Privacy, Safety, and Policy Hub

Riċerka Ġdida: Ir-riskju fuq l-internet żdied fl-2024 imma żdiedu wkoll it-talbiet għall-għajnuna tal-Ġenerazzjoni Ż

10 ta' Frar 2025

L-internet sar iktar riskjuż għall-ġenerazzjoni Ż fl-2024, bi tmienja minn kull 10 ta' adoloxxenti u żgħażagħ jgħidu li ħabbtu wiċċhom ma' mill-inqas periklu wieħed fuq l-internet. Pero, huwa inkoraġġanti li minkejja ż-żieda fl-għadd ta' nies li ħabbtu wiċċhom mar-riskju fuq l-internet, għadd dejjem ikbar ta' adoloxxenti qalulna li fittxew l-għajnuna wara li esperjenzaw problema diġitali u iktar ġenituri qalu li jżommu għajnejhom fuq l-adoloxxenti tagħhom biex jgħinuhom jinnavigaw esperjenzi fuq l-internet aħjar. Dawn il-fatturi flimkien żiedu l-punteġġ tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali (DWBI) ta' Snap Inc. għal 63 fit-Tielet Sena tiegħu, żieda ta' wieħed fil-mija mill-punteġġ ta' 62 li sibna fl-Ewwel u fit-Tieni sena.   

Tmenin fil-mija ta' dawk bejn it-13 u 24 sena f'sitt pajjiżi qalu li ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet fl-2024, żieda ta' kważi ħames punti perċentwali meta mqabbla mal-ewwel stħarriġ li wettaqna fl-2022. Il-qerq kien komuni f'dawn is-sitwazzjonijiet riskjużi b'59% tal-membri ta' Ġenerazzjoni Ż li wieġbu jgħidu li kellhom xi xorta ta' interazzjoni ma' xi ħadd fuq l-internet li gideb dwar min hu. (Għalkemm Snap ħallset għal dir-riċerka, din ir-riċerka saret dwar l-esperjenzi ta' l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ ta' Ġenerazzjoni Ż fuq il-pjattaformi u s-servizzi tal-internet kollha, mingħajr ma tiffoka speċifikament fuq Snapchat.)

“Hija sitwazzjoni ta' dieqa u kultant traġika li xi ħadd – imma speċjalment żgħażagħ u adoloxxenti – ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-qerq u mal-iscams,” qal Larry Magid, CEO ta' ConnectSafely. “Sfortunatament, din hija r-realtà ta' ħafna nies li jużaw l-emails, il-messaġġi fuq il-mowbajls, it-taħditiet, il-midja soċjali u servizzi oħra tal-internet. Dan isaħħaħ il-ħtieġa l-naħat kollha jagħmlu sforz ikbar fejn jidħol it-tagħlim fuq kif tuża l-midja kif suppost u biex irawmu l-ħiliet li jaħsbu b'mod kritiku flimkien ma' teknoloġija iktar avvanzata u liġijiet bis-sens biex jgħinuna nħarsu lill-utenti ta' kull età.”

Snap kburija li se tissieħeb ma' ConnectSafely, l-organizzatur uffiċjali ta' Jum l-Internet Iktar Sigur (SID) ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka, fl-avveniment nazzjonali ta' dis-sena li jfakkar il-21 anniversarju tas-SID, fejn se nkunu qed naqsmu għadd tal-iġded sejbiet mir-riċerka tagħna. Jum l-Internet Iktar Sigur huwa mfakkar f'iktar minn 100 pajjiż u l-għan ta' dal-jum huwa li nagħtu s-setgħa lill-adoloxxeni u ż-żgħażagħ biex jużaw it-teknoloġija b'mod responsabbli, b'rispett lejn ħaddieħor, li jużaw moħħhom u li jkunu kreattivi. Għal dal-aħħar tlett snin, wettaqna riċerka mifruxa fuq il-pjattaformi kollha marbuta mal-benesseri diġitali u ħriġna r-riżultati kollha li sibna bħala l-kontribuzzjoni ta' Snap għall-Jum l-Internet Iktar Sigur. Ir-riżultati jgħinuna fit-tfassil tal-ekosistema tat-teknoloġija diġitali u jżidu l-provi li jgħinuna kollha biex noħolqu u nrawmu esperjenzi diġitali iktar siguri, iktar b'saħħithom u iktar pożittivi għal kulħadd.       

Xi xejriet inkoraġġiti

Huwa ta' serħan il-moħħ li l-iġded riżultati juru li s-sena l-oħra iktar membri tal-Ġenerazzjoni Ż (meta mqabbla mas-snin ta' qabel) qalu li tħaddtu ma' xi ħadd jew talbu l-għajnuna wara li ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet. Madwar sitta minn kull 10 (59%) adoloxxenti u żgħażagħ ta' bejn it-13 u l-24-il sena qalu li talbu l-għajnuna, żieda ta' disa' punti perċentwali meta mqabbla mal-2023. Bl-istess mod, iktar minn nofs (51%) il-ġenituri tal-adoloxxenti ta' bejn it-13-il sena u d-19-il sena qalu li jżommu għajnejhom fuq l-adoloxxenti u l-ħajja tagħhom fuq l-internet, b'żieda ta' disa' punti perċentwali wkoll meta mqabbla mat-Tieni Sena. Sadattant, żieda żgħira ta' ġenituri (45% kontra t-43% tat-Tieni Sena) qalu li jafdaw lill-adoloxxenti tagħhom biex iġibu ruħhom b'mod responsabbli fuq l-internet u li ma jħossu l-ebda ħtieġa li jżommu għajnejhom fuq uliedhom.

Riżultat sabiħ ieħor wera li r-"riżorsi tal-għajnuna" għall-adoloxxenti u ż-żgħażagħ komplew jiżdiedu matul l-aħħar sena. Ir-riżorsi tal-għajnuna jfissru nies fil-ħajja tal--adoloxxenti u ż-żgħażagħ, kemm jekk fi djarhom, kemm fl-iskola jew fil-komunità, li l-membri tal-Ġenerazzjoni Ż jħossu li jistgħu jitkellmu magħhom dwar il-problemi tagħhom, li se jisimgħuhom u jemmnu li se jirnexxu. Mhux ta' b'xejn li r-riċerka turi li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ b'għadd ikbar ta' riżorsi tal-għajnuna għandhom benesseri ikbar fuq l-internet. Għalhekk kollha kemm aħna meħtieġa nagħtu sehemna biex ngħinu lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ kemm fuq l-internet kif ukoll fil-ħajja ta' vera.     

Hawn taħt hawn iktar riżultati dettaljati li ksibna fit-Tielet Sena:

  • 23% tas-6,004 membri tal-Ġenerazzjoni Ż fis-sitt pajjiżi li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li kienu vittmi ta' rikatti sesswali. Iktar minn nofshom (51%) qalu li waqgħu fin-nasba ta' ċerti sitwazzjonijiet fuq l-internet jew li ħadu sehem f'imġiba riskjuża fuq l-internet li setgħet twassal għar-rikatti sesswali. Fosthom hemm dawk li ħabbtu wiċċhom ma' “grooming” sesswali (37%), dawk li ġew imqarrqa minn xi persuna li gideb dwar l-identità tiegħu (30%), dawk li ġew iħħekkjati (26%) u dawk li qasmu istampi intimi tagħhom fuq l-internet (17%). (Diġà qsamna xi wħud minn das-sejbiet f'Ottubru li għadda.) 

  • Ir-rabta tal-membri ta' Ġenerazzjoni Ż mal-istampi intimi fuq l-internet baqgħet xi ħaġa li l-ġenituri jinsabu fil-għama dwarha. Wieħed minn ħames ġenituri biss (21%) tal-adoloxxenti qalu li jaħsbu li l-adoloxxenti tagħhom qatt kienu kellhom x'jaqsmu mal-istampi sesswali fuq l-internet. Fil-verità, iktar minn terz tal-adoloxxenti (36%) ammettew li wettqu għemil bħal dan – differenza ta' 15-il punt perċentwali.

  • 24% tal-membri ta' Ġenerazzjoni Ż li wieġbu qalu li raw xi xorta ta' stampi jew filmati li kienu ta' natura sesswali maħluqa bl-IA. Fost dawk li qalu li raw dax-xorta ta' kontenut, 2% qalu li jemmnu li l-istampi kienu ta' xi ħadd taħt l-età. (Qsamna ftit minn did-dejta f'Novembru.) 

Ir-riżultati huma parti mir-riċerka li Snap qeda twettaq bħalissa dwar il-benesseri diġitali tal-Ġenerazzjoni Ż u huma l-iġded riżultati tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali tagħna, kejl li juri kif l-adoloxxenti (bejn it-13-il sena u s-17-il sena) u ż-żgħażagħ (bejn it-18-il sena u l-24 sena) sejrin meta jkunu fuq l-internet f'sitt pajjiżi: l-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Uniti u l-Istati Uniti tal-Amerka. Staqsejna wkoll lil-ġenituri tal-adoloxxenti ta' bejn it-13-il sena u d-19-il sena dwar kemm l-adoloxxenti tagħhom iħabbtu wiċċhom ma' riskji fuq l-internet. L-istħarriġ tmexxa bejn it-3 ta' Ġunju u d-19 ta' Ġunju tal-2024 u tmexxa ma' 9,007 adoloxxent u żagħżugħ mifruxa fuq it-tlett xorta ta' demografika tal-età u sitt pajjiżi. 

It-Tielet Sena tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali 

L-Indiċi tal-Benesseri Diġitali jagħti punteġġ bejn 0 u 100 għal kull min iwieġeb skont kif iħossuhom dwar għadd ta' stqarrijiet. Il-punteġġi kollha mbagħad jinqasmu skont is-sitt pajjiżi biex niksbu medja tas-sitt pajjiżi. Bejn is-sitt pajjiżi, il-medja tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali tal-2024 żdiedet b'punteġġ perċentwali għal 63 meta mqabbla mal-punteġġ ta' 62 miksub kemm fl-2023 kif ukoll fl-2022. Għalkemm hija biss medja, huwa sinjal sabiħ li kien hemm żieda fil-punteġġ meta wieħed iqis kemm żdied ir-riskju għall-adoloxxenti u għaż-żgħażagħ. Għat-tielet sena, l-Indja kellha l-aqwa punteġġ fl-Indiċi tal-Benesseri Diġitali b'punteġġ ta' 67 u dan għaliex il-ġenituri huma qrib ħafna ta' wliedhom. Il-punteġġ ma nbidilx mis-sena ta' qabel. Il-punteġġi tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti żdiedu b'punt kull wieħed, għal 63 u 65. Franza u l-Ġermanja baqgħu l-istess b'punteġġi ta' 59 u 60. L-Awstralja kienet l-unika pajjiż li rat tnaqqis fl-Indiċi tal-Benesseri Diġitali li naqas b'punt perċentwali għal 62. 

L-indiċi juża l-mudell PERNA, varazzjoni msejjsa fuq teorija tal-benesseri stabbilita 1magħmula minn 20 stqarrija ta' sentimenti mifruxa fuq ħames kategoriji: Positive Emotion (Emozzjonijiet Sbieħ), Engagement (Imġibiet), Relationships (Relazzjonjiet), Negative Emotion (Emozzjonijiet Ħżiena) u Achievement (Kisbiet). Billi nqisu l-esperjenzi kollha tagħhom fuq l-internet fuq kull tagħmir jew app – mhux fuq Snapchat biss – matul it-tliet xhur, dawk li wieġbu ntalbu jgħidulna kemm jaqblu ma' kull waħda mill-20 stqarrija. Ngħidu aħna, “Ħassejt li kulma għamilt fuq l-internet kien ta' valur u siewi,” għall-kategorija Emozzjonijiet Sbieħ u “Għandi ħbieb li lesti li vera jisimgħuni meta jkolli xi ħaġa xi ngħid fuq l-internet,” għall-kategorija Relazzjonijiet. (Iftaħ dil-ħolqa għal-lista kollha tal-20 stqarrija li użajna għall-Indiċi tal-Benesseri Diġitali.) 

Adoloxxenti ġewwa l-Awstralja u l-Ewropa: Applikaw għall-Kunsilli tal-Benesseri Diġitali l-ġodda tagħna 

Is-sena li għaddiet, nedejna l-ewwel Kunsilli għall-Benesseri Diġitali tagħna biex nifhmu aħjar l-iġded riċerka u l-impenn ma jaqta' xejn tagħna għall-adoloxxenti fuq l-internet. Dan kien programm ta' prova għall-adoloxxenti ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka li kien imsejjes fuq il-ħtieġa li nisimgħu, nitgħallmu u ntejbu l-esperjenzi diġitali għall-adoloxxenti ta' bejn it-13-il sena u s-16-il sena. Fi ftit kliem, dak il-programm kien ta' għajnuna biex nifhmu ħafna xorti, wassal għal riżultati sbieħ u ħadna gost ħafna naħdmu fuqu – tant hu hekk li dis-sena, se nkabbruh u nżidu żewġ kunsilli msieħba oħra ġewwa l-Awstralja u l-Ewropa, fosthom fir-Renju Unit. Qed nistennew li nibdew il-proċessi tal-applikazzjoni f'dawk iż-żoni ġeografiċi malajr.

Sadattant, flimkien mal-organizzaturi ta' Jum l-Internet Iktar Sigur tal-2025, xi wħud mill-membri tal-kunsill tal-Istati Uniti tal-Amerka tagħna ħadmu wkoll mal-Family Online Safety Institute biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fuq suġġetti importanti marbuta mas-sigurtà diġitali għall-adoloxxenti u l-ġenituri. Aqra dal-artiklu tal-blogg fuq is-sit ta' FOSI biex issir taf kif jaħsbuha l-membri tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali tagħna fuq kif għandek tħares ruħek fuq il-midja soċjali, l-importanza li tirrapporta t-tħassib lill-pjattaforma u lil ħaddieħor, is-suġġerimenti fuq kif titħaddet mal-ġenituri dwar il-problemi tas-sigurtà u iktar. Nixtiequ nroddu ħajr lil FOSI għal dil-opportunità unika u nittamaw li l-għajnuna u l-pariri tagħhom jintlaqgħu mill-familji madwar id-dinja.  

Aħna ħerqana ħafna li nwessgħu dal-opportunitajiet għall-adoloxxenti l-oħra fi mkejjen oħra tad-dinja aħna u nkabbru l-programm tal-Kunsill tal-Benesseri Diġitali tagħna. Sa dak iż-żmien, inħeġġu lil kulħadd jagħti sehmu għas-sigurtà diġitali llum li huwa Jum l-Internet Iktar Sigur u tul is-sena 2025!   

Ir-riċerka tal-Benesseri Diġitali tagħna turina x'riskji ħabbtu wiċċhom magħhom il-membri ta' Ġenerazzjoni Ż, ir-relazzjonijiet tagħhom u x'kienu jaħsbu dwar l-għemil tagħhom fuq l-internet fix-xhur ta' qabel. Għandna ħafna iktar riċerka minn dik li nistgħu naqsmu f'artiklu tal-blogg wieħed. Għal iktar informazzjoni dwar ir-riċerka tagħna u l-Indiċi tal-Benesseri Diġitali żur is-sit tagħna, kif ukoll dat-tagħrif aġġornat, ir-riżultati tar-riċerka kollha, l-infografika addattata għal kull wieħed mis-sitt pajjiżi: l-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka u d-dokument il-ġdid “Leħen għall-Benesseri Diġitali” li jiġbor fih il-perspettivi li ksibna minn dir-riċerka mingħand xi wħud mill-imsieħba u l-kollaboraturi tagħna.

— Jacqueline Beauchere, Kap Dinjija tas-Sigurtà tal-Pjattaforma

Lura għall-Aħbarijiet

1

It-teorija tar-riċerka msejsa fuq il-mudell PERMA, li jfisser: Emozzjonijiet Sbieħ (Postive Emotion), Imġibiet (Engagement), Relazzjonijiet (Relationships), Tifsira (Meaning) u Kisbiet (Accomplishment).

1

It-teorija tar-riċerka msejsa fuq il-mudell PERMA, li jfisser: Emozzjonijiet Sbieħ (Postive Emotion), Imġibiet (Engagement), Relazzjonijiet (Relationships), Tifsira (Meaning) u Kisbiet (Accomplishment).