Snap Values

Il-Kollaborazzjoni ta' Snapchat mal-Forzi tal-Ordni Tkompli bir-Raba' Konferenza Annwali

18 ta' Diċembru 2024

Nhar il-11 ta' Diċembru, organizzajna r-raba' Konferenza annwali tagħna għall-Forzi tal-Ordni tal-Istati Uniti tal-Amerka, fejn laqqajna flimkien eluf ta' uffiċjali tal-forzi tal-ordni lokali, statali u federali minn madwar il-pajjiż kollu biex isiru jafu iktar kif Snap tgħinhom bl-investigazzjonijiet tagħhom u kif taħdem biex iżżomm l-iSnapchatters siguri. Iktar minn 6,500 membru tal-komunità tal-forzi tal-ordni tal-Istati Uniti tal-Amerka rreġistraw għal dal-avveniment.

Evan Spiegel, is-CEO tagħna, beda l-konferenza billi tkellem dwar il-missjoni kruċjali tal-komunità tal-forzi tal-ordni tal-Istati Uniti tal-Amerka u ddiskuta l-impenn ta' Snap li jaħdmu flimkien u qasam il-viżjoni tiegħu għal Snapchat.    

Matul is-sagħtejn ta' dil-konferenza, iffukajna fuq l-għodda u r-riżorsi li l-forzi tal-ordni jistgħu jużaw matul il-ħidma tagħhom biex iħarsu l-komunità tagħna. Il-membri tat-tim ta' Snap iddiskutew 1) ir-riżorsi u l-proċessi li għandna fis-seħħ, 2) it-tijib li għamilna fl-2024 fis-servizz tagħna biex nagħmlu Snapchat post iktar sigur u 3) is-sħubiji tagħna ma' msieħba f'għadd ta' oqsma. 

Matul il-konferenza, aħna nfittxu biex nilħqu l-ikbar firxa possibbli ta' oqsma tal-komunità tal-forzi tal-ordni tal-Istati Uniti tal-Amerka, inrawmu kuntatti ġodda u nipprovdu informazzjoni siewja dwar il-politiki, il-proċessi u l-għodda tas-sigurtà tagħna.  

It-Timijiet tal-Ħidma għas-Sigurtà tagħna 

Introduċejna lill-parteċipanti ma xi wħud mill-membri tat-tim tagħna u mar-riżorsi li għandna fis-seħħ biex ngħinu nħarsu lill-komunità tagħna. It-tim tal-Ħidma għas-Sigurtà tagħna jinkludi t-timijiet tal-Fiduċja u s-Sigurtà u tal-Ħidma mal-Forzi tal-Ordni u t-tnejn li huma jaħdmu mal-forzi tal-ordni u jwieġbu għar-rapporti ta' tħassib tas-sigurtà li jidħlu mill-iSnapchatters u minn rappurtaturi barra l-kumpanija tagħna. 

It-tim tal-Fiduċja u s-Sigurtà — li jinkludi eks membri tal-forzi tal-ordni, eks ħaddiema tal-gvern u eks ħaddiema tan-National Center for Missing and Exploited Children — huwa ddedikat biex jippreveni u jneħħi lin-nies bi ħsibijiet ħżiena minn Snapchat billi jistħarreġ ir-rapporti u juża teknoloġija mill-iktar avvanzata bħal intelliġenza artifiċjali biex b'mod proattiv jidentifika kontenut li jikser ir-regoli tagħna.

It-tim tal-Ħidma mal-Forzi tal-Ordni tagħna, magħruf bħala LEO, huwa t-tim li jaħdem l-iktar fil-qrib mal-forzi tal-ordni. It-tim LEO huwa ddedikat biex jirrispondi għat-talbiet legali mressqa mill-forzi tal-ordni, jaqsam id-dejta mal-forzi tal-ordni f'każijiet tal-emerġenza u jikkomunika b'mod ġenerali u jwieġeb il-mistoqsijiet mill-forzi tal-ordni dwar is-sigurtà fuq Snapchat. 

It-tim tal-Ħidma għas-Sigurtà ta' Snapchat jaħdem 24 siegħa kuljum b'membri bbażati madwar id-dinja. Biss biss, fl-aħħar ħames snin, it-tim tal-Ħidma mal-Forzi tal-Ordni tagħna kiber bi tliet darbiet u t-tim tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna kiber b'madwar 150 fil-mija biex inkunu nistgħu nirrispondu iktar malajr għall-bżonnijiet tal-komunità tagħna.  

Faċilitajiet tas-sigurtà ġodda 

Għalkemm diġà għandna faċilitajiet ta' protezzjoni b'saħħithom fis-seħħ, kontinwament infittxu modi ġodda biex intejbu s-sigurtà tal-pjattaforma tagħna dejjem iktar. Diġà, nagħmlu l-listi tal-ħbieb tagħna privati biex innaqqsu l-pressjoni soċjali. Ma nħallu lil ħadd jjġi kkuntattjat direttament minn ħadd sakemm ma jkunux diġa miżjuda bħala ħabib(a) tagħhom jew ma jkunux fuq il-lista tal-kuntatti tal-mowbajl tagħhom. U s-settings prinċipali tal-privatezza, inkluż il-qsim tal-post fejn tinsab, huma programmati għall-iktar standards stretti ta' privatezza b'mod awtomatiku. 

Dis-sena nedejna metodi ta' protezzjoni addizzjonali għall-adoloxxenti, li semmejniehom matul il-konferenza. Ħdima biex intejbu l-għodda tal-imblukkar tagħna u t-twissijiet fl-app biex nagħmluha iktar diffiċli għal nies li ma jafux lil xulxin biex jikkuntattjaw lill-adoloxxenti. It-twissijiet fl-app tagħna issa jinkorporaw sinjali ġodda u iktar avvanzati. Ngħidu aħna, adoloxxenti jistgħu jaraw twissija jekk jirċievu messaġġ privat mingħand xi ħadd li ġie mblukkat jew irrappurtat minn oħrajn, jew jekk hu minn reġjun fejn sħab l-adoloxxent mhux is-soltu jinstabu.

Ħabbarna wkoll faċilitajiet ġodda għall-qsim tal-post fejn tinsab għaċ-Ċentru tal-Familja, iċ-ċentru fl-app ta' Snapchat li joffri għodda u riżorsi għall-ġenituri. Flimkien ma aġġornamenti oħra, il-ġenituri issa jistgħu jitolbu lill-adoloxxenti tagħhom biex jaqsmu l-post fejn jinsabu fuq il-Mappa ta' Snap.

Sħubiji

Minbarra li naħdmu mal-forzi tal-ordni, nemmnu li ħidma bbażata fuq sħubija ma' entitajiet f'għadd ta' oqsma huwa mod effettiv biex nżommu l-iSnapchatters siguri u infurmati kemm jista' jkun possibbli. Waqt il-konferenza tħadditna dwar is-sħubiji tagħna ma' Safe and Sound Schools biex noħolqu kaxxa tal-għodda għall-għalliema u mad-Dipartiment tas-Sigurtà Nazzjonali għall-kampanja “Know2Protect” biex ngħinu ninfurmaw lill-adoloxxenti dwar is-sigurtà fuq l-internet. Ħerqana li nkomplu l-ħidma tagħna ma' dawn l-imsieħba f'għadd ta' oqsma biex nedukaw u nħarsu lill-komunità tagħna.

Aħna u nħarsu 'l quddiem lejn l-2025, nifhmu li hemm ħafna xogħol lest għalina. Niżżu ħajr lil dawk kollha li ħadu sehem fil-konferenza għas-sehem attiv tagħhom biex flimkien inkomplu nibnu relazzjoni tajba mal-forzi tal-ordni madwar id-dinja kollha biex inħarsu lill-komunità tagħna. 

– Rachel Hochhauser, Kap tal-Komunikazzjoni tal-Ħidma għas-Sigurtà

Lura għall-Aħbarijiet