Ix-Xhieda Li Ta Evan Spiegel Quddiem il-Kungress tas-Senat

31 ta' Jannar 2024

Illum, wieħed mill-fundaturi tagħna u s-CEO Evan Spiegel ingħaqad ma' pjattaformi tat-teknoloġija oħra u biex jixhed quddiem il-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerka. Hawn taħt tista' taqra x-xhieda sħiħa li xehed Evan innifsu quddiem il-Kumitat.

***

Chairman Durbin, Membru Prominenti Graham u l-membri l-oħra tal-Kumitat, grazzi talli sejjaħtu dil-laqgħa u talli qed taħdmu biex toħolqu liġijiet importanti biex iħarsu lit-tfal fuq l-internet.

Jien Evan Spiegel, CEO u wieħed mill-fundaturi ta' Snap. 

Aħna ħloqna Snapchat, servizz fuq l-internet li jintuża minn iktar minn 800 miljun persuna madwar id-dinja, biex in-nies ikunu jistgħu jikkomunikaw ma' sħabhom u qrabathom. 

Naf li ħafna minnkom ilkom taħdmu biex tħarsu lit-tfal fuq l-internet minn qabel ma Snapchat inħoloq, u ta' dan nixtiequ nroddulkom ħajr tal-ħidma bla qatigħ li wettaqtu matul is-snin għal din il-kawża u tar-rieda tagħkom biex naħdmu flimkien biex inżommu l-komunità tagħna sigura.

Nixtieq nirrikonoxxi il-vittmi li għaddew minn abbużi fuq l-internet u l-familji li llum qiegħdin hawn li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom minħabba l-internet. 

M'għandix kliem biżżejjed biex nesprimi d-dieqa li nħoss meta naf li servizz li fassalna biex inferrħu lin-nies intuża ħażin biex jagħmel il-ħsara.

Nixtieq nagħmilha ċara li aħna nifhmu r-responsabbiltà li għandna biex inżommu l-komunità tagħna sigura.

Nixtieq inrodd ħajr ukoll lill-ħafna familji li ħadmu biex ikabbru l-għarfien dwar dawn il-problemi, li ħadmu għall-bidla u li għenu lill-leġiżlaturi joħolqu liġijiet importanti li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet, bħal ngħidu aħna, il-Cooper Davis Act.

Bdejt nibni Snapchat ma' Bobby Murphy, il-fundatur l-ieħor, meta kelli għoxrin sena. Fassalna Snapchat biex insewwu xi wħud mill-problemi li konna qed inħabbtu wiċċna magħhom fuq l-internet meta konna adoloxxenti aħna. 

Ma kellniex alternattiva għall-midja soċjali. Dan ifisser li r-ritratti li konna ntellgħu fuq l-internet kienu hemm għal dejjem, seta' jsibhom kulħadd u kienu jitqiesu daqs li kieku kienu kriterji għall-popolarità. Ma kienx ix-xorta ta' ambjent li ridna ngħixu fih.

Ħloqna Snapchat mod ieħor għax ridna mod ġdid biex nikkomunikaw ma' sħabna li hu ħafif, tieħu gost tużah u li hu privat. Stampa tiswa elf kelma, allura n-nies jikkomunikaw permezz ta' ritratti u filmati fuq Snapchat.

M'għandniex sistema ta' reaazzjonijiet jew kummenti pubbliċi meta taqsam l-iStory tiegħek ma' sħabek. 

Fassalna Snapchat bħala pjattaforma fejn il-privatezza hi l-istandard, u għalhekk, dak li jkun jeħtieġlu jagħżel minn rajh li jżid kuntatti ġodda u min jista' jikkuntattjah.

Aħna u nibnu Snapchat għażilna li r-ritratti u l-filmati mibgħuta fuq is-servizz tagħna jitħassru awtomatikament bħala regola ġenerali.

Snapchat tipprova tagħti l-privatezza li l-ġenerazzjonijiet ta' qabel kellhom meta jagħmlu telefonata, li mhumiex irrekordjati u issa l-ġenerazzjoni tagħna tista' tuża Snapchat biex taqsam ritratti li, għalkemm jistgħu ma jkunux perfetti, xorta jwasslu l-istess emozzjonijiet b'serħan il-moħħ li mhux se jibqgħu hemm għal dejjem. 

Anki jekk il-pjattaforma tagħna tħassar il-messaġġi li jinbagħtu fuq Snapchat awtomatikament bħala regola ġenerali, dejjem ngħarrfu lill-utenti li min jirċievi r-ritratti u l-filmati jista' jkun qed iżomm kopja tagħhom. 

Meta nieħdu azzjoni biex inneħħu xi kontenut li jmur kontra l-liġi jew li jista' jkun ta' ħsara, inżommu wkoll kopja tal-evidenza għal tul ta' żmien, biex inkunu nistgħu ngħinu lill-forzi taż-żamma tal-ordni u ngħinuhom jiżguraw li l-kriminali jinżammu responsabbli. 

Biex ma nħallux kontenut li jagħmel il-ħsara jinfirex fuq Snapchat, aħna napprovaw il-kontenut li hu rakkomandat fuq is-servizz tagħna bi proċess li juża kemm sistemi awtomatiċi kif ukoll għarbiel min-nies infushom. 

Aħna nwettqu r-regoli marbuta mal-kontenut b'mod konsistenti u ġust għall-kontijiet kollha. Biex niżguraw li qed nagħmlu biċċa xogħol tajba, nieħdu kampjun ta' każijiet u niċċekkjawhom għall-kwalità tal-għarbiel li nkunu użajna għalihom.

Aħna niċċekkjaw minn rajna għal materjal magħruf ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, kontenut marbut mad-drogi u kontenut li jagħmel il-ħsara ta' xorta oħra fuq il-pjattaforma tagħna, inneħħu dak il-kontenut, nagħlqu l-kont u nimblukkaw it-tagħmir ta' min itella' kontenut li jikser ir-regoli, inżommu l-provi għall-forzi taż-żamma tal-ordni u nirrappurtaw xi kontenut lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni u jinvestigaw.

Is-sena l-oħra ressaqna 690,000 rapport lin-National Center for Missing and Exploited Children, li wasslu għal iktar minn 1,000 arrest. Neħħejna wkoll 2.2 miljun biċċa ta' kontenut marbut mad-drogi u mblukkajna 705,000 kont marbut ma' dan il-kontenut.

Anki bis-Settings stretti tal-privatezza tagħna, xorta nkomplu nidentifikaw u ngħarblu l-kontenut minn rajna u naħdmu mal-forzi taż-żamma tal-ordni, għax meta n-nies jużaw is-servizzi tal-internet xorta jistgħu jseħħu ħwejjeġ ħżiena Għalhekk nemmnu li n-nies taħt it-13-il sena għadhom mhux lesti biex jikkomunikaw fuq Snapchat. 

Inħeġġu bis-sħiħ lill-ġenituri biex jużaw il-kontrolli tal-ġenituri fuq iPhone u Android. Aħna nużahom fil-familja tagħna u marti tiċċekkja u tagħti permess għal kull app li t-tifel ta' 13-il sena tagħna jniżżel. 

Għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jkollhom idea aktar ċara u kontroll ikbar, għandha ċ-Ċentru tal-Familja fuq Snapchat biex tkun tista tara ma' min qed jitħaddtu l-adoloxxenti tiegħek, tirrevedi s-Settings tal-privatezza tagħhom u tillimita x'kontenut jistgħu jsibu.

Ħdimna għal ħafna snin ma' membri tal-Kumitat fuq leġislazzjonijiet bħall-Kids Online Safety Act u l-Cooper Davis Act, li aħna kburin li nappoġġjaw. Inħeġġeġ lill-bqija tal-industrija titkellem favur il-leġislazzjonijiet li jħarsu lit-tfal fuq l-internet. 

L-ebda leġislazzjonij mhi perfetta imma aħjar ikollna ftit regoli li mhux perfetti milli ma jkollna xejn.

Ħafna mill-ħidma li nwettqu biex inħarsu lin-nies li jużaw is-servizz tagħna ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-imsieħba tagħna fl-industrija, fil-gvern, mill-għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ, l-NGOs u b'mod speċjali, il-forzi taż-żamma tal-ordni u l-ħaddiema tal-ewwel għajnuna li jaħdmu bla qatigħ biex jgħinu jħarsu lin-nies. 

Nixtieq inroddilhom ħajr għall-ħidma straordinarja li jwettqu madwar il-pajjiż u madwar id-dinja biex iwaqqfu kriminali milli jużaw is-servizzi tal-internet biex iwettqu reati.

Grat ħafna għall-opportunitajiet li dal-pajjiż ta lili u lil familti. Għalhekk inħossni obligat li għandi nagħti xi ħaġa ta' ġid lura u nagħmel differenza pożittiva u għalhekk grat li ninsab hawn illum, bħala parti minn dal-proċess demokratiku importanti ħafna.

Nagħti lilkom, il-Membri tal-Kumitat, kelmti, li aħna se nkunu parti mis-soluzzjoni għall-ħarsien tan-nies fuq l-internet. 

Se nkunu onesti dwar in-nuqqasijiet tagħna u se naħdmu bla qatigħ biex kontinwament nimxu 'l quddiem.

Grazzi. Nistenna bil-ħerqa li nwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom.

Lura għall-Aħbarijiet