Snaps u Taħditiet

L-istess bħal meta titħaddet ma' xi ħadd wiċċ imb wiċċ jew waqt telefonata, meta titħaddet bl-iSnaps jew b'Taħditiet tista' taqsam dak li għandek f'moħħok dak il-ħin — mingħajr ma awtomatikament iżżomm kopja permanenti ta' kulma tkun għedt.

Żomm f'moħħok li jekk tixtieq, xorta tista' tagħżel li tissejvja Snap qabel tibgħatha. Min jirċeviha dejjem jista' jieħu ritratt tal-iskrin. Tista' wkoll tissejvja messaġġ f'Taħditiet — kemm tagħfas fuqu. Snapchat tagħmilhielek eħfef li tissejvja dak li hu importanti mingħajr ma tgħabbik bil-bqija.

Il-proċess taż-żamma tal-iSnaps tfassal mill-bidu nett biex iħares il-privatezza. Tista' tagħżel jekk l-iSnaps tiegħek jistgħux jintrefgħu fuq Snapchat. Biex Snap tkun tista' tintrefa', kemm tagħżel li l-iSnap ma tiskadi qatt. Dejjem tista' tħassar kull messaġ li bgħatt, anki dawk l-iSnaps li erfajt f'Taħditiet. Kemm tagħfas u żżomm subgħajk fuqu biex ma jibqax merfugħ. Meta tissejvja Snap, jew qabel jew wara li tibgħatha, tista' tibda tagħmel parti mill-Memorji tiegħek. Meta xi ħabib(a) tiegħek jissejvja/tissejvja Snap, tista' ssir parti mill-Memorji tagħhom. Biex tikseb informazzjoni iktar dettaljata dwar Memorji, agħti titwila lejn it-taqsima Memorji t'hawn.

Dejjem tista' tuża t-Taħditiet bil-Leħen u bil-Vidjo biex tikkomunika ma' Sħabek. Jekk tixtieq tħallilhom biss messaġġ bil-leħen, tista' tagħmel hekk ukoll — kemm tagħfas u żżomm l-ikona tal-mikrofonu biex tirreġistra Messaġġ bil-Leħen. L-iSnapchatters jistgħu wkoll jużaw il-faċilità tat-Traskrizzjoni tal-Messaġġi bil-Leħen biex niktbu dak li jkun qed jingħad waqt it-Taħditiet bil-Leħen ħalli jkunu jistgħu jinqraw.

L-iSnaps u t-Taħditiet bejnek u bejn sħabek huma privata u bħala regola standard jitħassru — anki t-Taħditiet bil-Leħen u bil-Vidjo — u dan ifisser li ma niċċekkjawx xi jkun intqal biex nippersonalizzaw l-esperjenza tagħna, biex nagħtuk xi suġġerimenti jew biex nuruk ir-riklami. Dan ifisser ukoll li ma nafux fuqiex qed titħaddet jew tibgħat bħala Snaps, ħlief b'ċerti eċċezzjonijiet marbuta mas-sigurtà (bħal, ngħidu aħna, meta jidħlilna xi rapport li l-kontenut jikser ir-Regoli tal-Komunità tagħna jew biex inżommu lill-ispammers milli jibagħtulek programmi jew kontenut ieħor li jagħmel il-ħsara) jew sakemm ma titlobniex nifhmu x'qed jingħad (bħal, ngħidu aħna, meta tuża l-faċilità tat-Traskrizzjoni tat-Taħditiet bil-Leħen).

Snapchat għall-Internet

Snapchat għall-Internet iħallik tuża Snapchat mill-kompjuter tiegħek bl-istess esperjenza ta` meta tuża l-app ta` Snapchat. L-ewwel jeħtieġlek tidħol fil-kont ta' Snapchat tiegħek. Wara li tidħol nafu nibagħtu notifikazzjoni lill-app ta' Snapchat tiegħek biex niżguraw li m'hemm ħadd ieħor li qed jipprova jidħol fil-kont tiegħek.

Kif tidħol fil-kont tiegħek għandek issib li Snapchat għall-Internet jixbah ħafna lill-app ta' Snapchat, b'xi differenzi żgħar li għandek tkun taf dwarhom. Jekk, ngħidu aħna, qed iċċempel lil xi ħadd minn Snapchat għall-Iinternet, mhux se tkun tista' tuża l-Lentijiet jew l-għodod kreattivi kollha. Se nkunu qed nagħmlu iktar bidliet fi Snapchat għall-Internet u għalhekk nistednuk taqra r-riżorsi t'hawn taħt biex issir taf iktar!

My AI

My AI huwa robot tat-taħdit mibni fuq it-teknoloġija tal-IA ġenerattiv u ġie mfassal biex ikun sigur. Tista' titħaddet ma' My AI direttament jew issejjaħlu f'taħdita billi tuża s-simbolu @ u ssemmi lil My AI. L-IA ġenerattiv hija teknoloġija ġdida li tista' tagħtik tweġibiet preġudikati, ħżiena, li jagħmlu ħsara jew qarrieqa u għalhekk qatt m'għandek toqgħod fuq il-pariri li jagħtik. M'għandekx lanqas taqsam xi informazzjoni sigrieta jew privata għax jekk tagħmel hekk, din l-informazzjoni se tintuża minn My AI.

It-taħditiet tiegħek ma' My AI mhux l-istess bħat-Taħditiet u l-iSnaps ma' Sħabek — aħna nżommu l-kontenut li tibgħat u tikseb mingħand My AI (bħal, ngħidu aħna, l-iSnaps u t-Taħditiet) sakemm tħassar il-kontenut mill-app jew tħassar il-kont tiegħek. Meta titħaddet ma' My AI, aħna nużaw il-kontenut li taqsam u l-post fejn tinsab (jekk għażilt li taqsam il-post fejn tinsab ma' Snapchat) biex intejbu s-servizzi ta' Snap, fosthom biex intejbu s-sigurtà ta' My AI u biex nagħtuk esperjenza iktar personalizzata, anki fejn jidħlu r-riklami.

My AI tista' wkoll issemmi l-post fejn tinsab jew il-bijografija li tkun għażilt għal My AI fit-tweġibiet tagħha (fosthom fit-taħditiet fejn issemmi lil My AI bis-simbolu @).

Jekk għadek m'għalaqtx it-18-il sena, adult li tafda — bħal, ngħidu aħna, il-ġenitur jew il-gwardjan legali tiegħek — jista' juża ċ-Ċentru tal-Familja biex jara jekk tħadditx ma' My AI u jitfilek jew jixgħellek l-aċċess għal My AI. L-adulti fdati ma jistgħux jaqraw il-kontenut ta` xi jkun qed jingħad bejnek u bejn My AI.

Biex nagħtuk is-servizz ta' My AI, naqsmu l-informazzjoni tiegħek mal-operaturi tas-servizzi u l-imsieħba tar-riklami tagħna.

Aħna l-ħin kollu naħdmu biex intejbu My AI. Jekk xi tweġiba mingħand My AI ma togħġbokx, jekk jogħġbok għarrafna.

Biex issir taf iktar, aqra r-riżorsi t'hawn taħt!

Stejjer

Hemm iktar minn xorta ta' Story waħda fuq Snapchat u għalhekk tista' taqsam ħajtek mal-udjenza li tagħżel int. Bħalissa għandna dawn ix-xorta ta' Stejjer:

  • Story Privata. Jekk tixtieq taqsam Story ma' xi wħud minn Sħabek biss, tista' tagħżel Story Privata.

  • Story għall-Ħbieb tal-Qalb. Jekk tixtieq taqsam l-iStory tiegħek mal-Ħbieb tal-Qalb biss, agħżel Story għall-Ħbieb tal-Qalb.

  • L-Istorja Tiegħi - Sħabek. L-Istorja Tiegħi Sħabek tgħinek taqsam Storja ma' Sħabek kollha. Żomm f'moħħok li jekk mill-Għażliet tagħżel li l-Istorja Tiegħek Sħabek tista' tinfetaħ minn ‘Kulħadd’, l-Istorja Tiegħek titqies pubblika u kulħadd ikun jista' jiftaħha.

  • Stejjer Maqsuma. L-Istejjer Maqsuma huma stejjer bejnek u grupp ta' Snapchatters oħra.

  • Stejjer tal-Komunità. Jekk tagħmel parti minn xi Komunità ta' Snapchat, tista' tibgħat il-kontenut lill-Istorja tal-Komunità. Il-kontenut jitqies pubbliku u jista' jinfetaħ mill-membri tal-komunità.

  • L-Istorja Tiegħi - Pubblika. Jekk tixtieq l-istorja tiegħek tkun pubblika u tilħaq udjenza ikbar, ibgħat l-Istorja tiegħek lill-Istorja Tiegħi Pubblika u tista' tintwera fi mkejjen oħra tal-app, bħal Sejjieba.

  • Mappa ta' Snap. L-Istejjer mibgħuta lill-Mappa ta' Snap huma pubbliċi u jistgħu jintwerew fuq il-Mappa ta' Snap u barra l-pjattaforma ta' Snapchat.

Sakemm ma tibdilx l-għażliet, ma terfax l-Istorja fil-Profil Pubbliku tiegħek jew xi ħadd minn Sħabek ma jerfagħhiex f'Taħdita, il-biċċa l-kbira tal-Istejjer jitħassru wara 24 siegħa. Wara li tkun tellajt Storja, Sħabek u Snapchatters oħra se jkunu jistgħu jiftħuhom u jużawhom. Ngħidu aħna, jistgħu jużaw l-istess Lenti li tkun użajt, jużaw l-iSnap għal Snap oħra jew jaqsmuha ma' sħabek u ma' nies oħra.

Żomm f'moħħok: kulħadd jista' jieħu ritratt tal-iskrin jew jirreġistra l-iskrin waqt li tkun qed tintwera Storja!

Profili

Il-Profili jagħmluha eħfef li ssib l-informazzjoni u l-faċilitajiet ta' Snapchat li tixtieq. Hemm ħafna xorta ta' Profili fuq Snapchat fosthom Il-Profil Tiegħi, il-Profili tal-Ħbiberija, il-Profili tal-Gruppi u l-Profili Pubbliċi.

Il-Profil Tiegħi juri d-dettalji ta' Snapchat tiegħek bħal, ngħidu aħna, il-Bitmoji tiegħek, il-post fejn tinsab fuq il-Mappa, id-dettalji ta' sħabek u iktar. Il-Profil tal-Ħbiberija huwa profil speċjali għal kull ħbiberija u huwa fejn tista' ssib l-iSnaps u t-Taħditiet li rfajt, id-dettalji ta' Snapchat tal-ħabib tiegħek bħal, ngħidu aħna, il-Bitmoji tiegħu u l-post fejn jinsab fuq il-Mappa (jekk qed jaqsam dak il-post miegħek) u fejn tista' tieħu ħsieb il-ħbiberija kif ukoll tirrapporta, timblokka jew tneħħi dak il-ħabib. Il-Profili tal-Gruppi juru l-iSnaps u t-Taħditiet li rfajt mit-Taħdita tal-Grupp u d-dettalji ta' Snapchat ta' sħabek.

Il-Profili Pubbliċi jgħinu lill-iSnapchatters jinstabu fi Snapchat. Fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni, jekk għalaqt it-18-il sena, int eliġibbli għal Profil Pubbliku. Fil-Profil Pubbliku tiegħek tista' turi l-iktar Stejjer, Spotlights, Lentijiet jew informazzjoni oħra li laqtuk. Snapchatters oħra se jkunu jistgħu jsegwu l-Profil Pubbliku tiegħek. Għalkemm bħala regola standard l-għadd ta' segwaċi tiegħek mhux se jintwera, jekk tixtieq tista' tixegħlu mill-Għażliet.

Spotlight

Spotlight tgħinek tiskopri Snapchat minn post wieħed u taqsam miegħek l-iktar Snaps interessanti, ħalaqhom min ħalaqhom!

L-iSnaps u l-Kummenti mibgħuta lil Spotlight huma pubbliċi u għalhekk Snapchatters oħra se jkunu jistgħu jaqsmuhom kemm fuq Snapchat kif ukoll fi mkejjen oħra kif ukoll jerġgħu jużaw l-iSnaps ta' Spotlight. Ngħidu aħna, jistgħu jieħdu l-iSnap tiegħek int u tiżfen ħażin biex iddaħħak u jqiegħdu reazzjoni fuqha. Il-Profil Tiegħek huwa fejn tista' tieħu ħsieb u tikseb ħarsa ġenerali tal-iSnaps li bgħatt fuq Spotlight. Tista' wkoll timmarka liema kontenut ta' Spotlight jogħġbok u meta tagħmel hekk, aħna nżidu dak il-kontenut mal-lista tal-favoriti biex nagħtuk esperjenza ta' Spotlight iktar addattata għalik.

Int u tiskopri u tuża Spotlight, aħna se naddattaw il-kontenut ta' Spotlight għalik billi nuruk iktar kontenut li naħsbu li se jogħġbok. Jekk, ngħidu aħna, ftaħt ħafna Snaps dwar iż-żfin, aħna se nuruk iktar kontenut marbut maż-żfin. Nistgħu wkoll ngħarrfu lil sħabek meta taqsam, tissuġġerixxi jew tikkummenta fuq Snap ta' Spotlight.

Meta tibgħat l-iSnaps fuq Spotlight nitolbuk timxi mar-Regoli tal-Komunità, mar-Regoli ta' Spotlight u mal-Linji Gwida ta' Spotlight tagħna. Kull ħaġa li tibgħat fuq Spotlight tinħażen fuq is-servers tagħna sakemm tħassarha u tista' tibqa' tinstab fuq Snapchat għal tul ta' żmien. Jekk tixtieq tneħħi Snap li bgħatt fuq Spotlight, tista' tagħmel hekk mill-Profil tiegħek.

Memorji

Memorji tagħmilhielek eħfef li tagħti ħarsa lura lejn Snaps li kont erfajt u anki tibdilhom u terġa' tibgħathom! Aħna nżidu xi ftit żidiet ta' Snapchat mal-kontenut merfugħ f'Memorji (kif ujkoll għall-kontenut fl-album tal-kamera tat-tagħmir tiegħek jekk tajtna aċċess għalih) biex nagħtuk esperjenza iktar addattata għalik. Nagħmlu hekk billi nżidu t-tikketti skont il-kontenut biex tkun tista' ssibu iktar malajr u biex nifhmu x'kontenut jogħġbok l-iktar biex inkunu nistgħu nuruk kontenut bħalu f'Memorji jew fi mkejjen oħra tas-Servizzi tagħna, bħal Spotlight. Ngħidu aħna, jekk f'Memorji terfa' ħafna Snaps tal-kelb tiegħek, aħna nifhmu li hemm kelb u naddattawlek l-esperjenza billi nuruk Snaps ta' Spotlight jew riklami dwar l-isbaħ ġugarelli għall-kelb tiegħek!

Nafu nissuġġerulek ukoll kif taqsam il-Memorji u l-kontenut tal-album tal-kamera tiegħek ma' sħabek b'xi mod ġdid — bħal xi Lenti ferrieħa! — imma dejjem se tkun int li tagħżel meta u kif taqsamhom. Se ngħinuk ukoll tqalleb il-Memorji kollha tiegħek billi, ngħidu aħna, niġbruhom skont xi medda ta' żmien jew post, biex tkunlek eħfef biex toħloq l-iStejjer jew l-iSnaps ta' Spotlight bil-Memorji favoriti għalik.

Għalkemm il-fatt li żżomm kopja tal-Memorji fuq l-internet jgħin biex ma jintilfux, dan ma jfissirx li għandek iċċedi s-sigurtà u l-privatezza tiegħek. Dan kien il-ħsieb li wassalna biex infasslu “Għal Għajnejja Biss”, li hi faċilità li żżomm l-iSnaps tiegħek siguri, kodifikati u mħarsa b'password tal-għażla tiegħek. B'hekk, anki jekk xi ħadd jisraqlek il-mowbajl u b'xi mod jirnexxielu jiftaħ Snapchat, dawn l-iSnaps privati tiegħek jinżammu siguri. Mingħajr il-password, ħadd ma jista' jara dak li rfajt f'“Għal Għajnejja Biss” — lanqas aħna! Però, importanti li ma tinsiex il-password għax m'hemmx mod ieħor ta' kif tirkupra dawk l-iSnaps kodifikati.

Barra minn hekk, f'Memorji tista' ssib ir-ritratti maħluqa bl-IA fejn tintwerew int u sħabek. Ir-ritratti li tkun ħadt tiegħek innifsek li ttella' biex toħloq dawn ir-ritratti, jintużaw biex, bl-għajnuna tal-IA ġenerattiv, noħolqu stampi ġodda bik u bi sħabek fihom.

Lentijiet

Qatt ħsibt ftit kif Lentijiet jistgħu jagħtuk dawk il-widnejn ta' ġeru jew jibdlu lewn xagħrek?

Il-Lentijiet jaħdmu bit-teknoloġija tal-“għarfien tal-oġġetti”. It-teknoloġija tal-għarfien tal-oġġetti hija algoritmu mfassal biex jgħin lill-kompjuters jifhmu x'oġġetti qed jintwerew fi stampa. F'dan il-każ, tgħinna nifhmu li mnieħer huwa mnieħer jew li għajn hija għajn.

It-teknoloġija tal-għarfien tal-oġġetti ma tagħrafx wiċċek. Għalkemm il-Lentijiet jistgħu jifhmu x'inhu jew x'mhuwiex wiċċ, ma jagħrfux wiċċek minn wiċċ ħaddieħor!

Ħafna mil-Lentijiet tagħna jużaw l-IA ġenerattiva biex joħolqu esperjenzi ferrieħa u jibdlu d-dehra u l-esperjenza tiegħek f'xi ħaġa mhux tas-soltu.

Kitt taʼ Snap

Il-Kitt ta' Snap hija ġabra ta' għoddod għall-iżviluppaturi li tagħmilhielek eħfef taqsam l-iSnaps, l-Istejjer u l-Bitmojis ma' apps favoriti tiegħek jew taqsam il-kontenut mill-apps u s-siti l-oħra mal-kont ta' Snapchat tiegħek! Meta tagħżel li taqbad ma' app jew sit, tista' tuża l-Kitt ta' Snap biex tiċċekkja x'informazzjoni qed tinqasam. Tista' wkoll tuża s-Settings ta' Snapchat biex meta trid tneħħi l-aċċess ta' xi sit jew app.

Jekk fi żmien 90 jum ma tiftaħx app jew sit imqabbda, aħna se nneħħulhom l-aċċess minn rajna. Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar id-dejta li jaf tkun diġà nqasmet, jeħtieġlek tikkuntattja lill-iżviluppatur tal-app jew tas-sit.

Nuċċali

Nuċċali huwa nuċċali tax-xemx li jieħu r-ritratti tad-dinja kif taraha int. Kemm tagħfas il-buttuna u Nuċċali jieħu r-ritratt mingħajr ma jkollok għalfejn tuża l-mowbajl tiegħek. Fassalna n-nuċċali tax-xemx Nuċċali biex jintużaw meta tkun barra d-dar, kemm jekk tkun qed tgħix xi avventura kif ukoll matul il-ħajja ta' kuljum.

Kull meta tkun se tiġbed ritratt jew filmat b'Nuċċali, il-bozoz se jinxtegħlu biex ngħarrfu lil sħabek li qed tieħu Snap jew tiġbed filmat.

Ir-Regoli tal-Komunità tagħna dejjem talbu li l-iSnapchatters joqogħdu attenti u jirrispettaw il-privatezza tal-oħrajn u nistennew l-istess b'Nuċċali tant li qisna din il-ħaġa aħna u nfassluh!

Nuċċali dejjem qed jitjieb u kull ġenerazzjoni għandha l-faċilitajiet speċjali u eċitanti tagħha. Il-mudell il-ġdid ta' Nuċċaligħandu faċilità li tiksi d-dinja li tkun qed tara bil-Lentijiet kif ukoll xi wħud mill-faċilitajiet ta' Skennja msemmija hawn taħt.

Il-Kont taʼ Snapchat tiegħek

Tista' ssib u tibdel il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni importanti tal-kont tiegħek u tas-Settings tal-privatezza direttament mill-app ta' Snapchat. Jekk tixtieq issib xi ħaġa li mhix fl-apps, żur accounts.snapchat.com, ikklikkja fuq ‘Id-Dejta Tiegħi’ u mbagħad agħfas fuq ‘Ibgħat it-Talba’. Aħna nħejjulek kopja tad-dettalji tal-kont tiegħek u ngħarrfuk meta tkun lesta biex tniżżilha. Jekk qatt tkun tixtieq tħassar il-kont ta' Snapchat tiegħek, tista' tħassru minn accounts.snapchat.com ukoll.

Skennja

Tista' tuża l-faċilità Skennja tagħna biex tiskennja l-kodiċi QR u l-iSnapcodes bil-mowbajl tiegħek. Hekk kif tiskennja se titla' ħolqa li tieħdok fejn ried iwasslek il-kodiċi.

Mappa ta' Snap

Il-Mappa ta' Snap hija l-iktar Mappa personalizzata u tħallik issib fejn tinsabu u fejn kontu int u sħabek, x'inhu jiġri madwarek, tissejvja u ssib ir-restoranti u l-bars favoriti u ssir taf x'inhu jiġri madwar id-dinja.

Mhux se tintwera fuq il-Mappa tas-Snaps sakemm taqsam il-post fejn tinsab ma' sħabek. Jekk ma tiftaħx l-app għal 24 siegħa, sħabek mhux se jibqgħu jsibu fejn tinsab fuq il-Mappa sakemm ma terġax tiftaħ Snapchat jew sakemm m'għażilt li taqsam il-post fejn tinsab magħhom għal dejjem. Mill-għażliet tal-Mappa tas-Snaps, dejjem tista' tibdel is-Settings ta' ma min taqsam il-post fejn tinsab miegħu. Tista' wkoll tagħżel li tixgħel il-‘Modalità Moħbija’ biex taħbi l-post fejn tinsab għal kulħadd ħlief dawk li qed taqsam il-post eżatt fejn tinsab direttament magħhom. Jekk tixtieq tieqaf taqsam l-informazzjoni diretta tal-post fejn tinsab, hemm għażla apposta għal hekk. Nafu nfakkruk ukoll jekk tkun qed taqsam il-post fejn tinsab għal ftit taż-żmien.

L-iSnaps li ntbagħtu fuq il-Mappa tas-Snaps jew li jintwerew fuq Spotlight b'tikketta tal-post fejn ittieħdu jistgħu jintwerew fuq il-Mappa — imma mhux kull Snap se tintwera. Il-biċċa l-kbira tal-iSnaps fuq il-Mappa jintgħażlu bi proċess awtomatiku. Żomm f'moħħok: l-iSnaps mibgħuta fuq il-Mappa jew li għandhom tikketta tal-post fuq Spotlight huma Kontenut Pubbliku u l-iSnap tiegħek tista' tintwera barra l-pjattaforma ta' Snapchat jekk xi ħadd jaqsamha barra l-pjattaforma. Barra minn hekk, kull ħaġa li tibgħat fuq il-Mappa tas-Snaps tista' tinħażen minna għal ftit taż-żmien u tista' tinstab fuq Snapchat għal tul ta' żmien — kultant anki għal snin. Jekk tixtieq tneħħi Snap li bgħatt fuq il-Mappa tas-Snaps jew li żidtilha tikketta tal-post fuq Spotlight, tista' tagħmel hekk mill-profil tiegħek. Tista' wkoll tibgħat Snap fuq il-Mappa tas-Snaps mingħajr ma torbotha ma' ismek jew mad-dettalji tal-profil l-oħra tiegħek.

Meta naħsbu li jkun hemm xi ħaġa interessanti għaddejja, taf titla' ħarsetta żgħira tal-iStory fuq il-Mappa. L-Istejjer għall-Postijiet jintwerew ukoll meta tkabbar il-Mappa. Ħafna drabi dawn jinħolqu awtomatikament — filwaqt li l-iStejjer għall-avvenimenti ikbar jafu jinħolqu bi ħsieb.

Jekk jogħġbok oqgħod attent meta tibgħat xi Snaps fuq il-Mappa ta' Snap jew fi mkejjen oħra ta' Snapchat għax jaf tikxef il-post fejn tinsab. Jekk, ngħidu aħna, tibgħat Snap tat-Torri Eiffel fuq il-Mappa ta' Snap, il-kontenut tal-iSnap tiegħek se jikxef li kont qrib it-Torri Eiffel ġewwa Pariġi.

Il-Postijiet fuq il-Mappa ta' Snap iqarrbuk lejn in-negozji tal-post. Biex tiftaħ il-listing ta' post, kemm tagħfas fuq il-Post fuq il-Mapp jew tagħfas Fittex fin-naħa ta' fuq tal-Mappa u tfittex post. Il-Postijiet jagħtu esperjenza personalizzata tal-Mappa.

Jekk issib xi ħaġa li tikser ir-Regoli tal-Komunità tagħna, jekk jogħġbok iktbilna u għarrafna dwarha!

Post fejn tinsab

Bħala regola standard, it-tagħmir tiegħek ma jaqsamx il-post eżatt fejn tinsab bħal, ngħidu aħna, id-dejta tal-GPS ma' Snapchat. Jekk tagħżel li taqsam il-post fejn tinsab, nagħtuk għadd ta' prodotti u servizzi li jtejbulek l-esperjenza. Ngħidu aħna, xi Ġeofiltri u Lentijiet jaħdmu biss skont il-post fejn tinsab jew skont dak li jkun għaddej madwarek. Jekk taqsam il-post fejn tinsab magħna, se nkunu nistgħu kemm nuru lil sħabek li tagħżel fejn tinsab fuq il-Mappa kif ukoll nuruk x'qed jiġri madwarek u li naħsbu li jinteressak. Meta taqsam magħna l-post fejn tinsab, tista' wkoll titlobna għas-suġġerimenti ta' postijiet fil-qrib int u titħaddet ma' My AI. L-informazzojni dwar il-post fejn tinsab tgħinna wkoll nifhmu x'jaf jinteressak — għalhekk lin-nies minn Franza se nuruhom il-kontenut li ġej minn Franza, riklami bil-Franċiż u ħwejjeġ oħra bħal dawn.

Aħna naħżnu d-dejta tal-GPS għal ftit taż-żmien biex tgħinna ntejbu l-Mappa u faċilitajiet oħra u biex nuruk, bi preċiżjoni ikbar, il-postijiet li jafu jinteressawk iktar. Nistgħu, ngħidu aħna, naħżnu l-informazzjoni dwar xi wħud mill-postijiet li żżur l-iktar ta' sikwit biex nuruk iktar kontenut siewi għalik f'Tiftix jew biex naġġornaw il-lista tal-għemil tiegħek marbut ma' Bitmoji fuq il-Mappa. Nistgħu wkoll naħżnu l-informazzjoni dwar il-post fejn ikunu ttieħdu l-iSnaps li tissejvja f'Memorji jew tibgħat fuq Stejjer, Spotlight jew il-Mappa tas-Snaps biex naddattaw l-esperjenza tiegħek għalik.

Għal-iSpectacles il-ġdid, xi wħud mill-faċilitajiet jafu jeħtieġu d-dettalji tal-post fejn tinsab biex jaħdmu kif suppost. Biex nifhmu aħjar fejn tinsab, nistgħu nużaw id-dejta ta' għadd ta' sorsi. Jekk, ngħidu aħna, ma nkunux nistgħu nsibu fejn jinsab in-nuċċali tax-xemx tiegħek, nistgħu nużaw l-informazzjoni tal-GPS li niksbu mill-app ta' Snapchat tat-tagħmir tiegħek biex nagħtuk il-faċilitajiet li jeħtieġu d-dettalji tal-post fejn tinsab.

Jekk titfi l-permessi tal-post fejn tinsab mis-Settings tat-tagħmir tiegħek, xorta tista' tuża Snapchat u Spectacles imma xi faċilitajiet jafu ma jaħdmux kif suppost (jew ma jaħdmu xejn!). Kultant nistgħu nobsru fejn tinsab bħal, ngħidu aħna l-pajjiż jew il-belt tiegħek, mill-indirizz IP — imma mhix sistema perfetta.

Kamejiet

Kamejiet tħallik tkun l-istilla tal-filmati qosra li jirrepetu tiegħek u li tista' tibgħat lil sħabek f'Taħditiet. Biex tkun tista' tuża Kamejiet, nitolbuk tieħu ritratt tiegħek innifsek li tixtieq iddaħħal f'xeni ferrieħa. Ma nużaw l-ebda software li jagħraf l-uċuħ. Kamejiet taħdem billi taqsam il-forma ta' wiċċek u xagħrek biex tkun tista' tqiegħdek f'xeni u tiżgura li l-Kamejiet jidhru bl-aħjar mod li jistgħu.

Il-kopja tar-ritratt li ħadt tiegħek innifsek se jkun dejjem f'idek u fis-Settings ta' Snapchat u tista' tibdlu, tħassru jew twaqqaf lill-oħrajn milli jużaw ir-ritratt li ħadt tiegħek innifsek tiegħek f'Kamejiet ta' żewġ persuni.