20 ta' Ġunju 2023
20 ta' Ġunju 2023
Biex nagħtu ħarsa lejn il-ħidma tas-sigurtà ta' Snap u x-xorta u l-għadd ta' kontenut li jiġu rrapurtati fuq il-pjattaforma tagħna, aħna nippubblikaw rapporti tat-trasparenza darbtejn fis-sena. Aħna impenjati li nkomplu nagħtu iktar dettalji u tagħrif f'dawn ir-rapporti lill-ħafna nies interessati dwar l-għarbiel tal-kontenut tagħna u kif nimxu mal-liġi, kif ukoll il-benesseri tal-komunità tagħna.
Dar-Rapport tat-Trasparenza jiġbor fih l-informazzjoni dwar it-tieni nofs tas-sena 2022 (1 ta' Lulju - 31 ta' Diċembru). Kif għamilna fir-rapporti kollha ta' qabel, f'dar-rapport qsamna d-dejta dwar l-għadd ta' rapporti li daħlulna mill-app dwar il-kontenut u l-kontijiet li kellna nagħmlu xi ħaġa dwarhom u taħt liema kategorija ta' ksur ta' politika kienu jaqgħu; x'kienet it-tweġiba tagħna għat-talbiet mill-forzi tal-ordni u tal-gvernijiet; u l-għemil li wettaqna maqsum pajjiż b'pajjiż. Jiġbor fih ukoll iż-żidiet li dal-aħħar għamilna fir-rapport fosthom ir-Rata ta' Kontenut Muri li Jikser ir-Regoli tal-kontenut ta' Snapchat, il-ksur tal-marki kummerċjali li jaf seħħe u d-drabi meta sibna informazzjoni falza fuq il-pjattaforma.
Biex nuru l-impenn ma jaqta' xejn tagħna li nkomplu ntejbu r-rapporti tat-trasparenza, qed inniedu xi ħwejjeġ ġodda f'dil-verżjoni. Żidna taqsima li jisimha “Ħarsa lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Jiksru r-Regoli” u li turi l-ikbar bidliet fid-dejta meta mqabbla mal-firxa tar-rapport ta' qabel.
Minbarra dawn, bdilna kif nuru d-dejta fit-tabelli tal-kontenut u l-kontijiet li jiksru r-regoli, kemm fuq il-paġna ewlenija kif ukoll fuq il-paġni sekondarji ta' kull pajjiż. Qabel konna nsarbtu l-ksur tar-regoli mill-iktar għall-inqas kontenut imneħħi. Biex inkunu iktar konsistenti, issa qed insarbtu t-tagħrif skont ir-Regoli tal-Komunità tagħna. Għamilna hekk fuq suġġeriment tal-Bord Konsultattiv tas-Sigurtà ta' Snap li minn rajh jgħallem, jisfida, iqajjem il-punti u jikkonsulta lil Snap dwar kif tista' tgħin iżżomm lill-komunità ta' Snapchat sigura.
Fl-aħħar nett, bdilna l-Glossarju u żidnielu ħoloq ta' Taħriġ għar-Regoli tal-Komunità tagħna li jagħti iktar tagħrif marbut mal-politika u l-ħidma tal-pjattaforma tagħna.
Għal iktar tagħrif dwar il-politiki tagħna għall-ġlieda kontra l-ħsarat fuq l-internet u l-ħsibijiet tagħna ta' kif inkomplu ntejbu r-rapporti tagħna, jekk jogħġbok aqra l-artiklu li tellajna dal-aħħar fuq il-blogg tas-Sigurtà u l-Impatt dwar dar-rapport tat-trasparenza.
Għal iktar riżorsi dwar is-sigurtà u l-privatezza fuq Snapchat, iftaħ it-tab Dwar ir-Rapporti tat-Trasparenza li ssib f'qiegħ il-paġna.
Ħarsa Ġenerali lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Kisru l-Politiki Tagħna
Bejn l-1 ta' Lulju 2022 u Diċembru 2022, Snap neħħiet 6,350,594 biċċa kontenut li kiser il-politiki tagħna u li kien ġej minn madwar id-dinja kollha.
Matul iż-żmien tal-firxa tar-rapport, kellna Rata ta' Kontenut Muri li Jikser ir-Regoli (VVR) ta' 0.03 fill-mija. Dan ifisser li minn kull 10,000 Snap jew Storja li ntwerew fuq Snapchat, 3 kellhom kontenut li kien jikser il-politiki tagħna.
*It-twettiq tar-regoli konsistenti u kif suppost għat-tneħħija tal-informazzjoni falza huwa proċess dinamiku li jeħtieġ għaqal u kuntest aġġornat. Aħna u naħdmu biex dejjem intejbu l-preċiżjoni ta' kif l-aġenti tagħna jiġġieldu l-kontenut ta' dil-kategorija, mill-ewwel nofs tas-sena 2022 għażilna li nirrappurtaw il-"Kontenut Imneħħi" u l-"Kontijiet Uniċi Mneħħija" li huma stima maħduma fuq reviżjoni bir-reqqa tal-ispezzjoni tal-kwalità ta' porzjon statistikament importanti tat-tneħħija tal-informazzjoni falza. Il-proċess jaħdem hekk: nieħdu kampjun statistikament importanti tat-tneħħija tal-informazzjoni falza miġbur minn kull pajjiż u niċċekkjaw id-deċiżjonijiet tat-tneħħija għall-kwalità. Imbagħad nużaw dawk it-tneħħijiet iċċekkjati għall-kwalità biex naslu għar-rati tat-tneħħija bi preċiżjoni li nemmnu li hi madwar 95% (il-marġni ta' żball huwa ta' +/- 5%) u li mbagħad nużawha biex naħdmu l-għadd li nsemmu fir-Rapport tat-Trasparenza għat-tneħħija tal-kontenut bl-informazzjoni falza.
Ħarsa lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Kisru l-Politiki Tagħna
F'dil-firxa taż-żmien rajna żieda ta' 38% fl-għadd tal-kontenut u l-kontijiet irrappurtati. Dil-ħaġa wisq probabbli ġejja minn bidla fil-menù tar-rapporti għall-kontijiet fl-app tagħna li wasslet biex l-iSnapchatters ikollhom iktar modi kif jirrappurtaw. Minħabba f'hekk rajna żieda ta' 12% fl-għadd ta' kontenut imneħħi u żieda ta' 40% fl-għadd ta' kontijiet uniċi li neħħejnielhom il-kontijiet. L-iSnapchatters irrappurtaw iktar kontenut u kontijiet għall-ksur marbut mal-kategoriji "Fastidju u Bullying" u "Ħwejjeġ Oħra li Jeħtieġu Liċenzja" u dawn kellhom żieda ta' madwar ~300% u ~100% fl-għadd tar-rapporti u ~83% u ~86% fl-għadd tat-tneħħijiet tal-kontenut. Fil-każ tal-kategorija Spam, rajna wkoll żieda ta' ~68% fir-rapporti u żieda ta' ~88% fil-kontenut imneħħi.
Barra minn hekk, l-għadd ikbar ta' rapporti dwar il-kontenut u l-kontijiet wassal għal żieda fil-ħin meħtieġ biex inwettqu l-għemil ix-xieraq b'rabta mal-kontenut u l-kontijiet. Il-ħin għat-twettiq medjan għall-kontenut u l-kontijiet kollha xorta ma jaqbiżx is-siegħa għall-kategoriji kollha.
Bħala regola ġenerali, għalkemm innutajna żieda f'kull taqsima, nemmnu li importanti li nkomplu ntejbu l-għodda li l-komunità tagħna tuża ta' sikwit u li nirrappurtaw sew kull ksur li jseħħ fuq il-pjattaforma tagħna
Niġġieldu l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal
L-isfruttament sesswali ta' membru tal-komunità tagħna, l-iktar ta' xi ħadd taħt l-età, huwa kontra l-liġi, mistmerr u kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna. Ir-rażna, is-sejbien u l-qerda tal-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal (CSEAI) fuq il-pjattaforma tagħna hija prijorità ewlenija għal Snap u għalhekk il-ħin kollu qed intejbu l-ħiliet tagħna biex niġġieldu kontra dawn ir-reati u reati oħra.
It-tim tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna juża għodda tat-tiftix attiva bħat-tqabbil tal-ħexxijiet dettaljati ta' PhotoDNA u Child Sexual Abuse Imagery Match (CSAI) ta' Google biex infittxu l-istampi u l-filmati magħrufa tal-abbuż sesswali fuq it-tfal u nirrappurtawhom, kif titlob il-liġi, lin-National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) tal-Istati Uniti tal-Amerka. In-National Center for Missing and Exploited Children imbagħad, min-naħa tagħha, taħdem mal-forzi taż-żamma tal-ordni tal-pajjiż jew barra l-pajjiż, skont il-ħtieġa.
Fit-tieni nofs tas-sena 2022, minn rajna sibna u neħħejna 94 fil-mija tal-għadd tal-kontenut li juri l-isfruttament u l-abbuż sesswali fuq it-tfal li daħlilna rapport dwaru.
**Innota li kull sottomissjoni lill-NCMEC jista' jkun fiha bosta biċċiet ta' kontenut. It-total tal-biċċiet individwali tal-midja sottomessi lill-NCMEC huwa ugwali għall-kontenut totali tagħna infurzat.
Kontenut Terroristiku u Estremista Vjolenti
Matul daż-żmien neħħejna 132 kont minħabba li kienu kisru l-politika tagħna kontra l-kontenut terroristiku u estremista vjolenti.
Aħna ta' Snap inneħħu l-kontenut terroristiku u estremista vjolenti li jidħlilna rapport dwaru minn għadd ta' għejun. Fosthom hemm li nħeġġu lill-utenti jirrappurtaw il-kontenut terroristiku u estremista vjolenti mill-menù tar-rapporti direttament fl-app tagħna u naħdmu fil-qrib mal-forzi tal-ordni biex inneħħu l-kontenut terroristiku u estremista vjolenti li jaf jitfaċċa fuq Snap.
Kontenut dwar il-Ħsara fuqek innifsek u s-Suwiċidju
Aħna jimpurtana ħafna mis-saħħa mentali u l-benessri ta’ Snapchatters, li jinforma – u jkompli jinforma – id-deċiżjonijiet tagħna biex nibnu Snapchat b’mod differenti. Bħala pjattaforma mfassla għall-komunikazzjonijiet bejn ħbieb reali, nemmnu li Snapchat jista’ jkollu rwol uniku biex jagħti s-setgħa lill-ħbieb biex jgħinu lil xulxin fi żminijiet diffiċli.
Meta t-tim tagħna ta’ Trust & Safety jirrikonoxxi Snapchatter f’diffikultà, jista’ jgħaddi r-riżorsi ta’ prevenzjoni tal-ħsara u ta’ appoġġ, u jinnotifika lill-persunal ta’ reazzjoni ta’ emerġenza meta jkun xieraq. Ir-riżorsi li naqsmu huma disponibbli fuq il-listaglobali tagħna ta' riżorsi ta' sikurezza, u dawn huma pubblikament disponibbli għall-Snapchaters kollha.
Ħarsa Ġenerali tal-Pajjiż
Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn it-twettiq tar-Regoli tal-Komunità tagħna skont kampjun ta' reġjuni ġeografiċi. Ir-Regoli tagħna jgħoddu għall-kontenut kollu—u l-iSnapchatters kollha—fuq Snapchat madwar id-dinja kollha; jinsabu fejn jinsabu.
Informazzjoni għal pajjiżi individwali hija disponibbli biex titniżżel permezz tal-fajl CSV mehmuż:

























