Lura l-iskola u l-importanza li wieħed jirrapporta l-problemi tas-sigurtà
3 ta' Settembru 2024
Issa li fil-biċċa l-kbira tad-dinja reġa' wasal żmien l-iskola, naħsbu li huwa l-aqwa żmien li nfakkru lill-adoloxxenti, lill-ġenituri u lill-għalliema dwar l-importanza li wieħed jirrapporta t-tħassib tas-sigurtà lill-pjattaformi u lis-servizzi tal-internet.
Sfortunatament, il-fatt li wieħed jirrapporta, kultant beda jitqies bħala xi ħaġa ħażina matul l-aħħar snin għax għall-adoloxxenti saret normali li jħabbtu wiċċhom ma' mġibiet u kontenut mhux xieraq fuq l-internet u għalhekk jaħsbu li jkunu qed ikunu “widna” jekk jirrappurtaw. U d-dejta turina dil-ħaġa. Ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ dwar il-Benesseri Diġitali juruna li filwaqt li iktar adoloxxenti u żgħażagħ tkellmu ma' xi ħadd jew ħadu azzjoni wara li ħabbtu wiċċhom ma' xi ħaġa riskjuża fuq l-internet dis-sena, madwar għoxrin fil-mija biss irrappurtaw dat-tiġrib lill-pjattaforma jew lis-servizz tal-internet. Importanti ħafna li dak li jkun jirrapporta l-kontenut u l-kontijiet li jiksru r-regoli biex il-kumpaniji tat-teknoloġija jkunu jistgħu jneħħu lil dawn in-nies mis-servizzi tagħhom u jxekklu l-għanijiet tagħhom qabel ikunu jistgħu jagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna juru li madwar 60% tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tal-Ġenerazzjoni Ż f'sitt pajjiżi 1li ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet fuq xi pjattaforma jew servizz – mhux Snapchat biss – kellmu lil xi ħadd jew talbu l-għajnuna wara t-tiġriba. Din żieda sabiħa ta' 9% mill-2023. Biss, kienu biss 22% li rrappurtaw il-problema lill-pjattaforma jew lis-servizz tal-internet u 21% biss irrappurtawha lil numru jew linja tal-għajnuna apposta bħal, ngħidu aħna, in-National Center for Missing and Exploited Children tal-Istati Uniti tal-Amerka (NCMEC) jew l-Internet Watch Foundation tar-Renju Unit (IWF). Sbatax fil-mija ressqu rapport mal-forzi taż-żamma tal-ordni. Sfortunatament, 17% oħra ma qalu lil ħadd b'dak li ġarrbu.
Għaliex iż-żgħażagħ jiddejqu jitkellmu ma' xi ħadd jew iressqu rapport? Id-dejta turina li 62% minnhom – kważi żewġ terzi tal-adoloxxenti (65%) u 60% taż-żgħażagħ – qalulna li ma qisux li t-tiġriba kienet problema u minflok qiesuha bħala “xi ħaġa li l-ħin kollu kulħadd iħabbat wiċċu magħha fuq l-internet”. Kwart minnhom (26%) qalulna li ħasbu li min wettaq dak l-għemil mhu se jiġrilu xejn. Fost l-iktar raġunijiet komuni oħra kien hemm is-sena tal-mistħija u l-ħtija (17%); il-biżgħa li xi ħadd se jiġġudikahom (15%) u li ma ridux lil xi ħadd minn sħabhom jew minn tal-familja “jispiċċa fl-inkwiet”. Dil-ħaġa turina x'jaħsbu l-adoloxxenti dwar l-għarbiel tal-kontenut tal-internet: Kwart minnhom qalulna li ħasbu li min wettaq l-għemil ma kien se jiġrilu xejn imma fl-istess waqt, iktar minn għaxra fil-mija qalulna li ma ridux lil xi ħadd minn sħabhom jew xi ħadd tal-familja jidħol fl-inkwiet minħabba l-imġiba mhux xierqa tiegħu. Għadd iżgħar ta' nies ħassew li t-tiġriba kienet ħtija tagħhom (10%) jew beżgħu mit-tpattija ta' min wettaq l-għemil (7%).
Ir-Rapporti fuq Snapchat
Mill-2024 'il quddiem se nkunu qed naħdmu biex niċċaraw kif jaħdmu r-rapporti fuq Snapchat u nibdlu l-mod kif l-utenti tagħna jħarsu lejhom. Biex nagħmlu hekk, qed nitolbu l-għajnuna tal-Kunsill għall-Benesseri Diġitali (CDWB) l-ġdid tagħna, grupp ta' 18-il adoloxxenti minn madwar l-Istati Uniti tal-Amerka, li għażilna biex jgħinuna nġibu 'l quddiem is-sigurtà fuq l-internet u l-benesseri diġitali fl-iskejjel u l-komunitajiet tagħhom.
“Id-differenza bejn il-privatezza u s-sigurtà tal-utenti mhix dejjem ċara,” jgħidilna Jeremy ta' 16-il sena, membru tal-Kunsill għall-Benesseri Diġitali minn California. “Il-buttuna tar-rapporti tiċċara dik id-differenza. Dil-buttuna tagħmel Snapchat post iktar sigur mingħajr ma tnaqqar mill-privatezza ta' kulħadd. Għalhekk nemmen li kulħadd għandu juża dil-buttuna tar-rapporti meta jkun meħtieġ – biex Snapchat tkun post iktar sigur.”
Josh, adoloxxenti ieħor minn California li jagħmel parti mill-Kunsill għall-Benesseri Diġitali, qabel miegħu u semma t-tliet benefiċċji li wieħed jirrapporta fuq il-pjattaformi jew is-servizzi: Biex tgħin trażżan l-imxija tal-kontenut li jikser il-liġi jew li jista' jagħmel il-ħsara; biex tneħħi l-kontijiet foloz jew li jagħmluha tabirruħhom ħaddieħor u biex trażżan ix-xandir tal-informazzjoni ħażina. Iż-żewġ adoloxxenti, matul is-sena li ġejja, bħala waħda mill-ħidmiet ewlenin tagħhom marbuta mal-Kunsill għall-Benesseri Diġitali, se jkunu qed jaħdmu biex jgħarrfu lin-nies dwar l-importanza li wieħed jirrapporta.
Biss ħafna mit-tħassib imsemmi fl-istħarriġ ma jgħoddx għal Snapchat. Ngħidu aħna, għas-servizz tagħna, ir-rapporti huma sigrieti. Lill-utent irrappurtat qatt ma ngħarrfuh min kien l-utent li ressaq ir-rapport dwar il-kontenut jew l-imġiba tiegħu. Meta jidħlilna rapport, ngħarrfu lil min bagħtu li waslilna u jekk min bagħat ir-rapport ikun ħallielna l-indirizz tal-email tiegħu, ngħarrfuh jekk ir-rapport ikun wassalna biex insibu ksur tal-politiki tagħna. Dan kollu parti mill-ħidma ma taqta' xejn tagħna biex ngħinu ngħallmu lill-komunità tagħna dwar l-imġibiet u l-kontenut li naċċettaw u li ma naċċettawx fuq l-app tagħna. Barra minn hekk, ix-xahar l-ieħor nedejna faċilità ġdida li jisimha “Ir-Rapporti Tiegħi” u li tagħti lill-iSnapchatters kollha s-setgħa li jsibu l-istatus tar-rapporti kollha marbuta mal-Fiduċja u -Sigurtà mibgħuta mill-app fl-aħħar 30 jum. Biex tagħti titwila, kemm tiftaħ “Il-Kont Tiegħi” > “Għażliet”, tniżżel il-paġna 'l isfel sakemm issib “Ir-Rapporti Tiegħi” u tagħfas fuqha.
Il-kontenut u l-għemil mhux aċċettati jissemmew fir-Regoli tal-Komunità tagħna u nixtiequ nħeġġu lil kulħadd iressaq rapporti preċiżi u fil-ħin. Għal app imsejsa fuq il-messaġġi privati bħalma hi Snapchat, ir-rapporti tal-komunità tagħna huma kruċjali. Ma nistgħux insewwu problema jekk ma nkunux nafu biha. U kif qalu l-membri tal-Kunsill għall-Benesseri Diġitali, ir-rapporti mhux biss jistgħu jgħinu lill-vittma ta' għemil li jista' jwassal għal ksur tal-politiki tagħna li ressaq ir-rapport, imma lil dawk kollha li jistgħu jisfaw vittma ta' din il-persuna/i. Aħna ta' Snap nemmnu li r-rapporti jgħinu lill-komunità kollha. L-iSnapchatters jistgħu jressqu rapport direttament mill-app billi jagħfsu u jżommu xi kontenut magħfus jew billi jimlew dil-formola fuq is-Sit tal-Għajnuna tagħna.
Il-ġenituri, il-gwardjani, l-għalliema u l-uffiċjali tal-iskejjel jistgħu wkoll jużaw formola tal-internet pubblika u dawk li jużaw il-kaxxa tal-għodda tal-ġenituri taċ-Ċentru tal-Familja tagħna jistgħu jirrappurtaw il-kontijiet li jħassbuhom direttament b'dik il-faċilità. Dal-aħħar fuq Snapchat nedejna wkoll Gwida għall-Għalliema biex inkomplu ngħinu lill-uffiċjali tal-iskejjel irawmu dinja diġitali iktar b'saħħitha u kennija għall-istudenti tagħhom. Għal iktar dettalji fuq kif tirrapporta anke jekk m'għandekx kont ta' Snapchat, aqra dil-paġna.
Inrawmu esperjenzi tajbin fuq l-internet
Hi prijorità għolja għal Snap li toħloq esperjenzi tal-internet iktar siguri, iktar tajbin għas-saħħa u iktar tajbin fuq Snapchat u fuq l-ekosistema kollha tat-teknoloġija għax xejn mhu iktar importanti mill-benesseri u s-sigurtà tal-komunità tagħna. Għalina kruċjali li nifhmu kif jifhmuha u jġibu ruħhom l-iSnapchatters u dawk li jużaw pjattaformi oħra u għalhekk il-ħin kollu nwettqu dix-xorta ta' riċerka biex tgħinna nilħqu l-għan tagħna.
Nhar il-Jum Internazzjonali għall-Internet Sigur se noħorġu r-riżultati kollha tat-Tielet Sena tal-Istħarriġ, fosthom l-Indiċi tal-Benesseri Diġitali. Fiż-żmien li l-istudenti jkunu sejrin lura l-iskola, se nkunu qed naqsmu xi wħud mis-sejbiet tagħna biex infakkru lill-familji u lill-komunitajiet tal-iskejjel tagħna dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu fuq l-internet.
Nittamaw li fix-xhur ta' qabel – u dakinhar ta' – Jum għall-Internet Sigur, il-11 ta' Frar 2025, inkunu naqsmu iktar dettalji. Sadattant, ejja nkomplu naħdmu biex inġibu 'l quddiem is-sigurtà tal-internet fl-iskejjel u nittama li tkunu lesti tirrappurtaw kull ħaġa li tħassibkom – kemm lil Snapchat kif ukoll lis-servizzi tal-internet l-oħra.
— Jacqueline F. Beauchere, Kap Dinjija tas-Sigurtà tal-Pjattaforma