Snap Tagħżel 18-il Adoloxxenti għall-Ewwel Kunsill tal-Benesseri Diġitali
15 ta' Mejju 2024
Bi pjaċir qed inħabbru l-membri tal-ewwel Kunsill tal-Benesseri Diġitali ta' Snap, il-programm ta' prova ta' 18-il xahar għaż-żgħażagħ li jinsabu fl-Istati Uniti. Ħerqana ħafna li naħdmu ma' dal-grupp ta' adoloxxenti biex nisimgħu x'għandhom x'jgħidulna dwar il-ħajja diġitali li jgħixu llum u t-tamiet u t-twemmin tagħhom għal esperjenzi fuq l-internet biex ikunu iktar pożittivi u isbaħ.
Minn meta ħabbarna dal-programm l-ewwel darba fil-bidu ta' dis-sena, daħlulna iktar minn 150 applikazzjoni u fosthom kien hemm kitbiet dwar kif l-adoloxxenti jużaw il-mowbajl tagħhom, eżempji ta' x'bidliet jixtiequ jaraw fil-pjattaformi li jużaw u x'qed jistennew mis-sehem tagħhom fil-kunsill. Ma kinitx ħafifa biex nagħżlu dan l-ewwel kunsill għax kien hemm ħafna adoloxxenti li laqtuna. Il-proċess tal-għażla wassal għal grupp ta' nies ġejjin minn kull rokna tal-ħajja li jħaddnu għadd ta' ideat u esperjenzi tal-ħajja.
Lilkom li dis-sena m'għażilnikomx, ftakru li apprezzajna ħafna l-ħin u x-xogħol li investejtu fl-applikazzjonijiet. Nittamaw li tkomplu tagħtu sehemkom biex trawmu imġibiet tajbin fuq l-internet u li terġgħu tapplikaw jew tieħdu sehem fi programmi bħal dawn fil-ġejjieni.
L-ewwel kunsill se jkun magħmul minn 18-il adoloxxent bejn it-13 u s-16-il sena li ġejjin minn 11-il stat fl-Istati Uniti. Hawn taħt qed naqsmu magħkom dak li wħud minnhom kitbulna fl-applikazzjonijiet tagħhom fejn urewna dak li jittamaw li jiksbu mis-sehem tagħhom fil-programm.
“Nixtieq nikseb tagħrif, ħiliet u għarfien siewi li 'l quddiem se jagħmilni attivista aħjar. Nixtieq naqbeż għal sħabi, insemma' leħinhom u nimbotta għal programmi li jqisu l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà, il-privatezza u l-benesseri tagħhom fuq l-internet.” - Adoloxxenti ta' 15-il sena minn California
“Ħerqan ħafna dwar l-opportunità li nagħmilha ta' ambaxxatur għall-benesseri diġitali fl-iskola u l-komunità tiegħi... Nemmen li meta naqsam l-għarfien u l-esperjenzi li nkun ksibt minn dal-kunsill, se nkun qed nagħti s-setgħa lill-oħrajn jgħixu fid-dinja tal-internet b'mod sigur u responsabbli għax kultant il-messaġġ jasal aħjar meta jasal mingħand xi ħadd bħalek.” - Adoloxxenti ta' 15-il sena minn Florida
“Ħerqan ħafna biex inkun nista' nagħmel differenza li tinħass, kemm fi proġetti mal-komunità kif ukoll f'suġġerimenti għall-politiki jew kampanji ta' tagħrif u li nħalli riżultati sbieħ li juru l-ħidma tal-Kunsill. L-iktar ħaġa importanti għalija hi li grazzi għal dil-esperjenza, mhux biss nikseb iktar tagħrif u nitgħallem nifhem lill-oħrajn aħjar, imma li nkun naf ukoll kif għall-ġejjini għandi naħdem biex inġib il-bidliet meħtieġa.” - Adoloxxenti ta' 16-il sena minn Vermont
Dalwaqt se ntellgħu t-tnedija virtwali qabel das-sajf niltaqgħu wiċċ imb'wiċċ għal konferenza fil-Kwartieri Ġenerali ta' Snap f'Santa Monica. Waqt il-konferenza se jkollna taħditiet fi gruppi żgħar u bejn il-kunsill kollu dwar suġġetti bħas-sigurtà u l-benesseri fuq l-internet, laqgħat apposta għall-ġenituri u l-gwardjani legali, taħditiet interattivi mal-kelliema mistednin u attivitajiet tad-divertiment. Nittamaw li nkunu nistgħu nagħtu opportunità lill-adoloxxenti biex iwessgħu l-għarfien tagħhom dwar is-sigurtà fuq l-internet u l-kwistjonijiet marbuta mal-internet, biex itejbu l-ħiliet tat-tmexxija u tal-attiviżmu, biex irawwmu l-ħiliet tagħhom li jaħdmu mal-oħrajn u jgħallmu lil sħabhom u biex jifhmu x'opportunitajiet jaf hemm għalihom f'kumpanija tat-teknoloġija mifruxa madwar id-dinja.
Fi kliem il-membri tal-kunsill, l-internet huwa “bħal biblijoteka kbira mimlija arkivji li qed jistennewk taqrahom” u li “dejjem tista' ssib xi ħaġa interessanti” fuq l-internet għax huwa post “mimli opportunitajiet biex tikkomunika, tnebbaħ il-kreattività u titgħallem”. Nafu wkoll li llum l-adoloxxenti jħabbtu wiċċhom ma' riskji ta' vera fuq l-internet. Għalhekk ta' sikwit se nkunu qed naqsmu l-għarfien u l-ħsibijiet tal-kunsill fuq kif l-adoloxxenti għandhom jużaw l-ispazji fuq l-internet u se nkunu qed nistħarrġu dwar strateġiji ġodda biex inġibu 'l quddiem is-sigurtà u benesseri diġitali aqwa. Kif qalilna membru ieħor, “Nemmen bis-sħiħ li hemm ħafna ħwejjeġ sbieħ” fuq l-internet... “l-importanti li nkunu nafu nużawh sew”.
Nixtiequ nifirħu lill-membri li ntgħażlu u niżżu ħajr lil kull min bagħat applikazzjoni. Nixtiqulkom programm ta' suċċess u ta' kisbiet kbar!
Biex issir taf iktar dwar l-impenn ta' Snap għas-sigurtà fuq l-internet u għall-ħidma li qed twettaq f'dal-qasam, żur iċ-Ċentru tal-Privatezza u s-Sigurtàtagħna li jiġbor fih ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ li wettaqna dwar il-benesseri diġitali fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra.