Riċerka Ġdida: Fl-2023 il-Ġenituri Sabuha Iktar Bi Tqila Jifhmu x'Qed Jagħmlu l-Adoloxxenti Tagħhom fuq l-Internet

5 ta' Frar 2024

Għal ħafna ġenerazzjonijiet, il-ġenituri u l-gwardjani tat-tfal madwar id-dinja dejjem qalu li għalkemm il-ħsieb tat-tfal jagħtik għaxqa u sodisfazzjon kbir, fl-istess waqt huwa xogħol iebes li jgħajjik. Fid-dinja diġitali tal-lum, din l-għaxqa, flimkien mal-problemi li jġib miegħu dan ix-xogħol huma bil-wisq ikbar. Illum, il-Jum Internazzjonali għall-Internet Iktar Sigur, qed nippubblikaw riċerka ġdida li turi kif fl-2023, il-ġenituri sabuha iktar bi tqila li jifhmu x'qed jagħmlu l-adoloxxenti tagħhom fuq l-internet u l-fiduċja li l-ġenituri kellhom fl-adoloxxenti tagħhom li jġibu ruħhom b'mod responsabbli fuq l-internet qeda tonqos. Dir-riċerka twettqet fuq it-tagħmir u l-pjattaformi kollha — mhux fuq Snapchat biss. 

Ir-riċerka l-ġdida tagħna turi li fl-2023, il-fiduċja tal-ġenituri li l-adoloxxenti tagħhom iġibu ruħhom b'mod responsabbli fuq l-internet naqset. Erba' ġenituri minn għaxra (43%) biss ħassew li setgħu jaqblu mal-istqarrija, “Nafda lil uliedi biex ikunu responsabbli fuq l-internet u ma nħossx li hemm bżonn li nżomm għajnejja fuqhom”. Dan-numru naqas b'sitta fil-mija meta mqabbel mad-49% ta` riċerka simili mwettqa fl-2022. Barra minn hekk, l-għadd ta' adoloxxenti taħt l-età (bejn 13 u 17-il sena) li qalulna li jfittxu l-għajnuna ta' ġenitur jew adult li jafdaw wara li jħabbtu wiċċhom ma' riskju fuq l-internet naqas b'ħamsa fil-mija, minn 64% fl-2022 għal 59%. 

Wara li żidna mistoqsija ġdida fl-2023, sibna li kien hemm 11 fil-mija iktar adoloxxenti li qalulna li sabu stampi intimi jew xennieqa fuq l-internet milli ġenituri li qalulna li l-adoloxxenti tagħhom iltaqgħu ma' dawn ix-xorta ta' stampi. Fl-2023, l-għadd ta' ġenituri li kienu kapaċi jqisu r-riskju ġenerali fuq l-internet għall-adoloxxenti tagħhom naqas ukoll. Fl-2022, id-differenza bejn il-ġenituri li qalulna li wliedhom ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet u l-adoloxxenti li qalulna li ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet kienet ta' tnejn fil-mija filwaqt li d-differenza s-sena l-oħra kienet ta' tlieta fil-mija. 

Dawn ir-riżultati huma parti mir-riċerka li Snap qeda twettaq kontinwament dwar il-benesseri diġitali tal-Ġenerazzjoni Ż. Din hija t-tieni darba li ħriġna l-Indiċi tal-Benesseri Diġitali (DWBI) tagħna, li kull sena jqis l-imġibiet tal-adoloxxenti (b'età ta' bejn 13 u 17-il sena) u ż-żgħażagħ (b'età ta' bejn 18 u 24 sena) f'sitt pajjiżi: l-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka. Stħarriġna wkoll il-ġenituri tal-utenti bejn it-13 u d-19-il sena dwar l-esperjenza tal-adoloxxenti tagħhom fejn jidħlu r-riskji fuq l-internet fuq il-pjattaformi u t-tagħmir kollha li jużaw, mhux Snapchat biss. L-istħarriġ twettaq bejn it-28 ta' April 2023 u t-23 ta' Mejju 2023 u ksibna 9,010 tweġibiet mill-etajiet u l-pajjiżi msemmija hawn fuq. 

Din hija ħarsa ġenerali dwar xi wħud mir-riżultati ta` importanza oħra:

  • 78% tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ ta' Ġenerazzjoni Ż qalulna li fil-bidu tal-2023 ħabbtu wiċċhom ma' xi xorta ta' riskju fuq l-internet, żieda ta' tnejn fil-mija mis-76% tal-2022.

  • 57% tat-tweġibiet ġejjin minn Ġenerazzjoni Ż qalulna li fit-tliet xhur ta' qabel, huma jew sħabhom ħabbtu wiċċhom ma' stampi intimi jew sesswali—jew għax irċevewhom (48%), jew xi ħadd talabhom dax-xorta ta' stampi (44%), jew qasmu jew xerrdu r-ritratti jew il-filmati ta' ħaddieħor (23%). Barra minn hekk, 33% ta' dawk li wieġbu qalulna li dawn l-istampi spiċċaw anki għand nies oħra li dawn l-istampi ma kellhomx jaslu għandhom. 

  • Nofs il-ġenituri (50%) qalulna li ma kinux jafu kif l-aħjar għandhom jagħmlu biex iżommu għajnejhom sew fuq l-għemil tal-adoloxxenti tagħhom fuq l-internet.    

It-Tieni Sena tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali 

L-Indiċi tal-Benesseri Diġitali jagħti punteġġ ta' bejn 0 u 100 għal kull tweġiba skont kemm dik it-tweġiba taqbel ma' ġabra ta' stqarrijiet. It-tweġibiet individwali imbagħad jinġabru biex jinħarġu kemm punteġġi skont il-pajjiż kif ukoll punteġġ wieħed ġenerali. Fis-sitt pajjiżi li stħarriġna, il-punteġġ tal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali għall-2023 baqa' l-istess bħall-punteġġ tal-2022 — 62; kejl kemxejn medju. Jekk nagħtu ħarsa pajjiż pajjiż, l-Indja għat-tieni darba kellha l-ogħla punteġġ — 67 — grazzi għal kultura ta' ġenituri li jżommu għajnejhom iktar fuq uliedhom, imma li kien wieħed fil-mija inqas minn tas-sena ta' qabel, li kien 68. L-Awstralja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kellhom kollha l-istess punteġġ bħall-2022 — 63, 60, 62 u 64 f'dik l-ordni. Franza tilfet wieħed fil-mija biex waqgħet għal 59 meta mqabbla mal-punteġġ ta' 60 fl-2022. 

L-indiċi juża l-mudell PERNA, verżjoni ta' teorija dwar il-benesseri li tiġbor 120 xorta ta' ħsibijiet li jinqasmu fuq ħames kategoriji: Emozzjonijiet Pożittivi (P), Kuntatt (E), Relazzjonijiet (R), Emozzjonijiet Negattivi (N) u Kisbiet (A). Tlabna lil dawk li qed iwieġbu jqisu l-esperjenzi kollha li kellhom fuq l-internet — mhux fuq Snapchat biss — fit-tliet xhur ta' qabel u wara jgħidulna kemm jaqblu jew ma jaqblux ma' kull waħda mill-20-il stqarrija li nagħtuhom. Biex nagħtu eżempju, fil-kategorija Emozzjonijiet Pożittivi, fost l-istqarrijiet hemm “Ħafna drabi ħassejtni kburi/ja” u “Ħafna drabi ħassejtni ferħan/a,” u fil-kategorija Kisbiet: “Tgħallimt kif nagħmel il-ħwejjeġ li għalija huma l-iktar importanti”. (Żur dil-ħolqa biex issib il-lista tal-20 stqarrija dwar il-ħsibijiet marbuta mal-Indiċi tal-Benesseri Diġitali.) 

Nitgħallmu mir-riżultati

Aħna ta' Snap se nibqgħu nużaw dawn is-sejbiet flimkien ma' sejbiet oħra aħna u nfasslu s-servizzi u l-faċilitajiet tagħna, fosthom iċ-Ċentru tal-Familja ta' Snapchat. Iċ-Ċentru tal-Familja li nedejna fl-2022 huwa l-ġabra ta' għodda tagħna għall-ġenituri li tfassal biex il-ġenituri u l-gwardjani legali jkunu jistgħu jifhmu ma' min qed jitħaddtu l-adoloxxenti tagħhom fuq Snapchat mingħajr ma nuru x'qed jingħad, ħalli fl-istess waqt inħarsu l-privatezza tal-adoloxxenti. 

Fl-ewwel verżjoni taċ-Ċentru tal-Familja, lill-ġenituri tajniehom ukoll is-setgħat li jirrappurtaw il-kontijiet li jkunu qed iħassbuhom mingħajr ma jikxfu l-identità tagħhom u li jagħżlu x'kontenut jistgħu jiftħu l-adoloxxenti tagħhom. Mis-sena li għaddiet, l-għażla standard saret li dawn il-limitazzjonijiet fuq il-kontenut jkunu mixgħula — bidla li għamilna wara li qisna l-kummenti u l-ħsibijiet tal-attivisti għas-sigurtà tat-tfal. Ix-xahar li għadda ħabbarna iktar faċilitajiet għaċ-Ċentru tal-Familja u issa qed nagħtu lill-ġenituri s-setgħa li ma jħallux lil My AI, ir-robot tat-taħdit imħaddem bl-IA ta' Snapchat, iwieġeb il-messaġġi tal-adoloxxenti tagħhom. Għamilna ċ-Ċentru tal-Familja eħfef li jinstab u qed nuru lill-ġenituri l-għażliet tas-sigurtà u tal-privatezza tal-adoloxxenti tagħhom. Dawn l-għażliet huma l-iktar għażliet stretti bħala standard, sakemm l-adoloxxenti ma jagħżlux mod ieħor, huma marbuta ma' min jista' jiftaħ l-istorja ta' Snapchat tal-adoloxxenti, min jista' jiktbilhom u jekk l-adoloxxent jistax jaqsam ma' sħabu fuq il-Mappa ta' Snap il-post fejn jinsab.  

Għall-Adoloxxenti ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka: Applika għall-Kunsill għall-Benesseri Diġitali l-ġdid tagħna 

Biex nibdew nagħtu iktar ħajja lir-riżultati tar-riċerka, ix-xahar li għadda ftaħna l-proċess tal-applikazzjonijiet għall-ewwel Kunsill għall-Benesseri Diġitali, programm ta' prova għall-adoloxxenti ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka. Il-ħsieb tagħna huwa li l-ewwel kunsill ikun magħmul minn 15-il adoloxxent ta' bejn it-13 u s-16-il sena li ġejjin minn mkejjen differenti tal-ħajja. Nixtiequ nisimgħu x'għandhom xi jgħidu u nitgħallmu minnhom biex inkomplu nagħmlu Snapchat u l-ekosistema teknoloġija ġenerali post iktar sigur u pożittiv; ambjent għall-kreattività u post fejn il-ħbieb jistgħu jiltaqgħu. L-applikazzjonijiet miftuħa sat-22 ta' Marzu u l-postijiet tal-kanditati magħżula għall-kunsill se jingħataw fir-rebbiegħa. 

Bħala parti mill-ħidma tal-programm beħsiebna norganizzaw laqgħat ta' kull xahar, ħidma fuq proġetti, kuntatt fil-qrib mal-Bord Konsultattiv tas-Sigurtà dinji tagħna, konferenza wiċċ imb wiċċ fl-ewwel sena u, biex nuru l-għarfien u t-tagħlim miksuba mill-adoloxxenti, avveniment iktar pubbliku fit-tieni sena. Għal iktar informazzjoni dwar il-proċess tal-applikazzjoni, aqra dan l-artiklu u applika hawn.

Aħna ħerqana ħafna li nwaqqfu dal-kunsill tal-adoloxxenti ta' prova u beħsiebna niċċelebraw il-Jum għall-Internet Iktar Sigur tal-2025 magħhom! Sadattant inħeġġu lil kulħadd iżomm f'moħħu l-prinċipji tal-Jum għall-Internet Iktar Sigur, illum u matul l-2024!

— Jacqueline Beauchere, Kap Dinji għas-Sigurtà tal-Pjattaforma

Ir-riżultati tar-riċerka dwar il-Benesseri Diġitali tagħna juruna r-riskji li tħabbat wiċċha magħhom, ir-relazzjonijiet li tibni u l-ħsibijiet dwar l-imġiba fuq l-internet tal-aħħar ftit xhur ta' Ġenerazzjoni Ż. Ir-riżultati li ksibna huma ħafna iktar wiesa' minn dawk li nistgħu naqsmu f'artiklu wieħed. Għal iktar informazzjoni dwar l-Indiċi tal-Benesseri Diġitali u r-riżultati tar-riċerka tista' żżur is-sit tagħna u taqra l-ħarsa ġenerali l-ġdida, ir-riżultati sħaħ tar-riċerka u l-istampi bl-informazzjoni ta' kull wieħed mis-sitt pajjiżi: l-Awstralja, Franzaoi3u

Lura għall-Aħbarijiet