Snap Values

Ir-riżultat ta' riċerka ġdida juri li iktar adoloxxenti qed jitkellmu wara li jħabbtu wiċċhom mar-riskji fuq l-internet

13 ta' Novembru 2025

Il-biċċa l-kbira tal-adoloxxenti qed jitkellmu mal-ġenituri, ma' sħabhom, ma' qrabathom u ma' nies oħra li jafdaw f'ħajjithom wara li jħabbtu wiċċhom mar-riskji fuq l-internet, skont riċerka ġdida - żvilupp pożittiv ħafna. Imma r-riżultati wrew ukoll li l-adoloxxenti joqogħdu iktar lura meta jħabbtu wiċċhom ma' problemi iktar personali fuq l-internet, fosthom fejn jidħlu r-riskji sesswali u l-ħsara fuqhom infushom.   

Seba' minn kull għaxar adoloxxenti (71%) ta' bejn it-13-il sena u s-17-il sena minn sitt pajjiżi qalulna li talbu l-għajnuna jew tkellmu ma' xi ħadd wara li ħabbtu wiċċhom ma' xi riskju fuq l-internet, bħal kuntatt mhux mixtieq jew bullying fuq l-internet. Dan jitqabbel mas-68% li qalulna li tkellmu ma' xi ħadd wara xi aċċident fuq l-internet is-sena li għaddiet, u n-numru l-iktar baxx ta' 59% li sibna fl-2023. U meta ġew esposti għar-riskji li kienu jinvolvu theddid li ġej minn xi ħadd ieħor, bħal catfishing 1u grooming 2, perċentwali jerġgħa ikbar tal-adoloxxenti (84%) qalulna li tkellmu ma' xi ħadd; żieda ta' 10% mill-2024. Barra minn hekk, kważi disa' minn kull għaxar ġenituri tal-adoloxxenti ta' bejn it-13 u d-19-il sena (88%) qalulna li wliedhom kellmuhom direttament dwar il-problemi marbuta mat-teknoloġija, żieda mis-86% fit-tliet snin ta' qabel. Biss, meta ħabbtu wiċċhom ma' riskji sesswali, kontenut estremista vjolenti u ma' ħsara fuqhom infushom, kien hemm perċentwali inqas ta' adoloxxenti li tkellmu mal-ġenituri tagħhom, li jfisser l-adulti saru jafu b'dax-xorta ta' problemi tal-adoloxxenti jew waħidhom jew minn ħaddieħor. 

Dawn ir-riżultati huma parti minn studju ta' ħames snin li Snap qed twettaq dwar il-benesseri diġitali tal-Ġenerazzjoni Ż ġewwa l-Awstralja, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka. Aħna nistaqsu lill-adoloxxenti (ta' bejn it-13-il sena u s-17-il sena), liż-żgħażagħ (ta' bejn it-18-il sena u 24 sena) u lill-ġenituri tat-tfal bejn it-13-il sena u d-19-il sena dwar kemm iż-żgħażagħ tagħna jħabbtu wiċċhom mar-riskji fuq l-internet. L-istħarriġ tal-2025 tmexxa bejn id-29 ta' April u l-1 ta' Mejju u ġabar it-tweġibiet ta' 9,307 persuni mit-tlett demografiji u minn sitt pajjiżi differenti. Snap tordna dal-istħarriġ kull sena, imma tistaqsi dwar l-esperjenzi fuq l-internet tal-Ġenerazzjoni Ż fuq il-pjattaformi u s-servizzi tal-internet kollha, mingħajr ma tiffoka speċifikament fuq Snapchat.

Qed noħorġu dar-riżultati b'rabta mal-Jum Dinji tal-Għemil Tajjeb tal-2025 bil-għan li nħeġġu lill-ġenituri, lill-gwardjani legali u lill-adulti fdati oħra biex regolarment jistaqsu lill-membri tal-Ġenerazzjoni Ż f'ħajjithom dwar x'inhu jiġri fil-ħajja diġitali tagħhom. Staqsu mistoqsijiet dwar ħbieb u għemil fuq l-internet; tkellmu dwar drawwiet u mġibiet diġitali ta' ġid; esploraw il-kors interattiv il-ġdid dwar it-taħriġ tas-sigurtà diġitali ta' Snap fuq l-internet, The Keys; u biex jgħinkom żżommu għajnejkom fuq l-għemil tal-adoloxxenti, b'mod partikolari dawk ta' età iżgħar, fuq l-internet, irreġistraw għaċ-Ċentru tal-Familja ta' Snapchat.  

The Keys: Gwida tas-Sigurtà Diġitali 

Maħruġ f'Settembru, The Keys huwa kors interrativ b'taħriġ dwar is-sigurtà diġitali fuq l-internet maħsub speċifikament għall-adoloxxenti u l-ġenituri tagħhom. Il-ħaġa li tagħmel dan il-kors wieħed uniku huwa l-fatt li mhux biss jgħarraf lill-adoloxxenti dwar ir-riskji fuq l-internet, imma jgħinhom ukoll irawmu ħiliet prattiċi billi jifhmu kif għandhom iġibu ruħhom fl-iktar sitwazzjonijiet iebsa li jafu jħabbtu wiċċhom magħhom fuq l-internet - bħal bullying u fastidju, l-użu tad-drogi llegali, istampi intimi ta' għera u rikatti sesswali.

L-għan tagħna fejn jidħol The Keys huwa li nħarrġu kemm jista' jkun adoloxxenti billi jieħdu dan il-kors u ngħinuhom jagħtu kelmthom li se jieħdu deċiżjonijiet bilgħaqal għalihom u għall-oħrajn fuq l-internet. Idealment, jieħdu dan il-kors ma' xi ġenitur, gwardjan legali jew adult ieħor li jafdaw biex ikunu jistgħu jkollhom djalogi sinifikanti magħhom u jitħaddu dwar kwistjonijiet sensittivi flimkien. Nixtiequ nħarrġu lill-adoloxxenti bl-għarfien u l-ħiliet biex jagħrfu r-riskji u nrawwmu fihom il-kunfidenza li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jagħmlu dak li meħtieġ biex iħarsu lilhom infushom. Sir af iktar fuq thekeys.snapchat.com

Ċentru tal-Familja

Iċ-Ċentru tal-Familja huwa ġabra ta' għodda għall-ġenituri li joffru lill-ġenituri, lill-gwardjani legali u lil adulti fdati oħra ħarsa lejn il-ħbieb u l-imġibiet tal-adoloxxenti tagħhom fuq Snapchat, waqt li jżomm il-messaġġi tal-adoloxxenti privati. Iċ-Ċentru tal-Familja, li nedejnieh fl-2022, iħalli lill-ġenituri jsibu min huma sħab l-adoloxxenti tagħhom fuq Snapchat u ma' min ikkomunikaw fis-sebat ijiem ta' qabel, mingħajr ma jikxef il-kontenut tal-messaġġi tal-adoloxxent. L-għan ewlieni taċ-Ċentru tal-Familja huwa l-bilanċ - il-bilanċ bejn il-ħtiġijiet għall-privatezza tal-adoloxxenti f'dan iż-żmien tant importanti għall-iżvilupp personali tagħhom, waqt li joffri l-ġenituri ħarsa lejn il-ħbieb tal-adoloxxenti tagħhom fuq Snapchat u ma' min qed jikkomunikaw dal-aħħar. 

Minn mindu nedejna ċ-Ċentru tal-Familja, komplejna nżidu faċilitajiet ġodda u funzjonalità, inkluż il-faċilità li l-adulti ma jħallux lill-adoloxxenti jikkomunikaw ma' My AI, il-bot għat-taħditiet ta' Snapchat; li jitolbu li jsibu fejn jinsab l-adoloxxent fuq il-Mappa ta' Snap; u li jsibu d-data u s-sena tat-twelid li użaw l-adoloxxenti meta rreġistraw fuq Snapchat. Naqqasna wkoll l-età minima għall-18-il sena għall-adult biex ikun jista jieħu ħsieb adoloxxent, biex b'hekk aħwa ta' età ikbar, kuġini u membri tal-familja oħra (li jafu jħossuhom iktar komdi jużaw Snapchat) ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lill-adoloxxenti fuq l-app. 

Minn Jum Dinji tal-Għemil Tajjeb għal Jum l-Internet Iktar Sigur

F'inqas minn tliet xhur, se niċċelebraw it-22 anniversarju tal-Jum l-Internet Iktar Sigur (SID). Għal SID 2026, se nippubblikaw ir-riżultati kollha tar-riċerka li wettaqna fl-2025 dwar il-benesseri diġitali. Sadattant, inħeġġu lill-adoloxxenti, lill-ġenituri tagħhom u lil adulti oħra biex jużaw l-għodda u r-riżorsi li nipprovdu - fl-app u fuq is-sit tagħna - biex jgħinuna noħolqu kultura dinjija ta' sigurtà, kreattività u konnessjoni fuq l-internet, kemm fuq Snapchat kif ukoll fl-ispazji diġitali l-oħra. 

-Jacqueline Beauchere, il-Kap Dinji tas-Sigurtà fuq il-Pjattaforma

Lura għall-Aħbarijiet