logoSnap Values
Rapport tat-Trasparenza
1 ta' Jannar 2022 – 30 ta' Ġunju 2022

Maħruġ:

29 ta' Novembru 2022

Inbidel:

29 ta' Novembru 2022

Biex nagħtu ħarsa lejn il-ħidma tas-sigurtà ta' Snap u x-xorta u l-għadd ta' kontenut li jiġu rrapurtati fuq il-pjattaforma tagħna, aħna nippubblikaw rapporti tat-trasparenza darbtejn fis-sena. Aħna impenjati li nkomplu nagħtu iktar dettalji u tagħrif f'dawn ir-rapporti lill-ħafna nies interessati dwar l-għarbiel tal-kontenut tagħna u kif nimxu mal-liġi, kif ukoll il-benesseri tal-komunità tagħna. 

Dar-rapport jitħaddet dwar l-ewwel nofs tas-sena 2022 (1 ta' Jannar - 30 ta' Ġunju). Kif għamilna fir-rapporti ta' qabel, qed naqsmu d-dejta dwar l-għadd ta' kontenut u kontijiet irrappurtati mill-apps u li neħħejna skont ix-xorta tal-ksur; kif weġibna għat-talbiet tal-forzi tal-ordni u tal-gvernijiet u t-twettiq li wettaqna pajjiż b'pajjiż. Ir-rapporti juri wkoll iż-żidiet li għamilna dal-aħħar ma' dar-rapport fosthom ir-Rata ta' Kontenut Muri li Jikser ir-Regoli (VVR) fuq Snapchat, il-ksur tal-marki kummerċjali li jaf seħħ u l-aċċidenti ta' informazzjoni falza fuq il-pjattaforma tagħna.

Bħala parti mill-impenn ma jaqta' xejn tagħna lejn ir-rapporti tat-trasparenza, qed inniedu għadd ta' ħwejjeġ ġodda f'dar-rapport. Għal dar-rapport u r-rapporti tal-ġejjieni qed inżidu glossarju tat-termini li użajna fir-rapport. L-għan tagħna huwa li kulħadd jifhem aħjar xi jfissru dat-termini, li nagħmluha ċara f'liema kategorija jaqa' x-xorta tal-kontenut li jikser ir-regoli li qisna għar-rapport u li neħħejna. Għall-ewwel darba qed nifirdu l-informazzjoni falza bħala kategorija għaliha għal kull pajjiż biex nagħtu iktar tagħrif minn qabel fejn konna qed nuru l-informazzjoni falza fuq livell dinji. 

Barra minn hekk, qed nagħtu ħarsa dettaljata eqreb lejn il-ħidmiet tagħna biex niġġieldu kontra l-Kontenut li juri l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal (CSEAI). FIl-ġejjieni se nkunu qed naqsmu t-tagħrif dwar l-għadd ta' kontenut CSEAI li neħħejna kif ukoll l-għadd ta' rapporti CSEAI* (ċoè “CyberTips”) li nkunu ressaqna lin-National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) tal-Istati Uniti tal-Amerka. 

Għal iktar tagħrif dwar il-politiki tagħna għall-ġlieda kontra l-ħsarat fuq l-internet u l-ħsibijiet tagħna ta' kif inkomplu ntejbu r-rapporti tagħna, jekk jogħġbok aqra l-artiklu li tellajna dal-aħħar fuq il-blogg tas-Sigurtà u l-Impatt dwar dar-rapport tat-trasparenza. 

Għal iktar riżorsi dwar is-sigurtà u l-privatezza fuq Snapchat, iftaħ it-tab Dwar ir-Rapporti tat-Trasparenza li ssib f'qiegħ il-paġna.

Ħarsa Ġenerali lejn il-Kontenut u l-Kontijiet li Kisru l-Politiki Tagħna

Mill-1 ta' Jannar 2022 sat-30 ta' Ġunju 2022, madwar id-dinja neħħejna 5,688,970 biċċa kontenut li kienu qed jiksru l-politiki tagħna. Fost l-għemil għat-twettiq tar-regoli li nagħmlu hemm it-tneħħija tal-kontenut li jikser ir-regoli jew l-għeluq tal-kont li jkun kiser ir-regoli. 

Matul iż-żmien tal-firxa tar-rapport, kellna Rata ta' Kontenut Muri li Jikser ir-Regoli (VVR) ta' 0.04 fill-mija. Dan ifisser li minn kull 10,000 Snap jew Storja li ntwerew fuq Snapchat, 4 kellhom kontenut li kien jikser il-politiki tagħna.