Snap Values

Ix-Xhieda Parlamentari ġewwa l-Awstralja dwar il-Ħtieġa ta' Età Minima ta' 16-il Sena biex Wieħed Jitħalla Juża l-Midja Soċjali

28 ta' Ottubru 2025

Illum, Jennifer Stout, il-Viċi President għall-Politika u l-Ħidma Dinjija tal-Pjattaforma, ingħaqdet ma' Meta u TikTok biex tixhed quddiem il-Parlament Awstraljan u titħaddet dwar il-liġi għall-Ħtieġa ta' Età Minima Biex Wieħed Jitħalla Juża l-Midja Soċjali. Hawn taħt tista' taqra l-istqarrija tal-ftuħ ta' Jennifer.

+++

Grazzi tal-opportunità li nidher quddiem dal-Kumitat biex nitħaddet dwar it-twemmin ta' Snap fejn tidħol il-liġi tal-Ħtieġa tal-Età Minima ta' 16-il Sena biex Wieħed Jitħalla Juża l-Midja Soċjali.

Snapchat hi, u dejjem kienet, app tal-messaġġi. Mit-twaqqif tagħha, fassalna Snapchat biex ngħinu lill-ħbieb jikkomunikaw bħal ma jagħmlu fil-ħajja ta' vera — biex iżommu kuntatt permezz ta' ritratti, filmati u taħditiet li jirriflettu x'jiġri fil-ħajja ta' vera.

Għalkemm mas-snin żidna faċilitajiet ġodda, il-messaġġi jibqgħu l-għan ewlieni ta' Snapchat u huma l-mod ewlieni ta' kif il-komunità tagħna tuża l-app illum.

Il-Gvern ħoloq Regoli tal-Esklużjoni li jeżentaw lill-pjattaformi li l-għan uniku jew ewlieni tagħhom huma l-messaġġi, is-sejħiet bil-leħen u s-sejħiet bil-filmat mill-ħtieġa ta' xi età minima partikolari biex l-apps ikunu jistgħu jintużaw. Għamlu hekk għax fehmu li l-adoloxxenti jeħtieġu jkunu jistgħu jikkomunikaw ma' sħabhom u qrabathom.

L-utenti ta' Snapchat ġewwa l-Awstralja qattgħu iktar minn 75% tal-ħin tagħhom fuq Snapchat jiktbu l-messaġġi u jsejħu lil xulxin — l-istess faċilitajiet li jagħtu l-apps bħal WhatsApp, Messenger u iMessage u li jaqgħu taħt l-eżenzjoni minn dar-restrizzjonijiet. Biss, Snapchat qed titqies bħala servizz tal-midja soċjali limitat għal nies ta' ċerti etajiet.

Aħna ma naqblux ma' dil-interpetazzjoni. Tajna provi ċari lill-Kummisarju tas-Sigurtà Diġitali fejn urejna li l-għan ewlieni ta' Snapchat huwa l-messaġġi, skont l-għan li semma l-Gvern.

Aħna se nimxu mal-liġi anki jekk nemmnu li twettqet ħażin u tista' tnaqqar mill-fiduċja tal-komunità fil-liġi nnifisha.

Mill-10 ta' Diċembru 'l quddiem, se niddiżattivaw il-kontijiet tal-iSnapchatters Awstraljani li għadhom m'għalqux is-16-il sena.

Nafu li din se tkun xi ħaġa iebsa għall-adoloxxenti li jużaw Snapchat biex jikkomunikaw ma' ħbiebhom u qrabathom. Għall-adoloxxenti, ir-rabta u l-komunikazzjoni jwasslu għal ferħ u benesseri ikbar. Jekk tneħħilhom dik il-ħaġa, ma tkunx qed tħarishom — tkun qed timbuttahom għal servizzi tal-messaġġi li m'għandhom il-ħarsien tas-sigurtà u l-privatezza li tagħti Snapchat.

Aħna, bħall-Gvern, nemmnu li għandna nħarsu lill-adoloxxenti fuq l-internet imma ma nemmnux li r-restrizzjonijiet fuq il-komunikazzjoni bi Snapchat se jgħinu biex dak l-għan jintlaħaq.

Matul dal-proċess se nkunu responsabbli u trasparenti, fosthom billi ngħinu lill-utenti jivverifikaw l-età tagħhom, biex jekk għalqu s-16-il sena, ikunu jistgħu jżommu l-kontijiet tagħhom.

Se nkomplu naħdmu fil-qrib mal-Kummissarju tas-Sigurtà Diġitali u mal-Gvern, dejjem skont il-liġi, anki jekk ma naqblu xejn magħha.

Grazzi. Nista' nwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom.

Lura għall-Aħbarijiet