Naqsmu t-Tweġiba tagħna lill-Gruppi tas-Soċjetà Ċivili dwar l-Integrità Elettorali

22 ta' April 2024

Aktar kmieni dan ix-xahar, Snap, flimkien ma’ kumpaniji ewlenin oħra tat-teknoloġija, irċiviet ittra minn aktar minn 200 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, riċerkaturi, u ġurnalisti li jħeġġuna nżidu l-isforzi tagħna biex nipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet fl-2024. Aħna napprezzaw is-sostenn tagħhom u nikkondividu l-impenn tagħhom biex jiġi żgurat li n-nies madwar id-dinja jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tagħhom, filwaqt li nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu nipproteġu d-demokrazija tagħna.

Minħabba l-importanza ta' dawn il-kwistjonijiet, u r-responsabbiltà profonda li nħossu għall-mijiet ta' miljuni ta' persuni li jużaw Snapchat biex jikkomunikaw mal-ħbieb u l-familji tagħhom u jsiru jafu aktar dwar id-dinja permezz tal-kontenut tagħna, ħassejna li kien importanti li noħorġu r-rispons tagħna pubblikament. Tista' taqra l-ittra tagħna hawn taħt u ssir taf aktar dwar il-pjanijiet tagħna għall-elezzjoni ta' din is-sena hawn.

***

21 ta' April 2024

Għeżież għaqdiet tas-soċjetà ċivili:

Grazzi għall-viġilanza u s-sostenn kontinwu tiegħek f'din is-sena ta' attività elettorali mingħajr preċedent madwar id-dinja. Ninsabu grati għall-opportunità li naqsmu aktar informazzjoni dwar kif Snap qed taffaċċja r-responsabbiltajiet tagħna f'dan l-ambjent, u kif dawn l-isforzi jfasslu l-valuri dewwiema tal-kumpanija tagħna. 

Ħarsa Ġenerali lejn il-Proċess ta' Snapchat

L-approċċ tagħna għall-integrità tal-pjattaforma b'relazzjoni mal-elezzjoni huwa fuq bosta livelli. F'livell għoli, l-elementi ewlenin jinkludu:

  • Salvagwardji intenzjonali tal-prodott;

  • Politiki ċari u maħsubin;

  • Għarbiel tar-riklami politiċi;

  • Operazzjonijiet kollaborattivi u kkoordinati;

  • Għodod u riżorsi biex nagħtu setgħa ikbar lill-iSnapchatters.


Meħuda flimkien, dawn il-pilastri jsostnu l-approċċ tagħna biex innaqqsu firxa wiesgħa ta’ riskji relatati mal-elezzjonijiet, filwaqt li niżguraw ukoll li l-iSnapchatters ikollhom aċċess għal għodod u informazzjoni li jappoġġaw il-parteċipazzjoni fi proċessi demokratiċi madwar id-dinja.

1. Salvagwardji Intenzjonali tal-Prodott

Mill-bidu nett, Snapchat kienet imfassla b'mod differenti mill-media soċjali tradizzjonali. Snapchat ma tinfetaħx fuq feed ta' kontenut bla tmiem li mhux iċċekkjat, u ma tippermettix li n-nies jagħmlu live streams. 

Ilna li għarafna li l-akbar theddidiet mid-diżinformazzjoni diġitali ta' ħsara joriġinaw mill-veloċità u l-iskala li bihom xi pjattaformi diġitali jħalluha tinxtered. Il-politiki u l-arkitettura tal-pjattaforma tagħna jillimitaw l-opportunitajiet għal kontenut mhux iċċekkjat jew mhux immoderat biex tinkiseb skala sinifikanti mhux iċċekkjata. Minflok, nimmoderaw il-kontenut bil-quddiem qabel ma jkun jista' jiġi amplifikat għal udjenza kbira, u b'mod ġenerali nillimitaw it-tixrid tal-aħbarijiet u l-informazzjoni politika sakemm ma tkunx ġejja minn pubblikuri u kreaturi fdati (inklużi, pereżempju, organizzazzjonijiet tal-media bħal The Wall Street Journal u The Washington Post fl-Istati Uniti, Le Monde fi Franza, u Times Now fl-Indja). 

Matul din l-aħħar sena, l-introduzzjoni ta' karatteristiċi tal-IA ġenerattivi fuq Snapchat ġiet milqugħa bl-istess livell ta' intenzjoni. Aħna nillimitaw il-kapaċitajiet tal-prodotti tal-IA tagħna biex niġġeneraw kontenut jew immaġnijiet li għandu mnejn jintużaw biex jimminaw il-proċessi ċiviċi jew iqarrqu bil-votanti. Iċ-chatbot tagħna, My AI, pereżempju, għandu mnejn jipprovdi informazzjoni dwar avvenimenti politiċi jew kuntest rigward kwistjonijiet soċjali; huwa pprogrammat biex ma joffrix opinjonijiet dwar kandidati politiċi jew iħeġġeġ lis-Snapchatters biex jivvutaw għal riżultat partikolari. U fil-karatteristiċi tagħna ta' kliem għall-immaġni, adottajna restrizzjonijiet fil-livell tas-sistema fuq il-ġenerazzjoni ta' kategoriji ta' kontenut riskjuż, inkluż ix-xebh ta' figuri politiċi magħrufa. 

Għal aktar minn għaxar snin issa, u f'bosta ċikli tal-elezzjonijiet, l-arkitettura tal-prodott tagħna kellha rwol ċentrali biex toħloq ambjent ferm inospitabbli għal atturi li jaħdmu biex jisfrattaw proċessi ċiviċi jew jimminaw l-ambjent tal-informazzjoni. U l-evidenza tindika li dan jaħdem sew. Id-data l-aktar riċenti tagħna tindika li mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2023, l-għadd totali ta' infurzar globalment għal informazzjoni falza ta' ħsara (inklużi riskji għall-integrità tal-elezzjonijiet) irrappreżenta 0.0038% tal-kontenut kollu infurzat, li jaqa' fi ħdan il-kategoriji ta' probabbiltà ta' ħsara l-aktar baxxa fuq il-pjattaforma tagħna.

Se nkomplu naħdmu biex fl-2024 il-ħarsien tal-integrità tal-pjattaforma tagħna tkun parti mis-servizz tagħna, fosthom billi nwettqu l-impenn li ħadna bħala firmatarji tat-Tech Accord to Combat Deceptive Use of AI in 2024 Elections.

2. Politiki Ċari u Maħsubin

Biex nikkumplimentaw is-salvagwardji tal-prodott tagħna, implimentajna firxa ta' politiki li jaħdmu biex javvanzaw is-sigurtà u l-integrità fil-kuntest ta' avvenimenti ta' profil għoli bħal elezzjonijiet. Il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna, pereżempju, jipprojbixxu informazzjoni falza ta' ħsara, diskors ta' mibegħda jew sejħiet għall-vjolenza. 

Fuq is-suġġett ta' kontenut ta' ħsara f'konnessjoni mal-elezzjonijiet, il-politiki esterni tagħna huma sodi u infurmati minn riċerkaturi ewlenin fil-qasam tal-integrità tal-informazzjoni. Huma jiddefinixxu kategoriji speċifiċi ta' kontenut ta' ħsara li huma pprojbiti, inklużi:

  • Interferenza Proċedurali: informazzjoni ħażina relatata ma' elezzjoni attwali jew proċeduri ċiviċi, bħal rappreżentanza ħażina ta' dati u ħinijiet importanti jew rekwiżiti ta' eliġibilità għall-parteċipazzjoni;

  • Interferenza tal-Parteċipazzjoni: kontenut li jinkludi intimidazzjoni għas-sigurtà personali jew ixerred xnigħat biex jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-proċess elettorali jew ċiviku;

  • Parteċipazzjoni frawdolenti jew illegali: kontenut li jħeġġeġ lin-nies jużaw identità b'oħra biex jieħdu sehem fil-proċess ċiviku jew biex jivvutaw kontra l-liġi jew jeqirdu l-vot; u

  • Id-Deleġittimizzazzjoni tal-proċessi ċiviċi: kontenut bl-għan li jtellef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi bi stqarrijiet foloz jew qarrieqa bħal, ngħidu aħna, dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet.

Għandna wkoll linji gwida fi ħdan il-kumpanija tagħna biex niżguraw li t-timijiet tal-għarbiel tagħna jifhmu kif ir-riskji marbuta mal-elezzjonijiet jolqtu kategoriji oħra ta' informazzjoni li tagħmel il-ħsara bħal kliem ta' mibegħda, misoġenija, fastidju maħsub jew nies li jagħmulha tabirruħhom ħaddieħor.

Il-politiki kollha tagħna jgħoddu għal kull xorta ta' kontenut fuq il-pjattaforma tagħna; kemm dawk maħluqa mill-utenti kif ukoll dawk maħluqa mill-IA.1Nagħmluha ċara wkoll li l-politiki kollha jgħoddu bl-istess mod għall-iSnapchatters kollha, huma min huma. F'kull każ, l-għemil tagħna b'rabta ma' kontenut qarrieqi li jagħmel il-ħsara se tkun ċara: inneħħuh. Mhux se nagħtuh tikketta, mhux se nnaqqsulu l-popolarità tiegħu; se nneħħuh. Lill-iSnapchatters li jiksru r-regoli tal-kontenut tagħna se nwiddbuhom u nibagħtulhom messaġġ ta' twissija; jekk ikomplu jiksru r-regoli tagħna, jafu jitilfu l-aċċess għall-kont tagħhom (pero kull Snapchatter se jkollu l-opportunità li jappella d-deċiżjoni dixxiplinarja tagħna). 

3. Għarbiel tar-Riklami Politiċi

Billi aħna pjattaforma li naċċettaw ir-riklami politiċi marbuta mal-elezzjoniji demokratiċi, ħadna ħsieb li ndaħħlu fis-seħħ proċessi reqqi biex nilqgħu għar-riskji marbuta mal-integrità tal-elezzjonijiet. L-iktar ħaġa importanti hi li kull reklam politiku fuq Snapchat jintgħarbel minn bniedem u niċċekkjawh biex niżguraw li jagħti informazzjoni tajba qabel ikun eliġibbli biex jintwera fuq il-pjattaforma tagħna. Biex jgħinuna f'dil-ħidma, naħdmu kif jeħtieġ ma' Poynter u għaqdiet oħra msieħba mal-International Fact Checking Network biex niksbu qejsien indipendenti u mhux partiġġjan dwar jekk l-istqarrijiet tar-reklamaturi jistgħux jiġu vverifikati jew le. Bħala parti mill-proċess ta' għarbiel għar-reklami politiċi, infittxu bir-reqqa għal ħjiel dwar jekk l-IA ntużatx biex toħloq kontenut jew stampi qarrieqa.

Biex ikun trasparenti, reklam għandu jkun ċar dwar min ħallas għalih. U skont il-Politiki għar-Reklami Politiċi tagħna, ma naċċettawx reklami li jitħallsu minn gvernijiet barranin jew nies privati jew entitajiet li jinsabu barra l-pajjiż fejn tkun qed isseħħ l-elezzjoni. Aħna nemmnu li huwa fl-interess pubbliku li wieħed ikun jista' jsib liema reklami politiċi ngħataw permess li jintwerew u li nżommu Biblijoteka tar-Reklami Politiċi li tiġbor fiha informazzjoni bħalma hi l-udjenza mixtieqa għar-riklam, in-nefqiet u dettalji oħra.

Biex niżguraw li nimxu ma' dawn il-proċessi kollha, il-Politiki tal-Kontenut Kummerċjali tagħna ma jħallux lill-influencers jirriklamaw kontenut politiku bil-ħlas jekk mhux b'riklami tradizzjonali. B'hekk niżguraw li l-kontenut politiku bil-ħlas kollu jgħaddi mill-proċess tal-għarbiel tar-riklami u jkollu ċ-ċaħdiet legali meħtieġa.

4. Ħidma Koordinata Id f'Id ma' Ħaddieħor

Aħna ta' Snap nagħżlu li naħdmu ħafna fil-qrib mal-oħrajn matul il-proċessi tal-ħarsien tal-integrità tal-elezzjonijeit tagħna. Fi ħdan il-kumpanija tagħna waqqafna tim għall-integrità tal-elezzjonjiet magħmul minn esperti li jieħdu ħsieb għadd ta' oqsma, fosthom l-informazzjoni ħażina, ir-riklami politiċi u s-sigurtà diġitali, biex iżomm għajnejh fuq dak li jkun qed jiġri b'rabta mal-elezzjonijiet tal-2024 madwar id-dinja kollha. Dat-tim magħmul minn nies ġejjin mill-oqsma kollha tal-kumpanija fosthom mit-timijiet tal-Fiduċja u s-Sigurtà, tal-Għarbiel tal-Kontenut, tal-Inġinerija, tas-Servizz, Legali, tal-Politiki, tal-Privatezza, tas-Sigurtà u oħrajn, u juri l-impenn tagħna li nħarsu l-integrità tal-pjattaforma tagħna.

Fit-timijiet tal-għarbiel u t-twettiq tal-politiki tagħna, għandna nies li jaħdmu bl-ilsna tal-pajjiżi kollha fejn taħdem Snap. għandna wkoll proċess ta' kif inġibu ruħna f'każ ta' kriżi; biex niżguraw li naħdmu mingħajr telf ta' żmien f'każ ta' ġrajjiet dinjija ta' riskju għoli.

Dan it-twemmin li naħdmu id f'id jgħodd ukoll għall-imsieħba barra l-kumpanija tagħna. Ta' sikwit naħdmu mal-persuni interessati fl-oqsma tad-demokrazija u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili biex niksbu l-pariri, il-perspettivi tar-rirċerkau biex niksbu t-tħassib jew rapporti dwar xi aċċidenti.. (Ħafna mill-firmatarji tal-ittra tagħkom imsieħba magħna biex nilħqu dawn l-għanijiet.) Min-naħa tagħna ta' sikwit ngħarrfu lill-gvernijiet u lill-uffiċjali tal-elezzjonijiet dwar kif naħdmu biex inħarsu l-integrità tal-pjattaforma tagħna. Nieħdu sehem ukoll f'inizjattivi ta' ħidma mal-oħrajn, kif għamilna dis-sena billi, ngħidu aħna, naħdmu mas-soċjetà ċivili, mal-awtoritajiet responsabbli mill-elezzjonijiet u mal-persuni interessati l-oħra tal-industrija, biex flimkien infasslu l-Voluntary Election Integrity Guidelines for Technology Companies. Barra minn hekk, nieħdu gost ħafna b'opportunitajiet oħra biex naħdmu id f'id mal-persuni interessati l-oħra kollha biex nilqgħu kontra r-riskji diġitali għall-proċessi ċiviċi.

5. Għodod u riżorsi biex nagħtu setgħa ikbar lill-iSnapchatters

Aħna ta' Snap dejjem emminna li l-impenn ċiviku huwa wieħed mill-aqwa modi ta' kif wieħed jista' jesprimi ruħu. Bħala pjattaforma li tgħin lin-nies jesprimu ruħhom u li tista' tilħaq għadd kbir ta' votanti ġodda, għalina prijorità li ngħinu lill-komunità tagħna tikseb l-aċċess għal informazzjoni preċiża u ta' min joqgħod fuqha dwar l-aħbarijiet u l-ġrajjiet dinjija, fosthom fejn u kif jistgħu jivvutaw għall-elezzjonijiet lokali tagħhom.

Fl-2024 il-ħidma tagħna se tissejjes l-iktar fuq tliet sisien, li baqgħu l-istess matul is-snin: 

  • L-Edukazzjoni: Li fuq Sejjieba nagħtu kontenut veru u siewi dwar l-elezzjonijiet, il-kandidati u l-kwistjonijiet politiċi grazzi għall-kontenut u s-sħubiji tagħna.

  • Ir-Reġistrazzjoni: Li nħeġġu lill-iSnapchatters jirreġistraw biex jivvutaw bl-għajnuna tal-għaqdiet fdati tas-soċjetà ċivili. 

  • Is-Sehem: Li qabel Jum l-Elezzjoni u dakinhar tal-Elezzjoni nużaw l-app biex inħeġġu lill-iSnapchatters jieħdu sehem fil-proċess ċivili u jivvutaw. 


Għalkemm għadna qed naħdmu fuq ħafna minn dal-pjanijiet għall-2024, dawn se jissejsu fuq il-kisbiet li kellna matul is-snin aħna u nwasslu r-riżorsi bl-informazzjoni lill-iSnapchatters.

Għeluq

F'mument tant importanti għad-demokraziji madwar id-dinja u għat-teknoloġiji l-ġodda li qed ifeġġu, importanti ħafna li l-pjattaformi jkunu ċari dwar il-valuri li jħaddnu. U fejn jidħol das-suġġett, il-valuri li nħaddnu ma jistgħux ikunu iktar ċari: ma naċċettawx li l-pjattaforma tagħna tintuża biex thedded il-proċessi ċivili jew li tkun ta' riskju għas-sigurtà tal-iSnapchatters. Għalkemm kburin bil-kisbiet imgħoddija tagħna, għandna nibqgħu b'seba' għajnejn għar-riskji li jġib miegħu żmien l-elezzjonijiet. għalhekk nixtiequ niżżukom ħajr mill-ġdid għas-sehem kostruttiv tagħkom b'rabta ma' dawn il-kwistjonijiet, 

Dejjem tagħkom, 

Kip Wainscott

Kap tal-Politiki tal-Pjattaforma

Lura għall-Aħbarijiet
1 Ta’ min jinnota li l-qsim ta’ kontenut iġġenerat mill-Intelliġenza Artifiċjali jew imsaħħaħ mill-Intelliġenza Artifiċjali fuq Snapchat mhuwiex kontra l-politiki tagħna, u ċertament mhux xi ħaġa li nifhmu li hija intrinsikament ta’ ħsara. Għal ħafna snin issa, Snapchatters sabu ferħ fil-manipulazzjoni ta’ xbihat b’Lentijiet divertenti u esperjenzi ta' Realtà Miżjuda oħra, u aħna eċċitati dwar il-modi kif il-komunità tagħna tista’ tuża l-Intelliġenza Artifiċjali biex tesprimi lilha nfisha b’mod kreattiv. Jekk, madankollu, il-kontenut ikun qarrieqi (jew ta' ħsara), aħna ovvjament inneħħuh, irrispettivament mill-grad sa fejn it-teknoloġija tal-Intelliġenza Artifiċjali setgħet kellha sehem fil-ħolqien tagħha.