Xhieda bil-Miktub ta' Evan Spiegel Quddiem il-Kungress tas-Senat
31 ta' Jannar 2024
Xhieda bil-Miktub ta' Evan Spiegel Quddiem il-Kungress tas-Senat
31 ta' Jannar 2024
Illum, wieħed mill-fundaturi tagħna u s-CEO Evan Spiegel se jingħaqad ma' pjattaformi tat-teknoloġija oħra biex jixhed quddiem il-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerka. Hawn taħt tista' taqra x-xhieda kollha bil-miktub ta' Evan, kif intbagħtet bil-quddiem lill-Kumitat.
***
Chairman Durbin, Membru Anzjan Graham u l-membri l-oħra tal-Kumitat. Grazzi talli stedintuni biex illum nidher quddiemkom biex ngħarrafkom dwar il-ħidma tagħna biex inħarsu liż-żgħażagħ fuq Snapchat. Jien Evan Spiegel, CEO u wieħed mill-fundaturi ta' Snap. Is-servizz tagħna, Snapchat, jintuża minn iktar minn 100 miljun Amerikan, fosthom iktar minn 20 miljun adoloxxent, biex jikkomunikaw ma' sħabhom u qrabathoom. Għandna responsabbiltà kbira ħafna li nżommu l-komunità tagħna sigura.
Nafu li Snapchat hija pjattaforma magħrufa u li tintuża fuq skala kbira, u dan ifisser li se jkun hemm nies bi ħsibijiet ħżiena li se jippruvaw jabbużaw is-servizz tagħna biex japprofittaw ruħhom mill-komunità tagħna. Għalhekk, f'din ir-realtà fejn il-ħin kollu qed ifeġġu theddidiet ġodda, qed naħdmu kontinwament biex intejbu l-għodod tas-sigurtà tagħna u ninvestu fil-ħarsien tal-komunità tagħna. Il-ħarsien tal-iSnapchatters huwa responsabbiltà morali u importanti ħafna għalina bħala negozju. Nixtieq naqsam ftit iktar informazzjoni dwar kif qed naħdmu bex nikkumbattu l-ikbar theddidiet, imma billi din l-ewwel darba li qed nidher quddiem il-Kumitat, l-ewwel nixtieq nagħti ftit iktar tagħrif dwar is-servizz tagħna.
Meta jien u l-fundatur l-ieħor, Bobby Murphy, bdejna Snapchat fl-2011, l-għan tagħna kien li noħolqu xi ħaġa ġdida. Kbira mdawrin bil-midja soċjali u l-effetti tagħha kienu koroh ħafna għalina – qisu għandek kompetizzjoni pubblika tal-popolarità fejn kulħadd jiġġudikak il-ħin kollu. Il-midja soċjali kienet post fejn ittella' r-ritratti perfetti, minflok post fejn taqsam il-ħajja ta' kuljum li, aħna nemmnu, jsaħħu l-ħbiberiji ta' veru.
Aħna bnejna Snapchat biex noħolqu mod ġdid kif tikkomunika ma' sħabek u qrabatek, biex tagħti ħarsa lejn ħajtek ta' kuljum meta tixtieq u biex ngħinu lin-nies iħossuhom qrib xulxin anki jekk ikunu fiżikament 'l bogħod minn xulxin. Il-biċċa l-kbira tan-nies jużaw Snapchat biex jitħaddtu ma' sħabhom. Fassalna Snapchat biex l-ewwel ma titla' hija l-kamera u mhux il-kontenut li jkun ħoloq ħaddieħor -- biex inħeġġu lin-nies ikunu kreattivi minflok konsumaturi passivi tal-kontenut. Meta n-nies jużaw Snapchat biex jaqsmu l-iStory tagħhom ma' sħabhom, ma hemm l-ebda "Jogħġobni" jew kummenti pubbliċi.
Biex inżommu kollox temporanju fuq Snapchat, bħala regola standard, il-messaġġi jitħassru waħidhom biex Snapchat tinħass qisha telefonata jew taħdita wiċċ imb wiċċ li mihiex irrekordjata jew li tibqa hemm għal dejjem. Din għenet miljuni ta' Amerikani jħossuhom iktar komdi jesprimu ruħhom u jaqsmu ma' sħabhom u qrabathom kif vera jħossuhom. Meta n-nies jirreġistraw għal Snapchat, nagħmluha ċara li avolja it-taħditiet kollha jitħassru bħala regola standard, messaġġi jistgħu jintrefgħu jew jitteħdilhom ritratt tal-iskrin minn min irċevihom.
Meta nibnu faċilitajiet ġodda, lesti li ndaħħlu inqas flus jekk dan ifisser li nkunu nistgħu naqdu lill-komunità tagħna aħjar u nżommu Snapchat post sigur. Ngħidu aħna, meta bnejna s-servizz tal-kontenut tagħna, għażilna li ngħarblu l-kontenut minn rajna qabel ma jkun jista' jiġi mxandar lil udjenza ikbar, biex nevitaw it-tixrid ta' kontenut li jista' jagħmel il-ħsara. Aħna nħallsu wkoll lill-pubblikaturi tal-midja u lill-ħallieqa parti mid-dħul tagħna biex inħeġġuhom joħolqu kontenut divertenti skont il-linji gwida għall-kontenut tagħna.
Fassalna s-servizz tagħna b'mod li jeħtieġlek taqbel biex sħabek ikunu jistgħu jikkuntattjawk, li jfisser li trid tkun għażilt minn qabel ma min trid tikkomunika, mhux bħall-messaġġi tal-mowbajl, fejn kulħadd jista' jaqbad u jibagħtlek messaġġ għax ikollu n-numru tal-mowbajl tiegħek. Fuq Snapchat il-listi tal-ħbieb huma privati biex b'hekk mhux biss innaqqsu l-pressjoni soċjali imma nllimitaw il-kapaċità ta' nies b'intenzjonijiet ħżiena li jsibu il-ħbieb ta' persuna fuq Snapchat.
lIrridu li Snapchat tkun pjattaforma sigura għal kulħadd u għalhekk noffru ħarsien ikbar lin-nies li jkunu taħt l-età biex nwaqqfu kuntatt mhux mixtieq u nipprovdu ambjent iktar addattat għal kulħadd. Is-settings standard ta' “Ikkuntattjani” huma ħbieb u kuntatti tal-mowbajl biss għall-kontijiet kollha ta' Snapchat, u ma jistgħux jinbidlu. Jekk lil xi ħadd taħt l-età tidħollu talba biex persuna jsir ħabib(a) fuq Snapchat mingħand xi ħadd li ma jafx u li m'għandu l-ebda ħabib(a) komuni miegħu, nuru twissija qabel jibdew jikkomunikaw biex ikun żgur li huwa xi ħadd li jaf jew taf. Grazzi għal dan, madwar 90% tat-talbiet ta' kuntatt il-ġodda fuq Snapchat li jintbagħtu lil nies taħt l-età jkunu mingħand xi ħadd li mill-inqas għandhom ħabib(a) wieħed/waħda komuni. L-għan tagħna huwa li nagħmluha kemm jista' jkun tqila biex in-nies ma jiġux kkuntattjati mingħand xi ħadd li ma jkunux diġa jafu.
Aħna nħeġġu lill-iSnapchatters li jirrapportaw kuntatt mhux mixtieq jew kontenut li jikser ir-regoli u aħna nibblukkaw il-kont li jikser ir-regoli tagħna. Għal dawk li m'għandhomx kont ta’ Snapchat imma xorta jixtiequ jressqu rapport, għandna wkoll għodod apposta fuq is-sit tagħna biex ikunu jistgħu jressqu rapport. Ir-rapporti huma kollha kunfidenzjali u t-tim tal-Fiduċja u s-Sigurtà tagħna jaħdem 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, madwar id-dinja kollha biex iqis kull rapport u jwettaq ir-regoli tagħna b'mod konsistenti.
Meta nieħdu azzjoni biex inneħħu xi kontenut illegali jew li jista' jagħmel il-ħsara, aħżna nżommu l-provi għal tul ta' żmien, biex inkunu nistgħu ngħinu l-forzi taż-żamma tal-ordni fl-investigazzjonijiet tagħhom. Jekk ikun hemm xi kontenut li jagħtina x'nifhmu li hemm xi periklu ta' mewt jew korriment gravi, aħna nirrappurtaw dan il-kontenut lill-forzi taż-żamma tal-ordni minn jeddna u ħafna drabi nwieġbu fi żmien nofs siegħa għal talbiet ta' emerġenza għal żvelar ta' data. Irridu li l-kriminali li jabbużaw Snapchat jinżammu responsabbli.
Hemm tliet theddidiet kbar għall-komunità tagħna li qed naħdmu biex inneħħu għal kollox mis-servizz tagħna: ir-rikatti, it-tixrid tal-materjal li juri abbuż sesswali fuq it-tfal u s-sustanzi illegali.
L-ewwel theddida li tħassibna ħafna hija marbuta maż-żieda fir-rikatti sesswali għall-flus, forma ta' rikatt fejn il-kriminali jagħmluha tabirruħhom li huma xi ħadd li għandu grazzja miegħek u jikkonvinċu lill-vittmi biex jibagħtulhom ritratti privati. Dawn il-kriminali imbagħad jhedduhom li jippubblikaw ir-ritratti u jitolbuhom li jsir ħlas, ħafna drabi bħala karti rigal li jinqasmu bir-ritratti f'messaġġi fuq iċ-Chat. Ħafna minn dawn l-abbużi jitwettqu min-nies barra l-Istati Uniti tal-Amerka li jagħmel il-proċess legali ta' sfida ikbar għalina.
Minħabba ż-żieda kbira f'dawn il-każijiet ħloqna għodod ġodda biex naqbdu dawn il-kriminali fuq is-servizz tagħna minn qabel u nippruvaw ninterċedu għall-vittma qabel it-taħdita tasal sal-punt fejn isiru rikatti sesswali. Meta l-membri tal-komunità tagħna jirrappurtawlna xi att ta' fastidju jew kontenut sesswali, it-tim tagħna normalment jieħu azzjoni fi żmien kwarta.
It-tieni nett, qed nippruvaw ukoll nidentifikaw il-kriminali li jippruvaw jerġgħu jieħdu vantaġġ mit-tfal li diġa kienu sfaw vittma ta' abbużi sesswali billi jaqsmu r-ritratti u l-filmati tal-abbuż fuq is-servizz tagħna. Aħna niċċekkjaw kull stampa u filmat imtella' fuq Snapchat għall-materjal magħruf ta' abbuż sesswali fuq it-tfal u nirrappurtawh lin-National Center for Missing and Exploited Children. Fl-2023, ressaqna 690,000 rapport li wasslu għal iktar minn 1,000 persuna arrestata. M'għandna l-ebda ħsieb li nikkodifikaw il-messaġġi b'mod li ma jħalliniex niċċekkjaw il-kontenut li jittella' biex naraw hux kontenut magħruf ta' abbuż sesswali tat-tfal.
It-tielet nett hi l-epidemija tal-fentanil li għadha fis-seħħ u li qerdet il-ħajja ta' iktar minn 100,000 Amerikan is-sena l-oħra. Qed naħdmu kontinwament biex nneħħu t-traffikanti tad-droga u l-kontenut marbut mad-droga mis-servizz tagħna. Aħna niċċekkjaw is-servizz tagħna minn rajna għal kontenut marbut mas-sustanzi illegali, niddiżattivaw il-kontijiet tat-traffikanti tad-droga, nipprojbixxu l-apparat kollu tagħhom milli jkollu aċċess għas-servizz tagħna, inżommu l-provi u ngħarrfu lill-forzi taż-żamma tal-ordni, fosthom lid-Drug Enforcement Administration b'dan. Fl-2023, neħħejna iktar minn 2.2 miljun biċċa ta' kontenut marbut mad-droga, iddiżattivajna 705,000 kont marbut ma' dal-kontenut u mblukkajna l-apparat kollu marbut ma' dawn il-kontijiet mis-servizz ta' Snapchat.
Meta n-nies jippruvaw ifittxu xi kliem marbut mad-drogi, mhux biss nimblukkaw ir-riżultati tat-tiftix marbutin ma' dawn il-kliem imma jintwerew materjal edukattiv dwar id-drogi fuq is-servizz tagħna. Il-fentanil hija theddida unika, għax hija sustanza fatali immens u ssibha mħallta f'kważi kull droga jew pillola falza li tinbiegħ illegalment. Għalhekk nemmnu daqshekk bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija importanti f'dan il-qasam u ħloqna kampanji biex ngħarrfu lill-pubbliku. Waħda mill-kampanji, One Pill Can Kill, dehret iktar minn 260 miljun darba fuq Snapchat. Nuru wkoll il-kampanja Real Deal on Fentanyl tal-Ad Council biex ngħallmu lill-komunità tagħna fuq il-perikli tal-pilloli foloz.
Minbarra l-għodod li nagħtu lill-ġenituri fuq is-sistemi ta' iOS u Android, ħdimna biex nagħtu iktar setgħa lill-ġenituri grazzi għal iktar għodod biex jissorveljaw il-mod li l-adoloxxenti tagħhom jużaw Snapchat. Il-ġenituri jistgħu jużaw iċ-Ċentru tal-Familja tagħna biex isibu l-lista tan-nies li l-adoloxxenti tagħhom ikunu jitħaddtu magħhom fuq is-servizz tagħna. Dan huwa kif nemmnu lil-ġenituri jżommu għajnejhom fuq uliedhom fil-ħajja ta' vera meta jkunu jridu jkunu jafu ma' min qed iqattgħu l-ħin uliedhom mingħajr ma joqogħdu jissemmgħulhom kull taħdita privata. Miċ-Ċentru tal-Familja, il-ġenituri se jkunu jistgħu jiċċekkjaw is-settings tal-privatezza u jimblukkaw ċertu kontenut.
Nittama li din id-dehra tkun opportunità biex imexxu leġislazzjonijiet importanti 'l quddiem bħall-Kids Online Safety Act u l-Copper Davis Act. Aħna naqblu ma' din il-leġislazzjoni, mhux biss bil-kliem biss imma bil-fatti, u ħdimna ħafna biex niżguraw li s-servizz tagħna jimxi mar-rekwiżiti leġiżlattivi qabel ma jsiru obbligi legali formali. Dan billi ma nħallux lill-adoloxxenti jikkomunikaw ma' ħadd iktar għajr sħabhom u l-kuntatti tagħhom, billi noffru għodod għall-ġenituri fl-app, billi naqbdu u nneħħu l-kontenut li jagħmel il-ħsara minn rajna u billi nirrappurtaw il-kontenut marbut mad-drogi li huma fatali lill-forzi taż-żamma tal-ordni. Qed inkompu l-ħidma tagħna mal-Kumitat li qed jaħdem fuq l-iStop CSAM Act, liġi li nemmnu li se tqarribna ħafna lejn il-qerda tal-isfruttament sesswali tat-tfal mis-servizzi tal-internet.
Il-biċċa l-kbira tal-ikbar u l-iktar kumpaniji tal-Internet li kisbu suċċess illum twieldu hawn fl-Istati Uniti tal-Amerka u għalhekk mhux biss għandna nkunu minn ta' quddiem fejn jidħlu l-innovazzjonijiet tekniċi imma wkoll fejn jidħlu l-liġijiet magħmula bis-sens. Għalhekk aħna naqblu ma' liġi federali dwar il-privatezza li tħares il-privatezza tad-dejta tal-Amerikani kollha u li toħloq standards tal-privatezza konsistenti għas-servizzi tal-internet kollha.
Nixtieq nieħdu dil-opportunità biex nesprimi mill-qalb kemm napprezza lill-imsieħba u l-kollaboraturi kollha tagħna li naħdmu magħhom fil-privat, fil-gvern u l-għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ u l-NGOs li jgħinuna ħafna f'dil-ħidma, u li għandhom l-istess għan tagħna li nżommu l-komunità, l-iktar lill-adoloxxenti tagħna, siguri. Inħossuna grati b'mod speċjali lejn il-forzi taż-żamma tal-ordni u lill-ħaddiema tal-ewwel għajnuna li huma ta' importanza kbira f'din il-ħidma. Biex ma ntawwalx u biex żgur ma nħalli lil ħadd barra, mhux se nsemmi lil kulħadd individwalment, imma tafu min intom u nixtieq nirringrazzjakom mill-qalb u nesprimi l-ikbar gratitudni għall-ħidma tagħkom.
Il-komunità tagħna ta' sikwit tgħidilna li jħossuhom kuntenti huma u jużaw Snapchat u min-naħa l-oħra nafu li r-relazzjonijiet mal-ħbieb u mal-qraba huma importanti għas-saħħa mentali u l-benesseri. Dan l-aħħar qabbadna lin-National Opinion Research Center tal-Università ta' Chicago jmexxi stħarriġ u r-riżultati juruna li dawk li jużaw Snapchat iħossuhom iktar sodifatti bil-kwalità tal-ħbiberiji u relazzjonijiet mal-familja meta mqabbla ma' dawk li ma jużawx Snapchat. Nixtiequ li nagħmlu impatt pożittiv fid-dinja u din il-ħaġa żżommna naħdmu ta' kuljum biex niżguraw li s-servizz tagħna jintuża b'mod sigur u li hu tajjeb għas-saħħa.
It-twemmin li jsejjes il-ħidma tagħna huwa li l-internet għandu jkun iktar sigur mill-ħajja ta' vera. Għalkemm nifhmu li ma nistgħux inħarsu lil kulħadd minn kull riskju li jeżisti meta tuża s-servizzi tal-internet, aħna nagħtu sehemna biex inħarsu lill-komunità ta' Snapchat. L-adoloxxenti huma l-ġejjieni ta' pajjiżna u jeħtieġ li naħdmu flimkien biex inħarsuhom.
Grazzi.