Il-Ħidma għas-Sehem Ċiviku fl-Elezzjoni Ġenerali tar-Renju Unit Imwettqa minn Snap Għenet Biex Kull 5 Minuti 3,000 Żagħżugħ Jirreġistraw Biex Jivvutaw

28 ta' Lulju 2024

Aħna ta' Snap nemmnu li s-sehem ċiviku huwa wieħed mill-iktar forom qawwija li bihom tista' tesprimi ruħek - u li ngħinu lin-nies jesprimu ruħhom huwa wieħed mill-valuri li Snapchat imsejsa fuqhom. Nifhmu li billi l-Elezzjoni Ġenerali tar-Renju Unit tal-4 ta' Lulju fil-qrib, sakemm tgħaddi l-elezzjoni għandna dmir speċjali li nħeġġu lill-votanti żgħażagħ imorru jivvutaw u nrawmu fihom is-sens ċiviku – il-messaġġ tagħna fir-Renju Unit jilħaq lil 90% ta' dawk bejn it-13 u l-24 sena u għandna iktar minn 21 miljun utent li ta' kull xahar jużaw Snapchat fir-Renju Unit.

Kburin li sseħibna ma' My Life My Say (MLMS), għaqda mingħajr skop ta' qligħ li xogħolha tħeġġeġ liż-żgħażagħ jirreġistraw biex jivvutaw, biex ngħinu fil-kampanja tagħha li tħeġġeġ liż-żgħażagħ 'Jimmarkaw b'X' dawk is-suġġetti li jolqtuhom l-iktar bħal, ngħidu aħna, il-prezzijiet tal-kera u l-bidla fil-klima.

Bħala parti minn dis-sħubija, Snap ħolqot Filtru speċjali għall-elezzjoni li juża t-teknoloġija tar-Realtà Miżjuda (AR) u li nedietu fit-18 ta' Ġunju, il-Jum Nazzjonali għar-Reġistrazzjoni tal-Votanti. Dan wassal għal għadd ta' reġistrazzjonijiet rekord: 1.64 miljun reġistrazzjoni mill-votanti bejn l-etajiet ta' 18 u 34 sena fir-Renju Unit. Il-kampanja u l-Filtru ta' Snapchat wasslu biex kull ħames minuti 3,000 persuna jirreġistraw!

Issa li qed nistennew jum il-votazzjoni, nedejna Lenti interattiva flimkien ma' MLMS biex inħeġġu lin-nies imorru jivvutaw. Il-Lenti tagħtihom l-informazzjoni li jafu jeħtieġu biex jivvutaw bħal, ngħidu aħna, il-post tal-votazzjoni tagħhom. Nhar l-4 ta' Lulju se nkunu qed naqsmu dil-Lenti mal-iSnapchatters kollha firr-Renju Unit biex infakkruhom imorru jivvutaw. 

Ninsabu ferħanin ukoll bis-sħubija tagħna ma' BBC, kumpanija tal-aħbarijiet importanti ħafna għal Snap, biex inniedu l-countdown għall-Filtru tar-Realtà Miżjuda u nħeġġu n-nies imorru jivvutaw. BBC għandha ċentru apposta għall-Elezzjoni Ġenerali li huwa sors tal-informazzjoni importanti ħafna għall-votanti tar-Renju Unit — dal-Filtru marbut mal-gwida tal-votazzjoni ta' BBC u se jgħin liż-żgħażagħ jifhmu kif taħdem l-elezzjoni kif ukoll dak li għandhom u m'għandhomx jagħmlu dakinhar tal-votazzjoni. Il-Filtru tar-Realtà Miżjuda li sseħibna biex naħdmu fuqu se jissemma fuq l-istazzjonijiet ta' BBC fil-jiem ta' qabel l-4 ta' Lulju.

Din is-sħubija hija waħda fost ħafna sħubiji oħrajn ma' għadd ta' xandara bħal The Rest is Politics, The Telegraph, Sky News UK u Sky Breaking News, The Guardian, u The Mirror, li huma sorsi tal-informazzjoni fdati biex naqsmu l-informazzjoni li jagħtu mal-komunità tagħna ħalli tkun taf x'inhu jiġri u tkun tista' tagħti s-sehem tagħha f'dak marbut mal-elezzjonijiet. 

Niġġieldu l-informazzjoni ħażina marbuta mal-Elezzjoni Ġenerali


L-2024 hija s-sena dinjija tal-elezzjonijiet fejn iktar minn 50 pajjiż se jkunu qed jivvutaw matul is-sena, fosthom ir-Renju Unit nhar l-4 ta' Lulju. Iktar kmieni dis-sena Snap qasmet il-pjanijiet li fasslet biex tħejji ruħha għal dawn l-elezzjonijiet ħalli tħares l-integrità tal-elezzjonijiet u tħares lill-iSnapchatters mill-informazzjoni ħażina. Din l-aħbar tkompli mal-artiklu tal-blogg tagħna marbut mal-elezzjoni tal-UE li tellajna dal-aħħar li wera kif il-proċessi tagħna jaħdmu tajjeb ħafna.

Aħna impenjati li ma nħallux l-informazzjoni ħażina tinxtered. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna dejjem kienu kontra t-tixrid tal-informazzjoni ħażina u l-kontenut li bi ħsieb iqarraq b'ħaddieħor – fosthom id-deepfakes u l-kontenut imbagħbas biex iqarraq bin-nies; kemm jekk inħoloq bl-IA kif ukoll jekk inħoloq mill-bniedem.

Nifhmu li fi żmien l-elezzjoni jaf ikun hemm tixrid tal-informazzjoni ħażina dwar il-partiti politiċi u, għalkemm is-sistema tal-pjattaforma ta' Snap tfasslet biex ma nħallux it-tixrid tal-informazzjoni ħażina, daħħalna fis-seħħ proċessi oħra biex inħarsu u nagħtu l-iġded tagħrif lill-komunità tagħna fir-Renju Unit. Dan jinkludi:

  • Isseħibna ma' Logically Facts, waħda mill-għaqdiet tal-konferma tal-fatti ewlenin u firmatarja verifikata tal-International Fact-Checking Network (IFCN) biex tgħinna nivverifikaw il-fatti marbuta mal-istqarrijiet tar-riklami politiċi li jintwerew fir-Renju Unit.

  • Tlabna lir-robot tat-taħdit tagħna, My AI, biex ma jitħadditx dwar suġġetti jew persuni politiċi.

  • Fassalna politika ċara għall-kontenut politiku fuq Snapchat għall-Istilel ta' Snap tar-Renju Unit u waqqafna timijiet apposta li jieħdu ħsieb il-mistoqsijiet kollha marbuta mal-elezzjonijiet u l-kontenut marbut mal-elezzjonijiet.

Aħna nemmnu li dawn il-proċessi jgħinuna nħeġġu lill-komunità tagħna biex tuża l-jedd tal-vot tagħha u biex jgħinuna nżommu Snapchat post fejn tista' ssib aħbarijiet u informazzjoni siguri, responsabbli, preċiżi u siewja.

Lura għall-Aħbarijiet