Qed inħabbru l-ewwel Kunsill għall-Benesseri Diġitali ta' Snap
8 ta' Awwissu 2024

Iktar kmieni dis-sena ħabbarna l-għażla tal-ewwel Kunsill għall-Benesseri Diġitali ta' Snap, programm ta' prova fl-Istati Uniti maħsub biex jisma' x'għandhom xi jgħidu l-adoloxxenti fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja fuq l-internet illum u biex nifhmu x'inhuma t-tamiet u x-xewqat tagħhom għal esperjenzi itjeb u isbaħ fuq l-internet. F'Mejju nedejna uffiċjalment il-ħidma tal-Kunsill u ħerqana li naqsmu magħhom min huma l-membri ta' dan il-grupp hekk sabiħ.
Il-Kunsill għall-Benesseri Diġitali magħmul minn 18-il adoloxxenti ġejjin minn 12-il stat tal-Istati Uniti tal-Amerka:
Alex, ta' 15-il sena minn Texas
Ana, ta' 13-il sena minn Wisconsin
Brielle, ta' 14-il sena minn Colorado
Dinu, ta' 16-il sena minn New Jersey
Jahan, ta' 14-il sena minn Pennsylvania
Jaylynn, ta' 16-il sena; Phoebe, ta' 15-il sena; Valentina, ta' 14-il sena minn New York
Jeremy, ta' 16-il sena; Josh, ta' 14-il sena; Katelynn, ta' 15-il sena; Mona, ta' 16-il sena; Ovee, ta' 14-il sena minn California
Max, ta' 15-il sena minn Washington
Monish, ta' 17-il sena minn Illinois
Nadine, ta' 16-il sena minn Virginia
Salsabeel, ta' 15-il sena minn Florida
Tommy, ta' 16-il sena minn Vermont
Minn Mejju 'l hawn sejjaħna żewġ laqgħat biex niddiskutu l-programm u t-tamiet tal-Membri tal-Kunsill dwaru, biex noħolqu r-regoli tal-grupp u biex nitħaddtu dwar għadd ta' suġġetti marbuta mas-sigurtà fuq l-internet, fosthom, is-sejħa li dal-aħħar għamel il-Kirurgu Ġenerali biex ikun hemm tikketti bit-twissijiet fuq il-midja soċjali. L-iktar ħaġa li ssemmiet mill-Membri tal-Kunsill kienet is-siwi tal-pariri ta' sħabhom fuq kif jifhmu l-esperjenzi fuq l-internet għax l-adoloxxenti “jridu li jkunu huma li jagħżlu x'jagħmlu b'ħajjithom” u mhux iħallu lil ħaddieħor jagħżel għalihom.
F'Lulju stedinna lill-Membri tal-Kunsill u lill-persuni responsabbli minnhom fil-Kwartieri Ġenerali ta' Snap ġewwa Santa Monica, CA, għal konferenza wiċċ imb wiċċ. Kienu jumejn mimlija attivitajiet ma jaqtgħu xejn bħal taħditiet fi gruppi żgħar, taħditiet bejn il-membri kollha, kelliema mistiedna u ħafna ħin ta' divertiment flimkien. L-adoloxxenti fehmu aħjar x'jiġifieri taħdem f'kumpanija tat-teknoloġija grazzi għal sessjoni ta' “apprendistat ta' malajr” immexxija minn 18-il ħaddiem ta' Snap minn timijiet u xogħlijiet differenti.
Il-Konferenza wasslet għal taħditiet u perspettivi interessanti ħafna fuq suġġetti bħall-perikli fuq l-internet, l-għodod għall-ġenituri u d-differenzi u x-xebh bejn il-ħajja fuq l-internet u l-ħajja ta' vera. Meta l-konferenza waslet fi tmiemha, il-grupp kollu (anki dawk li kienu qed jieħdu ħsieb l-adoloxxenti), kienu ħerqana ħafna li jaħdmu iktar fost il-komunitajiet tagħhom u li jagħmluha ta' ambaxxaturi għas-sigurtà fuq l-internet. Din l-istqarrija ta' Membru tal-Kunsill turi biċ-ċar dak li konna lkoll qed inħossu: “Għalkemm il-ġenituri u l-adoloxxenti jafu mhux dejjem jaqblu fuq kollox fejn tidħol il-midja soċjali, ilkoll naqblu li nixtiequ naħdmu u ngħinu lil xulxin biex inkunu l-aqwa verżjoni tagħna nfusna fuq l-internet”.
Dalwaqt se naqsmu magħkom l-iktar ħwejjeġ importanti li ħarġu mill-Konferenza u dak li l-Membri tal-Kunsill għandhom imħejji għall-ġejjieni. Mhux se ddumu ma tisimgħu iktar aħbarijiet mingħand dan il-grupp sabiħ ta' nies!
- Viraj Doshi, Kap tas-Sigurtà tal-Pjattaforma