L-Ewwel Kampanja ta' dan it-tip għall-Ġlieda kontra l-Isfruttar u l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Online

17 ta' April 2024

L-isfruttar u l-abbuż sesswali tat-tfal huwa illegali, ta' stmerrija u, bħala suġġett ta' konverżazzjoni galbata, fil-biċċa l-kbira tabù. Iżda, dawn ir-reati orribbli ma jistgħux jiġu injorati. Jeħtieġ li jiġu diskussi fis-swali tal-gvern, madwar l-imwejjed tal-boardrooms, u madwar l-imwejjed tal-kċina. Iż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu infurmati dwar ir-riskji sesswali online u l-adulti jeħtieġu li jifhmu l-problemi biex ikunu jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ fi kriżi. Huwa għalhekk li Snap hija onorata li tkun sostenitur fundamentali ta' “Know2Protect,” l-ewwel kampanja tat-tip tagħha għall-għarfien pubbliku mnedija llum mid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (U.S. Department of Homeland Security - DHS).

Mill-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' immaġni ta' kuntrabandu sal-grooming tat-tfal għal finijiet u rikatti sesswali (estorsjoni sesswali) motivata finanzjarjament, Know2Protect se titfa' dawl fuq firxa ta' ħsara sesswali li tħalli impatt fuq it-tfal u l-adolexxenti. Il-kampanja se teduka u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, lill-ġenituri, lil adulti fdati, u lil dawk li jfasslu l-politika biex jgħinu fil-prevenzjoni u l-ġlida kontra dawn ir-reati. 

Snap kienet kollaboratur bikrija mad-DHS u taqbel li hemm ħtieġa għal messaġġ singolari, galvanizzanti biex tilħaq din il-firxa ta' udjenzi mal-pajjiż kollu u mad-dinja kollha. B'appoġġ, aħna tajna spazju għar-reklamar lil Know2Protect biex jippubblikaw materjal edukattiv fuq Snapchat, biex tgħin sabiex jintlaħqu l-adolexxenti kull fejn ikunu, u nagħtu prominenza lill-kampanja fuq il-pjattaforma tagħna u fuq iċ-Ċentru tal-Privatezza u s-Sigurtà tagħna.

Barra dan, qed inwettqu riċerka ġdida mal-adolexxenti (bejn it-13 u s-17-il sena) u adulti żgħażagħ (bejn it-18 u l-24 sena) fl-Istati Uniti dwar id-dimensjonijiet varji tal-isfruttar u l-abbuż sesswali tat-tfal (CSEA) online, li se tgħin biex tinforma aktar il-kampanja u l-isforzi tagħna stess biex inkomplu niġġieldu dan l-abbuż ikrah fuq il-pjattaformi u s-servizzi kollha. 

Riżultati tar-riċerka

Mit-28 ta' Marzu 2024 sal-1 ta' April 2024, staqsejna lil 1,037 adolexxent u żagħżugħ(a) ibbażati fil-Istati Uniti, fejn staqsejniehom dwar l-espożizzjoni u l-għarfien tagħhom dwar ir-reati sesswali varji online kontra l-minorenni. Il-parteċipanti rrispondew, fejn għamlu referenza għall-esperjenzi tagħhom dwar firxa ta' pjattaformi u servizzi online, mhux biss Snapchat. Xi riżultati ewlenin inizjali jinkludu:

  • Riskji online relatati mas-sess huma endemiċi għal bosta adolexxenti u adulti żgħażagħ, b'aktar minn żewġ terzi (68%) jirrapportaw li kienu xxerjaw immaġnijiet intimi online jew esperjenzaw imġiba ta' "grooming"1 jew qerq tal-identità2.

  • Personalitajiet foloz huma pervażivi online u huma forza motriċi ewlenija ta' espożizzjoni għar-riskju diġitali. Fost dawk li xxerjaw immaġnijiet intimi, jew esperjenzaw imġiba ta' grooming jew qerq ta' identità, disgħa minn 10 (90%) qalu li l-persuna l-oħra gidbet dwar l-identità tagħha. ​

  • L-ixxerjar ta' immaġnijiet intimi u l-qerq tal-identità huma perkorsi ta' riskju għoli għar-rikatt sesswali online,3 billi kważi nofs dawk li xxerjaw immaġnijiet intimi ġew mhedda bir-rikatt sesswali. L-irġiel kienu aktar suxxettibbli li jġarrbu rikatti sesswali min-nisa (51% vs 42%), u r-rikatti sesswali finanzjarja - fejn jintalbu flus, kards tar-rigali, jew xi ħaġa oħra ta' valur mingħand il-persuna fil-mira - kienet aktar komuni forst l-irġiel (34% vs 9%). F'tali xenarji, in-nisa spiss kienu mitluba għal immaġnijiet sesswali addizzjonali (57% vs 37%). ​

  • Sfortunatament, għalkemm probabbilment mhux sorpriża, persentaġġ notevoli ta' adolexxenti u adulti żgħażagħ (41%) li esperjenzaw wieħed minn dawn it-tliet riskji żammewh għalihom infushom. Kienu biss 37% li rrappurtaw il-grooming lill-pjattaforma online, lill-infurzar tal-liġi, u/jew lil hotline.​ L-immaġnijiet intimi kienu l-uniku riskju fejn persentaġġ tajjeb – iżda xorta insuffiċjenti – ta' dawk fil-mira (63%) irrappurtaw il-problema; aktar minn nofs (56%) qalu li rrappurtaw rikatt sesswali finanzjarja li seħħet permezz tal-qerq tal-identità.

Dawn l-aħħar sejbiet jenfasizzaw l-istudju kontinwu minn Snap dwar il-benesseri diġitali, li s-sena li għaddiet inkluda għadd aktar profond lejn ir-rikatt sesswali fuq l-internet fost l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ. 

Qed nippjanaw li nirrepetu l-istudju aktar tard din is-sena biex jgħinna nikkalkulaw l-impatt tal-kampanja Know2Protect fuq l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ mal-pajjiż kollu.

Il-ħidma ta' Snap fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online 

Barra milli nrawmu l-għarfien ta' din il-ħsara potenzjali, aħna impenjati li neradikaw dan il-kontenut u l-imġiba mis-servizz tagħna. 

Aħna ddeterminati biex Snapchat issir ambjent ostili għall-attività illegali u għandna politika ta' tolleranza żero għal kwalunkwe kontenut jew azzjoni li tinvolvi l-imġiba ħażina sesswali fir-rigward ta' minorenni. Aħna malajr inneħħu kontenut li jikser din il-politika, nieħdu azzjoni kontra kontijiet li joħolqu offiża u nirrapportawhom liċ-Ċentru Nazzjonali tal-Istati Uniti għal Tfal Neqsin u Sfruttati (U.S. National Center for Missing and Exploited Children - NCMEC), irrispettivament minn fejn ikun instab il-kontenut minn madwar id-dinja. Aħna nużaw teknoloġija avvanzata biex b'mod proattiv insibu materjali li jikser il-politika, u nħeġġu lill-membri tal-komunità ta' Snapchat, kif ukoll lill-ħbieb u l-membri tal-familja tagħhom, li forsi ma jużawx l-app, biex jirrappurtaw problemi lilna u lill-aġenti tal-infurzar tal-liġi lokali. Il-membri tal-komunità tagħna jwettqu servizz mill-aqwa meta jikkuntattjaw lil oħrajn, billi jipproteġu lil oħrajn minn ħsara potenzjali. Aħna nieħdu sehem ukoll fl-inizjattiva Take It Down ta' NCMEC u nħeġġu liż-żgħażagħ biex jitgħallmu aktar dwarha u, jekk meħtieġ, jieħdu sehem fil-programm. (Hemm waħda ekwivalenti għall-adulti wkoll, li ngħaqdet magħha Snap is-sena li għaddiet, imsejħa StopNCII.)

Aħna ninteraġixxu wkoll ma' esperti oħrajn mad-dinja kollha, minħabba li l-ebda entità jew organizzazzjoni waħedha ma tista' tħalli impatt materjali fuq dawn il-problemi. Snap tirrappreżenta lill-industrija kollha fuq il-Bord ta' Politika internazzjonali ta' WeProtect Global Alliance; aħna membri tal-Kunsill ta' Konsulenza ta' INHOPE u l-Kunsill tal-Finanzjament ta' UK Internet Watch Foundation; u, is-sena li għaddiet, temmejna terminu ta' sentejn fuq il-Kumitat Eżekuttiv tal-Bord tad-Diretturi tat-Technology Coalition. Dawn l-organizzazzjonijiet kollha għandhom il-qerda tas-CSEA online fil-qalba tal-missjonijiet tagħhom.

Aħna nappoġġjaw is-soluzzjonijiet leġiżlattivi bħall-Kids Online Safety Act, ir-REPORT Act, u x-SHIELD Act fl-Istati Uniti, u ngħinu lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet tagħhom biex dawk li jwettqu l-abbużi jaffaċċjaw il-ġustizzja. Aħna ninvestu wkoll f'riżorsi edukattivi kemm fl-app kif ukoll fuq is-sit web tagħna u matul l-aħħar sena żidna erba' vidjows qosra f'forma ġdida dwar riskji sesswali varji.

L-appoġġ għal Know2Protect huwa estensjoni tal-ħidma li Snap kienet involuta fiha għal bosta snin. Aħna nifirħu lid-DHS għat-tnedija tal-lum u nfaħħru l-isforzi tiegħu biex jeduka lill-pubbliku dwar ir-rwol importanti li aħna lkoll għandna biex ngħinu sabiex neqirdu din il-ħsara terribbli fl-ekostistema teknika sħiħa.

- Jacqueline Beauchere, Kap Globali tas-Sigurtà tal-Pjattaformi

Lura għall-Aħbarijiet
1 It-trawwim għal għanijiet sesswali bl-internet iseħħ meta xi ħadd, ħafna drabi adult, jagħmel ħbieb ma' xi ħadd taħt l-età bil-għan li jisfruttah sesswalment, li jikseb stampi jew filmati mingħandu jew li jiltaqa' miegħu wiċċ imb wiċċ.

2 Il-qerq tal-identità jseħħ meta xi ħadd jagħmilha tabirruħu li hu xi ħadd li mhux biex jonqos lill-vittma u jwasslu biex jaqsam xi informazzjoni personali jew stampi jew filmati sesswali.

3 Ir-rikatt sesswali bl-internet iseħħ meta xi ħadd b'xi mod jikseb jew jgħid li għandu stampi jew filmati intimi ta' xi ħadd ieħor u mbagħad jheddu jew jipprova jirrikattah billi jitlob il-flus, karti rigal, iktar stampi jew filmati sesswali jew informazzjoni oħra biex, suppost, ma jibgħatx bl-internet il-materjal lil familjet jew sħab il-persuna taħt l-età.