Snap Values

Irrapporta Tħassib dwar is-Sigurtà

Kif Tirrapporta Tħassib tas-Sigurtà 

Waħda mill-iktar ħwejjeġ importanti li tista' tagħmel biex iżżomm lil Snapchat ħielsa min-nies bi ħsibijiet ħżiena u mill-kontenut li jista' jkun ta' ħsara huwa li tikkuntattjana jekk tħabbat wiċċek ma' xi ħaġa li ma tħossokx komdu biha. Kulma għandek tagħmel hu li tagħfas u żżomm fuq il-kontenut jew fuq il-messaġġ tat-taħdit u għandu jitla' menù. Minn dak il-menù kemm tagħfas fuq “Irrapporta” u nagħtuk lista ta' għażliet. Minn hemm nitolbuk xi tagħrif. Bħala regola, jekk tirrapporta l-midja mill-app, se nehmżu kopja ta' dak il-kontenut awtomatikament mar-rapport tiegħek. 

It-timijiet tas-sigurtà tagħna jaħdmu 24 siegħa kuljum biex jgħarblu r-rapporti li jitressqu minn Snapchat jew mis-Sit tal-Għajnuna tagħna u jistgħu jneħħu l-kontijiet jew il-kontenut irrapportati li jkunu qed jiksru r-Regoli tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna. Importanti li żżomm f'moħħok li r-rapporti huma kunfidenzjali u li mhux se ngħarrfu lil sid il-kont b'min irrappurtah. Jekk issib xi ħaġa li taħseb li tikser il-liġi jew li hi ta' periklu jew jekk temmen li xi ħadd qiegħed fil-periklu minn ħaddieħor jew minnu nnifsu, ikkuntattja lill-forzi tal-ordni minnufih u wara ressaq rapport fuq Snapchat. 

Tista' taqra l-Linji Gwida tal-Komunità u r-Regoli tas-Servizz tagħna biex tifhem x'kontenut ma tistax ittella' fuq Snapchat. Bħala regola ġenerali: jekk dak li se tgħid jista' joħloq esperjeza li mhix sigura jew kerha għal xi ħadd, aħjar ma tgħidux. 

Barra minn hekk, il-fatt li ssib xi ħaġa li ma togħġbokx fuq Snapchat ma jfissirx li dik il-ħaġa tikser il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna. Tista' tagħżel li ma tibqax miktub ma' dak il-kont, taħbi l-kontenut jew ma tibqax ħabib ma' jew timblokka lil min ikun bagħat il-ħaġa.

It-tweġibiet għall-iktar mistoqsijiet komuni tagħkom 

Ir-rapporti fuq Snapchat kunfidenzjali? 

Iva. Ma ngħarrfu lill-ebda Snapchatter ieħor (lanqas lil sid il-kont li tkun irrappurtajt) li tkun ressaqt rapport. Ħafna drabi ngħarrfu lil sid il-kont li tkun irrappurtajt fl-app u/jew b'email jekk inneħħu l-kontenut jew nissospendu l-kont imma ma ngħarrfuhx li jkun tressaq rapport, lanqas jekk jappella d-deċiżjoni tagħna.

Nista' nressaq rapport anonimu? 

Iva. Il-formola tar-rapporti fuq is-Sit tal-Għajnuna tagħna tagħtik l-għażla li tagħti ismek u l-isem tal-utent fuq Snapchat imma ma teħtiġekx tagħti dak it-tagħrif. Jekk tixtieq tressaq rapport anonimu, tista' tikteb “ma nafx” fit-taqsima tal-isem tal-utent. Dejjem jeħtieġlek tagħti indirizz tal-email fejn nistgħu niktbulek dwar ir-rapport li tkun ressaqt. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li l-għażla li tressaq rapport anonimu mhix disponibbli mill-app. Tagħżel x'tagħżel, ir-rapporti dejjem kunfidenzjali (aqra l-mistoqsija ta' fuq din).

Kif se tikkomunika miegħi Snap dwar ir-rapport li ressaqt? 

Meta tirrapporta tħassib fuq Snapchat, nibagħtulek konferma li r-rapport tiegħek daħlilna. Se nikkuntattjawk fuq l-indirizz tal-email marbut mal-kont ta' Snapchat tiegħek jew fuq l-indirizz tal-email li tkun tajtna meta bgħatt ir-rapport mis-Sit tal-Għajnuna tagħna. L-iSnapchatters jistgħu wkoll jużaw il-faċilità Ir-Rapporti Tiegħi biex jiċċekkjaw l-istat tar-rapporti tagħhom mill-app. 

Min jgħarbel ir-rapport li ressaqt? 

It-timijiet tas-sigurtà tagħna jaħdmu 24 siegħa kuljum biex jgħarblu r-rapport li tkun bgħattilna.

Kemm jieħdu ħin it-timijiet tas-sigurtà ta' Snap biex jgħarblu rapport u jieħdu deċiżjoni?

Ħafna drabi l-għarbiel jitwettaq fi żmien ftit sigħat imma xi drabi jaf jieħu iktar ħin.

X'jista' jiġri wara l-għarbiel min-naħa ta' Snap?

  • Jekk nikkonfermaw li l-kontenut jew il-kont li tkun irrappurtajt jikser il-Linji Gwida tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz ta' Snapchat, nafu nneħħu l-kontenut u saħansitra nafu nimblukkaw jew inħassru l-kont u nirrappurtaw lil min ikun kiser ir-regoli lill-awtoritajiet. Hawn tista' ssib iktar tagħrif dwar kif Snapchat twettaq ir-regoli tagħha.

  • Jekk insibu ll-Linji Gwida tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz ma jkunux inkisru, ma nagħmlu xejn iktar.

  • Jiġri x'jiġri, se ngħarrfuk bid-deċiżjoni tagħna.

Irrappurtajt xi ħaġa fuq Snapchat imma għadha ma tneħħietx. Għaliex? 

Ma nneħħux kull kontenut li jidħlilna rapport dwaru. Inneħħu biss il-kontenut li jikser ir-Regoli tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna. Jekk issib xi kontenut li ma jogħġbokx imma mhux jikser ir-Regoli tal-Komunità jew ir-Regoli tas-Servizz tagħna, tista' tagħżel li taħbih jew timblokka jew tneħħi lil min ikun bagħtulek biex ma tarahx iktar.