Snap Values

Ħidmietna Biex Inżommu Ambjent Sikur għas-Snapchatters

4 ta' Ottubru 2024

Aħna ta' Snap, il-ħin kollu nevolvu l-mekkaniżmi tas-sikurezza u l-politiki tal-pjattaforma tagħna biex nillimitaw il-ħila ta' persuni b'intenzjonijiet ħżiena li jużaw il-pjattaforma tagħna b'mod ħażin. Nisfruttaw it-teknoloġija avvanzata biex nidentifikaw u nimblukkaw attività li tikser ir-regoli tagħna, napplikaw prinċipji tad-disinn biex noħolqu frizzjoni fil-proċess ta' kif wieħed jagħmel ħbieb, insostnu l-infurzar tal-liġi, nikkollaboraw ma' awtoritajiet governattivi, u naħdmu biex insaħħu s-sensibilizzazzjoni u nipprovdu edukazzjoni dwar l-iktar elementi ta' ħsara serja li jħallu impatt fuq l-adoloxxenti, u tabilħaqq fuq il-membri kollha tal-komunità tagħna.

Nieħdu r-responsabbiltà tagħna li nħarsu lill-adoloxxenti b'serjetà kbira. Ħidmietna hi sostanzjali, u tinkludi dawn l-aspetti li ġejjin:

I. Li nagħmlu lil Snapchat ambjent ostili għall-persuni b'intenzjonijiet ħżiena

Iktar kmieni din is-sena ħabbarna funzjonijiet ġodda biex ngħinu nkomplu nissalvagwardjaw il-komunità tagħna, b'mod speċifiku lill-utenti adoloxxenti, u biex insaħħu r-relazzjonijiet fid-dinja reali li jagħmlu lil Snapchat unika. Dawk l-aġġornamenti jinkludu: aktar twissijiet fl-applikazzjoni għal kuntatti suspettużi, protezzjonijiet akbar fil-proċess biex l-utenti jsiru ħbieb mibnijin b'mod speċifiku għall-adoloxxenti, u t-titjib tal-kapaċità ta' mblukkar ta' kuntatt mhux mixtieq.

Dawn il-bidliet, iffukati fuq il-ġlieda kontra l-estorsjoni sesswali online, jibnu fuq l-investimenti kontinwi tagħna biex niġġieldu kontra kull forma ta' sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal. Ngħidu aħna:

Nużaw sinjali biex nidentifikaw imġiba ta' estorsjoni sesswali biex inkunu nistgħu nneħħu b'mod attiv lil persuni b'intenzjonijiet ħżiena qabel ma jkollhom l-opportunità li jixħtu lil oħrajn fil-mira tagħhom u jivvittimizzawhom. Dan minbarra l-isfruttar u l-varar ta' teknoloġija mfassla biex tipprevjeni t-tixrid ta' immaġnijiet li diġà jkunu magħrufa ta' sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal (CSEAI) fuq Snapchat, inklużi PhotoDNA (biex nidentifikaw kopji ta' immaġnijiet illegali li diġà jkunu magħrufa), CSAI Match (biex nidentifikaw kopji ta' vidjows illegali diġà magħrufa), u Content Safety API (biex tgħinna nidentifikaw immaġnijiet ġodda "li qatt ma jkunu ġew hashed").

Filwaqt li ilna noffru rapportar sempliċi fl-applikazzjoni fir-rigward ta' kontenut u ta' kontijiet li jiksru r-regoli tagħna, fl-2023 għamilna titjib biex nagħtu spinta lill-ġlieda tagħna kontra danni relatati mal-estorsjoni sesswali. Is-sena l-oħra nedejna rappurtar testwali permezz ta' chat fl-applikazzjoni - li jippermetti lis-Snapchatters jirrapurtaw messaġġi individwali direttament mill-konverżazzjoni stess. Espandejna wkoll l-għodod tagħna ta' rappurtar fl-applikazzjoni biex jinkludu raġuni ta' rappurtar speċifika u mfassla apposta għall-estorsjoni sesswali u, skont il-pariri u l-gwida mill-NGO li tiġġieled kontra s-CSEA, Thorn, ippreżentajna dik l-għażla ta' rappurtar f'lingwa li magħha l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jistgħu jirrelataw ("Ħarġuli / qed jheddu li joħorġuli ritratti li fihom jien nidher għarwien/a"). Min-naħa tagħhom, dawk ir-rapporti jintużaw biex jinfurmaw l-isforzi ta' infurzar tagħna, inklużi d-detezzjoni u l-infurzar ibbażati fuq is-sinjali. Nanalizzaw tendenzi, xejriet u t-tekniki tal-estorsjonisti sesswali u, jekk kont juri ċerti karatteristiċi, jissakkar minħabba estorsjoni sesswali.

Inkomplu ntejbu u nżidu mal-firxa ta' għodod taċ-Ċentru tal-Familja tagħna, maħruġ fl-2022, fejn il-ġenituri jistgħu jaraw ma' min ikunu ħbieb l-adoloxxenti tagħhom fuq Snapchat, ma' min tkellmu dan l-aħħar, u jirrapurtaw faċilment kontijiet li jistgħu jkunu ta' tħassib għalihom. L-għan tagħna għaċ-Ċentru tal-Familja minn dejjem kien li nixprunaw djalogu miftuħ u kostruttiv fost il-ġenituri/l-indukraturi u l-adoloxxenti dwar kif wieħed iżomm ruħu sikur online.

Aħna nikkollaboraw mill-qrib mal-infurzar tal-liġi, u ninvestu bis-saħħa fit-timijiet tagħha li jieħdu ħsieb operazzjonijiet tas-sikurezza u tal-infurzar tal-liġi li joperaw madwar id-dinja 24 siegħa kuljum biex jgħinu jżommu l-komunità tagħna sikura. Pereżempju, it-timijiet tal-Fiduċja u Sikurezza tagħna kibru b'aktar mid-doppju mill-2020 'l hawn, u t-tim tagħna tal-Operazzjonijiet tal-Infurzar tal-Liġi kiber b'aktar mit-tripplu tul dak iż-żmien. Ta' kull sena nilqgħu summits għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Uniti biex naraw li l-uffiċjali u l-aġenziji jkunu jafu kif jieħdu azzjoni xierqa kontra kwalunkwe attività illegali li tista' tkun qed isseħħ fuq il-pjattaforma tagħna.

Qed naħdmu wkoll b'mod dirett mal-infurzar tal-liġi fin-Niġerja - minn fejn joriġinaw ħafna każijiet ta' estorsjoni sesswali - għall-bini tal-kapaċità u tal-għarfien fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni tal-atturi ta' reati, u qed nippjanaw li nkomplu l-interazzjonijiet tagħna mal-gvern Niġerjan biex inkomplu nikkollaboraw f'dan il-qasam. U ħdimna mal-International Justice Mission, mal-NCMEC, ma' membri oħra tal-industrija, u ma' NGOs biex nipprovdu taħriġ lill-infurzar tal-liġi fl-investigazzjoni ta' CyberTips f'pajjiżi barra mill-Istati Uniti fejn l-attività ta' estorsjoni sesswali hi prevalenti.

Għal ħafna snin, żammejna kuntatt ukoll ma' medda robusta ta' "trusted flaggers": aġenziji bla skop ta' qligħ, NGOs, u aġenziji governattivi speċifiċi li jeskalawlna każijiet ta' abbuż, theddidiet imminenti għall-ħajja, u kwistjonijiet ta' emerġenza oħra f'isem Snapchatters fil-bżonn permezz ta' kanali ta' prijorità għolja. Il-maġġoranza tal-parteċipanti fil-Programm ta' Trusted Flaggers tagħna jirrapurtaw kontenut u kontijiet relatati ma' danni relatati ma' aspetti sesswali kontra minorenni, inkluża l-estorsjoni sesswali.

II. Interazzjonijiet ma' esperti tal-industrija u ma' koalizzjonijiet 

Minbarra l-investimenti tagħna stess, inżommu wkoll kuntatt ma' esperti madwar il-globu, għax aħna nafu li l-ebda entità jew organizzazzjoni waħedha ma tista' verament tagħmel avvanzi f'dawn il-kwistjonijiet. Pereżempju, Snap tirrappreżenta l-industrija fil-Bord tal-Politika internazzjonali tal-WeProtect Global Alliance; aħna membri tal-Kunsill Konsultattiv ta' INHOPE, u aħna membri fil-Bord ta' Fiduċjarji tal-Internet Watch Foundation (IWF) tar-Renju Unit. Dawn l-organizzazzjonijiet kollha għandhom il-qerda tas-CSEA online fil-qalba tal-missjonijiet tagħhom.

Għadna membri attivi tat-Tech Coalition, alleanza tal-industrija globali ffukata fuq il-ġlieda kontra l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal online, u dan l-aħħar ikkonkludejna mandat ta' sentejn fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Bord tad-Diretturi tagħha. Konna wkoll membri fundaturi tal-inizjattiva Lantern tat-Tech Coalition, l-ewwel programm ta' qsim tas-senjalazzjoni fost pjattaformi differenti għall-kumpaniji biex isaħħu kif jinfurzaw il-politiki tagħhom ta' sikurezza tat-tfal. Permezz tal-parteċipazzjoni attiva f'dan il-programm, il-kumpaniji jistgħu jgħinu lil xulxin fil-kontroverifika ta' persuni b'intenzjonijiet ħżiena, inklużi estorsjonisti sesswali.

Apparti dan, inħaddmu l-bażi tad-dejta Take It Down tan-National Center for Missing and Exploited Children’s (NCMEC), li tippermetti lill-minorenni jiġġeneraw marka tas-swaba' diġitali - imsejħa "hash" - ta' immaġnijiet jew vidjows magħżulin direttament fuq l-apparati tagħhom. Imbagħad, il-kumpaniji li jieħdu sehem, inkluża Snap, ikunu jistgħu jużaw dawk il-hashes biex ifittxu u jneħħu immaġnijiet duplikati li jiksru l-Linji Gwida tal-Komunità tagħna. Aħna nieħdu sehem fi programm simili fir-Renju Unit, imsejjaħ Report Remove, u s-sena l-oħra sseħibna fil-kollaborazzjoni StopNCII ta' SWGfL biex ngħinu fil-prevenzjoni tat-tixrid ta' immaġnijiet intimi mhux kunsenswali (NCII) fuq Snapchat billi nisfruttaw il-bażi tad-dejta ta' hashes ta' dak il-grupp. StopNCII tgħin biex twaqqaf it-tixrid ta' immaġnijiet intimi ta' persuni li għandhom 18-il sena jew aktar, u toffri lill-vittmi l-kapaċità li jerġgħu jiksbu l-privatezza tagħhom fuq l-aktar ritratti u vidjows privati tagħhom.

Dis-sena nedejna wkoll il-Kunsill ta' Snap għall-Benessri Diġitali, grupp ta' 18-il persuna adoloxxenti minn madwar l-Istati Uniti, magħżula biex jieħdu sehem fi programm pilota twil sena li jippromwovi drawwiet u prattiki online aktar sikuri fl-iskejjel u fil-komunitajiet tagħhom. F'Lulju, dan il-grupp, flimkien ma' tal-inqas ġenitur jew chaperone wieħed, inġabru fil-kwartieri ġenerali ta' Snap f'Santa Monika, Kalifornja, għal diskussjonijiet li pprovdew għarfien interessanti dwar suġġetti bħar-riskji online u d-dinamika soċjali, u l-għodod għall-ġenituri. Dan minbarra l-Bord Konsultattiv dwar is-Sigurtà ta' Snap, li jikkonsisti f'16-il professjonist u fi tliet promoturi li jaħdmu fl-oqsma taż-żgħażagħ, li jipprovdu gwida diretta u direzzjoni lil Snap fi kwistjonijiet relatati mas-sikurezza. Ninsabu ħerqana għall-2025, meta nittamaw li se noħolqu iktar opportunitajiet għall-membri taż-żewġ gruppi biex jiltaqgħu flimkien u jaqsmu iktar għarfien.

III. Xprunar tas-sensibilizzazzjoni 

Minbarra l-investimenti interni tagħna u l-ħidma li nwettqu mal-esperti u fi ħdan l-industrija kollha, komponent kritiku għall-ġlieda kontra skemi online ta' abbuż sesswali u ta' estorsjoni sesswali hu s-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u s-Snapchatters.

Fl-2022 nedejna d-Digital Well-Being Index, riċerka tal-ogħla livell fl-industrija li toffri għarfien dwar il-ħajja tal-adoloxxenti u tal-adulti żgħażagħ online fuq il-pjattaformi kollha. Bħala parti minn din ir-riċerka, għall-aħħar sentejn għamilna approfondimenti kbar dwar l-estorsjoni sesswali. Billi dan l-istudju jkopri l-esperjenzi online b'mod ġenerali, mhux biss fuq Snapchat, mhux biss jgħin biex jinforma ħidmietna, iżda nittamaw li joffri għarfien siewi lil oħrajn fi ħdan l-ekosistema tat-teknoloġija wkoll. Iktar tard dan ix-xahar, se nkunu qed naqsmu r-riżultati tal-approfondiment tat-Tieni Sena tagħna dwar l-estorsjoni sesswali, flimkien mal-Forum virtwali bejn Diversi Partijiet Ikkonċernati li se jsir dalwaqt mit-Technology Coalition rigward l-estorsjoni sesswali ta' minorenni.

Iktar kmieni din is-sena, konna onorati li konna l-ewwel entità li appoġġajna lil Know2Protect, kampanja pubblika ta' sensibilizzazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha u mnedija din is-sena mid-Department of Homeland Security (DHS) tal-Istati Uniti. Il-kampanja teduka u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, lill-ġenituri, lill-adulti fdati, u lil dawk li jfasslu l-politika biex tgħinhom jipprevjenu u jiġġieldu reati bħall-estorsjoni sesswali finanzjarja. Minbarra li tajna spazju għar-reklamar b'donazzjoni fuq Snapchat għar-riżorsi edukattivi tal-K2P, qed nagħmlu riċerka addizzjonali ma' adoloxxenti u ma' żgħażagħ adulti fl-Istati Uniti biex inkomplu ninformaw il-kampanja. Varajna b'mod konġunt ukoll Snapchat Lens bir-realtà awmentata biex ngħinu nedukaw lis-Snapchatters permezz ta' kwiżż interattiv ta' Know2Protect. U fir-Renju Unit sal-lum il-ġurnata appoġġajna l-kampanja ta' sensibilizzazzjoni b'firxa kbira ħafna tal-IWF fuq dawn il-kwistjonijiet, Gurls Out Loud, imfassla biex tinforma lil tfajliet ta' bejn il-11 u t-13-il sena dwar il-grooming sesswali, is-sexting u x'jiġri meta jintbagħtu ritratti li fihom il-persuni juru lilhom infushom għarwenin online. Barra minn hekk, dan l-aħħar nedejna An Educator’s Guide to Snapchat, fi sħubija ma' Safe and Sound Schools biex niżviluppaw sett ta' għodda komprensiv għall-edukaturi li jinkludi informazzjoni u gwida dwar kif tiġi miġġielda l-estorsjoni sesswali.

Fuq il-bażi tas-snin ta' riċerka tagħna, aħna nafu li s-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-komunità huma għodod b'saħħithom li jgħinu fil-prevenzjoni ta' ħsarat online, u nkomplu niżviluppaw u nippromwovu r-riżorsi fl-applikazzjoni biex nilħqu lill-adoloxxenti u liż-żgħażagħ direttament fuq Snapchat. F'Settembru 2023, ħriġna erba' episodji ġodda ta' “Safety Snapshot” fl-applikazzjoni li ffukaw fuq ir-riskji u d-danni sesswali, inkluża l-estorsjoni sesswali finanzjarja. Noffru wkoll episodji dwar is-sexting u l-konsegwenzi ta' meta jinħolqu u jixxerrdu ritratti li juru persuni għarwenin, il-grooming online tat-tfal għal skopijiet sesswali, u t-traffikar sesswali tat-tfal. Dawn ir-riżorsi kollha ġew riveduti minn esperti fin-National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) u nħolqu f'kollaborazzjoni ma' hotlines u helplines rilevanti f'żoni importanti.

Aħna nkomplu niġġieldu kontra l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal online, iżda għad fadal iktar x'nagħmlu. Fl-2025, se nkomplu nissensibilizzaw dwar id-danni online potenzjali u nkomplu ntennu li kulħadd jista' jisfa mira potenzjali. Irridu nxekklu u nipprevjenu lil persuni b'intenzjonijiet ħżiena sa minn kmieni u ta' spiss, u rridu nipproduċu CyberTips saħansitra iktar azzjonabbli għall-infurzar tal-liġi.

Ta' min jgħid li aħna nħaddmu ħafna minn dawn l-istess strateġiji aħna u niġġieldu kontra danni serji oħrajn, bħall-attività tad-droga illeċita, inklużi l-bejgħ ta' pilloli foloz, theddidiet ta' vjolenza, u kontenut relatat ma' suwiċidju u ma' ħsara fuq il-persuna stess. Aħna konxji li ħidmietna f'dan il-qasam jaf qatt ma tista' tilħaq il-milja tagħha, imma tassew ngħożżu s-sikurezza tas-Snapchatters u se nkomplu naħdmu b'mod kollaborattiv fi ħdan l-industrija, mal-gvernijiet, u mal-infurzar tal-liġi biex naqsmu informazzjoni u nsaħħu d-difiżi tagħna.

Lura għall-Aħbarijiet