komunità tagħna jeħtieġ li tkun għalaqt it-13-il sena. 

Dawn il-Linji Gwida jgħoddu għall-kontenut kollu (li jiġbor fih kull forma ta' komunikazzjoni bħal kitba, stampi, IA ġenerattiva, links jew hemżiet, emojis, Lentijiet u għodod kreattivi oħra) jew l-imġibiet kollha fuq Snapchat — u għall-iSnapchatters kollha. Aħna noqogħdu b'seba' għajnejn għall-kontenut u l-imġiba li jistgħu jkunu ta' riskju ta' ħsara kbira għall-iSnapchatters, u għandna l-jedd li nieħdu azzjoni permanenti b'mod immedjat kontra l-utenti li joħolqu tali kontenut jew iġibu ruħhom hekk. Tista' taqra iktar informazzjoni dwar dak li nifhmu bi ħsara serja u l-konsegwenzi ta' dix-xorta ta' mġiba minn hawn

Snap toffri l-karatteristiċi tal-IA ġenerattiva permezz tas-servizzi tagħha. Aħna nimplimentaw sistema ta' ħarsien bil-ħsieb li l-kontenut tal-IA ġenerattiva ma jmurx kontra r-Regoli tal-Komunità, u għalhekk nistennew li l-iSnapchatters jużaw l-IA b'mod responsabbli. Għandna l-jedd li nieħdu azzjonijiet xierqa kontra kontijiet li jużaw l-IA biex jiksru r-Regoli tal-Komunità tagħna, sa u jinkludi l-possibbiltà tat-terminazzjoni tal-kont.

Ir-riklamaturi u l-imsieħba fil-qasam tal-midja li jużaw Sejjieba għandhom jimxu ma' iktar regoli, fosthom il-ħtieġa li l-kontenut tagħhom ikun preċiż, u jekk ikun il-każ, il-fatti jkunu ċċekkjati. L-iżviluppaturi għandhom ukoll iktar regoli li jgħoddu għalihom.

Tajna deskrizzjoni ġenerali hawnhekk u fit-Termini tas-Servizz tagħna dwar regoli marbuta ma' kontenut li ma jistax jittella' fuq Snapchat u qed naħdmu biex niżguraw li dawn ir-regoli jiġu dejjem imwettqa. Aħna u nwettqu dawn ir-regoli, inqisu x-xorta tal-kontenut, fosthom jekk il-kontenut hux xi forma ta' aħbar, jekk hux imsejjes fuq fatti u jekk hux kontenut li għandu x'jaqsam ma' xi suġġett politiku, soċjali, jew xi tħassib ġenerali ieħor li l-komunità tagħna mħassba dwaru. Hawn tista' ssib iktar dettalji dwar kif nimmoderaw il-kontenut u ninfurzaw il-politiki tagħna. F'kull waħda mit-taqsimiet t'hawn taħt tista' ssib links b'iktar dettalji dwar ir-Regoli tal-Komunità tagħna.

Irridu li Snapchat tkun esperjenza sigura u pożittiva għal kulħadd. Għandna l-jedd li, minn rajna, nagħżlu liema mġiba jew kontenut jiksru r-regoli tagħna.

Kontenut Sesswali

  • Ma naċċettaw l-ebda għemil marbut mal-isfruttament sesswali jew mal-abbuż ta' xi ħadd taħt l-età, fosthom il-qsim ta' stampi marbuta mal-isfruttament jew mal-abbuż tat-tfal, it-trawwim jew l-estorjsoni sesswali (sextortion) jew is-sesswalizzazzjoni tat-tfal. Aħna nirrappurtaw kull każ ta' sfruttament tat-tfal li niltaqgħu miegħu lill-awtoritajiet, anki lil min jipprova jwettaq dax-xorta ta' għemil. Qatt m'għandek tippubblika, tissejvja, tibgħat, tgħaddi, ixxerred jew titlob kontenut sesswalment espliċitu jew ta' nudità mingħand nies taħt it-18-il sena (u lanqas ma tista' tibgħat jew tissejvja dax-xorta ta' stampi tiegħek innifsek). 

  • La naċċettaw riklami, tixrid jew qsim ta' kontenut pornografiku u lanqas għemil kummerċjali marbut mal-pornografija jew mal-imġiba sesswali (kemm fuq l-internet kif ukoll jekk le). 

  • Bħala regola ġenerali, il-kontenut marbut mat-treddigħ jew għera f'kuntesti mhux sesswali jista' jittella' fuq il-pjattaforma tagħna.

  • Hawn tista' ssib iktar regoli dwar l-imġiba marbuta mas-sesswalità u dwar il-kontenut li jikser ir-Regoli tal-Komunità tagħna

Fastidju u Bullying

  • Ma naċċettaw l-ebda tip ta' bullying u fastidju. Dan ifisser li ma naċċettaw l-ebda forma ta' fastidju sesswali, fosthom li tibgħat stampi sesswalment espliċiti, senswali jew nudità mhux mixtieqa. Jekk xi ħadd jimblukkak, ma tistax tipprova tikkuntattjah minn kont ta' Snapchat ieħor.

  • Ma tistax taqsam ritratti ta' persuna fi spazji privati — bħal ngħidu aħna, kamra tal-banju, kamra tas-sodda, kamra għat-tibdil tal-ilbies jew f'post għall-kura tas-saħħa — jekk dik il-persuna ma tkunx taf b'dan u qatt ma tat il-kunsens tagħha, u lanqas ma tista taqsam informazzjoni privata dwar persuni oħra mingħajr ma jkunu jafu f'dan u mingħajr il-kunsens tagħhom jew bl-iskop li tagħti fastidju (bħal, ngħidu aħna, “doxxing”).

  • Jekk xi persuna oħra tidher fi Snap tiegħek u dil-persuna titolbok tneħħi dik l-iSnap, jekk jogħġbok neħħiha! Irrispetta d-drittijiet tal-privatezza tal-oħrajn. 

  • Barra minn dan, jekk jogħġbok tagħtix fastidju lil xi Snapchatter ieħor billi tabbuża l-proċess tar-rapporti tagħna, bħal, ngħidu aħna, li tieħu deċiżjoni apposta biex tirrapporta kontenut li ma jiksirx ir-regoli tagħna). 

  • Hawn tista' ssib iktar informazzjoni fuq kif il-bullying u atti ta' fastidju jmorru kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna.

Theddid, Vjolenza u Ħsara

  • Ma tistax tħeġġeġ jew twettaq għemil vjolenti jew perikoluż. Qatt m'għandek tipprova tbeżża' jew thedded lil xi persuna, lil grupp ta' nies jew lill-propjetà tagħhom li se tagħmlilhom xi ħsara.

  • Ma tistax ittella' Snaps ta' vjolenza esaġerata jew brutali, fosthom abbuż fuq l-annimali.

  • Ma naċċettawx Snaps li jfaħħru lil dawk li qed jagħmlu ħsara lilhom infushom, fosthom Snaps li jħeġġu lill-utenti jweġġgħu lilhom infushom, jikkommettu suwiċidju jew li jfaħħru problemi psikoloġiċi li jikkawżaw imġieba problematika relatati ma' l-ikel.

  • Hawn tista' ssib iktar dettalji dwar it-theddid, il-vjolenza u l-ħsara li jmorru kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna.

Informazzjoni Qarrieqa jew Falza li Tagħmel il-Ħsara

  • Ma naċċettawx kontenut li jxerred informazzjoni falza li tagħmel il-ħsara jew li hi qarrieqa bħal, ngħidu aħna, iċ-ċaħda li avvenimenti traġiċi qatt seħħew, stqarrijiet dwar is-saħħa u l-mediċina mingħajr provi, kontenut li jxekkel l-integrità ta' proċessi ċiviċi jew manipulazzjoni tal-kontenut għal għanijiet qarrieqa jew giddieba (kemm permezz ta' AI ġenerattiv, kif ukoll b'kitba li ġiet modifikata b'mod qarrieqi).

  • Ma naċċettawx li tagħmilha tabirruħek li int xi ħadd (jew xi ħaġa) li m'intix, jew li tipprova tqarraq bin-nies dwar l-identità tiegħek. Dan ifisser li ma tistax tagħmilha tabirruħek li int xi ħadd minn sħabek, xi persuna famuża, xi persuna magħrufa sew fil-ħajja pubblika, xi ditta jew nies jew għaqdiet oħra għal għanijiet mhux satiriċi li jagħmlu l-ħsara.

  • Ma naċċettawx li l-pjattaforma tagħna tintuża għall-ispam, fosthom kontenut sponsorjat jew li ġie mħallas b'ammont ta' flus mhux magħruf, li tħallas biex tixtri s-segwaċi, li tmexxi xi skema biex tikseb iktar segwaċi, li tirreklama apps mhux mixtieqa jew li tirriklami skemi ta' tiswiq multilevel jew skemi piramida.

  • Ma naċċettawx frodi u metodi qarrieqa oħra, fosthom ir-reklamar ta' ħwejjeġ jew servizzi foloz jew skemi biex tagħmel ammont kbir ta' flus malajr mingħajr investiment jew fuq investiment żgħir, jew li timita lil Snapchat jew Snap Inc.

  • Hawn tista' ssib gwida b'iktar dettalji dwar kontenut falz li jagħmel il-ħsara jew li hu qarrieqi li jmur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna.

Attivitajiet Illegali jew Irregolati

  • Tużax Snapchat biex tibgħat jew tippubblika kontenut li jikser il-liġi fil-ġurisdizzjoni tiegħek jew biex twettaq xi attività illegali. Dan ifisser li ma tistax tirreklama, tiffaċilita jew tieħu sehem f'attività kriminali bħal, tixtri, tbigħ, tpartat jew tgħin tirriklama sustanzi illegali jew li ma jistgħux jinbiegħu fuq l-idejn, kutrabandu (bħal stampi li juru sfruttament jew abbuż sesswali tat-tfal), armi u oġġetti jew dokumenti foloz. Dan ukoll jinkludi li tirriklama jew tgħin biex iseħħ xi forma ta' sfruttament li jinkludu t-traffikar sesswali, traffikar għax-xogħol jew xi traffikar tal-bnedmin.

  • Ma tistax tuża l-pjattaforma tagħna għal reklamar illegali ta' oġġetti jew industriji ji Jeħtieġu liċenzja, inkluż reklamar li mhux awtorizzat għall-logħob tal-azzard, prodotti tat-tabakk jew tas-sigaretti elettroniċi u alkoħol.

  • Hawn tista' ssib gwida b'iktar dettalji dwar għemil illegali u għemil li jeħtieġ liċenzja li ma naċċettawx u li jmur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna.

Kontenut ta' Mibegħda, Terroriżmu u Estremiżmu Vjolenti

  • Għaqdiet terroristiċi, estremisti vjolenti u gruppi li jxerrdu l-mibegħda ma jistgħux jużaw il-pjattaforma tagħna. Ma naċċettaw l-ebda xorta ta' kontenut li jiddefendi jew iħeġġeġ it-terroriżmu jew l-estremiżmu vjolenti.

  • Ma naċċettaw l-ebda kontenut ta' mibegħda jew kontenut li jwaqqgħa d-dinjita tal-bniedem, li jimmalafama jew li jħeġġeġ vjolenza jew diskriminazzjoni fuq bażi ta' razza, lewn tal-ġilda, kasta, etniċità, nazzjonalità, reliġjon, xaqlib sesswali, ġens, identità tal-ġens, diżabbiltà, status ta' persuna li serva għal-tul ta' żmien fil-forzi armati, status ta' immigrazzjoni, l-istatus soċjoekonomiku, età, piż jew tqala.

  • Hawn tista' ssib gwida b'iktar dettalji dwar kontenut ta' mibegħda, terroriżmu u estremiżmu vjolenti li jmur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna.


Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li dejjem tista' tressaq rapport mat-tim tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna billi tuża l-faċilitajiet għar-rapporti fl-app jew billi timla dil-formola (fejn tista' tirrapporta kull tħassib, kemm jekk għandek kont ta’ Snapchat u anke jekk le). Aħna nqisu dar-rapporti biex nifhmu jekk kienx hemm xi ksur ta' dawn ir-Regoli. Jekk tikser dawn ir-Regoli tal-Komunità, aħna nistgħu nneħħu l-kontenut li jkun qed jikser ir-regoil, nitterminaw jew ma nillimitaw il-viżibilità tal-kont tiegħek, u/jew ninfurmaw lill-infurzar tal-liġi. Aħna wkoll ngħaddu l-informazzjoni lill-infurzar tal-liġi meta l-attività tkun waħda ta' theddida imminenti għall-ħajja tal-bniedem. Jekk il-kont tiegħek jingħalaq għax tkun ksirt dawn ir-Regoli, ma tistax terġa' tuża Snapchat jew tipprova b'xi mod iddur mal-għeluq tal-kont tiegħek.

Snap tirriserva d-dritt li tneħħi jew tissospendi l-aċċess għall-kont tal-utenti fejn għandna raġuni li nemmnu, kif jidhrilna aħna, li huma ta' ħsara għall-oħrajn, kemm fuq Snapchat kif ukoll barra minn Snapchat. Dawn jinkludu l-mexxejja ta' gruppi tal-mibegħda jew għaqdiet terroristiċi, nies magħrufa li jkebbsu l-vjolenza jew li jwettqu ħsarat kbar lil ħaddieħor, jew li jġibu ruħhom b'mod li nemmnu li hu ta' theddida għall-ħajja tal-bniedem. Aħna u nqisu dix-xorta ta' mġiba nistgħu nqisu xi jgħidu sorsi oħra bħala gwida, bħal, l-esperti fis-suġġett jew l-infurzar tal-liġi.

Jekk jogħġbok, żur iċ-Ċentru tas-Sigurtà tagħna għal iktar informazzjoni dwar is-sigurtà fuq Snapchat. Hemm tista' ssib istruzzjonijiet dettaljati fuq kif tieħu ħsieb l-esperjenza tiegħek fuq Snapchat, fosthom kif tibdel l-għażliet tal-privatezza tiegħek, tagħżel min jista' jara l-kontenut li ttella' u kif timblokka utenti oħra.